Ġeħova Se ‘Jġiegħel li Ssir Ġustizzja’
“Sejjer Alla ma jġagħalx li ssirilhom ġustizzja lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar?”—LUQA 18:7.
1. Min hu sors taʼ inkuraġġiment għalik, u għala?
MADWAR id-dinja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jgawdu s-sħubija t’aħwa Kristjani rġiel u nisa li ilhom jaqdu lil Ġeħova lealment għal ħafna snin. Taf lil xi wħud minn dawn l-aħwa għeżież personalment? Forsi tiġik f’moħħok xi oħt anzjana li tgħammdet ħafna snin ilu u li rari titlef laqgħa fis-Sala tas-Saltna. Jew forsi taħseb f’xi ħu li lealment jappoġġa l-attivitajiet tal-kongregazzjoni fil-ministeru taʼ l-għalqa ġimgħa wara l-oħra u ilu jagħmel dan għal għaxriet taʼ snin. Tabilħaqq, ħafna minn dawn l-uħud leali ħasbu li s’issa Armageddon se tkun diġà għaddiet. Madankollu, il-fatt li din id-dinja inġusta għadha teżisti ma dgħajjifx il-fiduċja tagħhom fil-wegħdi taʼ Ġeħova u lanqas id-determinazzjoni tagħhom li ‘jissaportu sat-tmiem.’ (Mattew 24:13) Il-fidi kbira li juru dawn il-qaddejja leali taʼ Ġeħova tassew huwa sors taʼ inkuraġġiment għall-kongregazzjoni kollha kemm hi.—Salm 147:11.
2. Liema sitwazzjoni tnikkitna?
2 Madankollu, xi drabi forsi naraw attitudni totalment differenti. Xi Xhieda ħadu sehem fil-ministeru għal snin sħaħ, imma maż-żmien il-fidi tagħhom f’Ġeħova ddgħajfet, u ma baqgħux jissieħbu mal-kongregazzjoni Kristjana. Jiddispjaċina li wħud li qabel kienu jaqdu lil Ġeħova telquh, u minn qalbna aħna nixtiequ nibqgħu ngħinu lil kull “nagħġa mitlufa” biex tirritorna lejn il-merħla. (Salm 119:176; Rumani 15:1) Minkejja dan, dawn ir-riżultati opposti—xi wħud jibqgħu leali filwaqt li oħrajn jitilfu l-fidi—iqajmu xi mistoqsijiet. X’jgħin lil għadd taʼ Xhieda biex iżommu l-fidi tagħhom fil-wegħdi taʼ Ġeħova filwaqt li oħrajn jitilfuha? Aħna x’nistgħu nagħmlu personalment biex inkunu ċerti li l-konvinzjoni tagħna li “l-jum il-kbir taʼ Ġeħova” qed joqrob tibqaʼ soda? (Sofonija 1:14, NW) Ejja nikkunsidraw tixbiha li tinsab fl-Evanġelju taʼ Luqa.
Twissija għal Dawk Ħajjin “Meta Jasal Bin il-Bniedem”
3. Min speċjalment jistaʼ jibbenefika mit-tixbiha taʼ l-armla u l-imħallef, u għala?
3 F’Luqa kapitlu 18 insibu t-tixbiha taʼ Ġesù dwar armla u mħallef. Hija simili għat-tixbiha dwar ir-raġel persistenti, li ddiskutejna fl-artiklu taʼ qabel. (Luqa 11:5-13) Madankollu, il-kuntest tar-rakkont Bibliku li fih hemm it-tixbiha dwar l-armla u l-imħallef juri li dan japplika speċjalment għal dawk ħajjin “meta jasal Bin il-bniedem” bil-qawwa tas-Saltna u dan il-perijodu beda fl-1914.—Luqa 18:8.a
4. Ġesù xi ddiskuta qabel ma rrakkonta t-tixbiha li nsibu f’Luqa kapitlu 18?
4 Qabel ma rrakkonta t-tixbiha, Ġesù stqarr li l-evidenza tal-preżenza tiegħu bil-qawwa tas-Saltna kellha tkun evidenti daqs is-‘sajjetti’ li ‘jiddu minn parti s’oħra tas-sema.’ (Luqa 17:24; 21:10, 29-33) Minkejja dan, il-maġġuranza min-nies li jgħixu fiż-“żmien taʼ l-aħħar” ma kellhomx jagħtu kas din l-evidenza ċara. (Danjel 12:4) Għala le? Għall-istess raġuni li n-nies fi żmien Noè u fi żmien Lot injoraw it-twissijiet taʼ Ġeħova. Lura f’dawk iż-żminijiet, in-nies ‘kienu qed jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, u jibnu sa dakinhar li nqerdu.’ (Luqa 17:26-29) Huma tilfu ħajjithom għax tant kienu mitlufin f’dawn l-attivitajiet komuni li ma tawx kas ir-rieda t’Alla. (Mattew 24:39) Bl-istess mod illum, in-nies in ġenerali huma tant medhijin fl-affarijiet taʼ kuljum li jonqsu li jaraw l-evidenza li t-tmiem taʼ din id-dinja li tiċħad lil Alla hu fil-qrib.—Luqa 17:30.
5. (a) Ġesù lil min ta twissija, u għala? (b) X’ġiegħel lil xi wħud jitilfu l-fidi tagħhom?
5 B’mod ċar, Ġesù kien konċernat dwar li s-segwaċi tiegħu wkoll setgħu jiġu żvijati mid-dinja taʼ Satana, saħansitra sal-punt li forsi jmorru ‘lura lejn l-affarijiet li ħallew warajhom.’ (Luqa 17:22, 31) U tabilħaqq, dan ġara lil xi Kristjani. Għal snin sħaħ dawn l-uħud stennew il-jum meta Ġeħova se jġib tmiem għal din id-dinja mill-agħar. Madankollu, meta Armageddon ma ġietx saż-żmien li huma stennew, huma qatgħu qalbhom. Il-fiduċja tagħhom li l-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova kien qorob majnat. Huma naqqsu l-ministeru tagħhom u maż-żmien tant involvew ruħhom fl-attivitajiet komuni tal-ħajja li ftit li xejn ħallew ħin għall-affarijiet spiritwali. (Luqa 8:11, 13, 14) Maż-żmien, huma marru ‘lura lejn l-affarijiet li ħallew warajhom’—x’ħasra!
Il-Bżonn ‘li Dejjem Nitolbu’
6-8. (a) Irrakkonta t-tixbiha taʼ l-armla u l-imħallef. (b) Ġesù kif applika din it-tixbiha?
6 X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li l-fiduċja soda tagħna fit-twettiq tal-wegħdi taʼ Ġeħova ma tiddgħajjifx? (Ebrej 3:14) Ġesù wieġeb din il-mistoqsija eżatt wara li wissa lid-dixxipli biex ma jmorrux lura lejn id-dinja mill-agħar taʼ Satana.
7 Luqa jirrapporta li Ġesù “qalilhom tixbiha dwar il-bżonn li jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom.” Ġesù qal: “F’ċerta belt kien hemm imħallef li la kien jibżaʼ minn Alla u lanqas jirrispetta lill-bniedem. U f’dik il-belt kien hemm ukoll armla li kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Ara li ssir ġustizzja miegħi fil-kawża maʼ l-avversarju tiegħi.’ Għal xi żmien hu ma riedx, imma wara qal f’qalbu, ‘Għalkemm la nibżaʼ minn Alla u lanqas nirrispetta lill-bniedem, minħabba l-fatt li din l-armla se tibqaʼ tħabbatni, nara li ssirilha ġustizzja, biex ma tibqax tiġi tiħodli rasi.’”
8 Wara li qal dan ir-rakkont, Ġesù ħareġ l-applikazzjoni: “Isimgħu x’qal l-imħallef, għalkemm ma kienx raġel sewwa! Ċertament, mela, sejjer Alla ma jġagħalx li ssirilhom ġustizzja lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, għalkemm idum juri sabar magħhom? Ngħidilkom, Iġiegħel li ssirilhom ġustizzja malajr. Madankollu, meta jasal Bin il-bniedem, veru jsib il-fidi fuq l-art?”—Luqa 18:1-8.
“Ara li Ssir Ġustizzja Miegħi”
9. Liema tema tispikka fit-tixbiha taʼ l-armla u l-imħallef?
9 It-tema prinċipali taʼ din it-tixbiha vivaċi tispikka b’mod ċar. Din tissemma miż-żewġ karattri fit-tixbiha kif ukoll minn Ġesù. L-armla talbet: “Ara li ssir ġustizzja miegħi.” L-imħallef qal: “Nara li ssirilha ġustizzja.” Ġesù staqsa: “Sejjer Alla ma jġagħalx li ssirilhom ġustizzja?” U dwar Ġeħova, Ġesù stqarr: “Iġiegħel li ssirilhom ġustizzja malajr.” (Luqa 18:3, 5, 7, 8) Alla meta b’mod partikulari se ‘jġiegħel li ssir ġustizzja’?
10. (a) Il-ġustizzja meta saret fl-ewwel seklu? (b) Il-ġustizzja meta u kif se sseħħ għall-qaddejja t’Alla llum?
10 Fl-ewwel seklu, il-“jiem biex issir ġustizzja” (jew, “jiem taʼ vendetta,” Kingdom Interlinear) bdew fis-sena 70 E.K. meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha nqerdu. (Luqa 21:22) Għall-poplu t’Alla llum, il-ġustizzja se ssir fil-“jum il-kbir taʼ Ġeħova.” (Sofonija 1:14, NW; Mattew 24:21) F’dak iż-żmien, Ġeħova se ‘jpatti bi tribulazzjoni lil dawk li jaqilgħu t-tribulazzjoni’ għall-poplu tiegħu “hekk kif [Ġesù Kristu] iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.”—2 Tessalonikin 1:6-8; Rumani 12:19.
11. Il-ġustizzja b’liema mod se ssir “malajr”?
11 Però, kif għandna nifhmu l-assiguranza taʼ Ġesù li Ġeħova se jġiegħel li ssir ġustizzja “malajr”? Il-Kelma t’Alla turi li “għalkemm [Ġeħova] idum juri sabar,” hu se jġiegħel li ssir ġustizzja malajr meta jkun il-waqt. (Luqa 18:7, 8; 2 Pietru 3:9, 10) Fi żmien Noè, meta wasal id-Dilluvju, l-uħud li kienu mill-agħar inqerdu mingħajr dewmien. Bl-istess mod, fi żmien Lot, meta niżel in-nar mis-smewwiet, l-uħud mill-agħar inqerdu. Ġesù qal: “L-istess jiġri dakinhar li Bin il-bniedem jiġi rivelat.” (Luqa 17:27-30) Għal darb’oħra, l-uħud mill-agħar se jesperjenzaw “qerda f’daqqa.” (1 Tessalonikin 5:2, 3) Tabilħaqq, nistgħu nkunu fiduċjużi għall-aħħar li Ġeħova mhux se jħalli lid-dinja taʼ Satana teżisti ġurnata iktar milli teħtieġ il-ġustizzja.
‘Iġiegħel li Ssir Ġustizzja’
12, 13. (a) It-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-armla u l-imħallef kif tgħallimna lezzjoni? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jismaʼ t-talb tagħna u jġiegħel li ssir ġustizzja?
12 It-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-armla u limħallef tenfasizza veritajiet importanti oħrajn. Meta ħareġ l-applikazzjoni tat-tixbiha, Ġesù qal: “Isimgħu x’qal l-imħallef, għalkemm ma kienx raġel sewwa! Ċertament, mela, sejjer Alla ma jġagħalx li ssirilhom ġustizzja lill-magħżulin tiegħu?” M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ma kienx qed iqabbel lil Ġeħova maʼ l-imħallef bħallikieku qed jgħid li Alla kien se jittratta lil dawk li jemmnu bl-istess mod. Minflok, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu lezzjoni dwar Ġeħova billi enfasizza kuntrast li kien hemm bejn l-imħallef u Alla. Liema huma xi modi li fihom huma differenti?
13 L-imħallef fit-tixbiha taʼ Ġesù “ma kienx raġel sewwa,” filwaqt li “Alla hu mħallef ġust.” (Salm 7:12 [7:11, NW]; 33:5) L-imħallef ma kellu l-ebda interess fl-armla bħala persuna, imma Ġeħova hu interessat f’kull individwu. (2 Kronaki 6:29, 30) L-imħallef ma kienx lest li jgħin lill-armla, imma Ġeħova hu lest—iva, ħerqan—li jagħti l-għajnuna lil dawk li jaqdu Lilu. (Isaija 30:18, 19) X’inhi l-lezzjoni? Jekk l-imħallef li ma kienx raġel sewwa semaʼ t-talb taʼ l-armla u għamel ġustizzja magħha, kemm iktar Ġeħova se jismaʼ t-talb tal-poplu tiegħu u ċertament se jġiegħel li ssir ġustizzja magħhom!—Proverbji 15:29.
14. Għala m’għandniex nitilfu l-fidi fil-miġja tal-jum taʼ ġudizzju t’Alla?
14 Għalhekk, dawk li jitilfu l-fidi fil-miġja tal-jum taʼ ġudizzju t’Alla jikkommettu żball serju. Għala? Billi ma jibqgħux jemmnu li “l-jum il-kbir taʼ Ġeħova” hu fil-qrib, huma bl-azzjonijiet tagħhom juru li jiddubitaw jekk jistgħux jafdaw lil Ġeħova bħala li jżomm il-wegħdi tiegħu lealment. Imma ħadd m’għandu dritt jiddubita l-lealtà t’Alla. (Ġob 9:12) Mistoqsija valida hi, Sejrin aħna personalment nibqgħu leali? U dan hu s-suġġett li Ġesù qajjem fl-aħħar tat-tixbiha dwar l-armla u l-imħallef.
“Veru Se Jsib Din il-Fidi fuq l-Art?”
15. (a) Liema mistoqsija qajjem Ġesù, u għala? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna?
15 Ġesù qajjem din il-mistoqsija interessanti: “Meta jasal Bin il-bniedem, veru se jsib din il-fidi fuq l-art?” (Luqa 18:8, nota taʼ taħt, NW) L-espressjoni “din il-fidi” tindika li Ġesù rrefera, mhux għall-fidi b’mod ġenerali, imma għal tip taʼ fidi partikulari—fidi bħal dik li kellha l-armla. Ġesù ma wiġibx il-mistoqsija tiegħu. Hu qajjimha biex id-dixxipli tiegħu jaħsbu dwar il-kwalità tal-fidi tagħhom stess. Kienet qed tiddgħajjef bil-mod il-mod, sal-punt li kienu fil-periklu li jirritornaw għall-affarijiet li ħallew warajhom? Jew kellhom it-tip taʼ fidi li wriet l-armla? Illum, aħna għandna bl-istess mod nistaqsu lilna nfusna, ‘Liema tip taʼ fidi jsib f’qalbi “Bin il-bniedem”?’
16. Liema tip taʼ fidi kellha l-armla?
16 Sabiex aħna nkunu fost dawk li se jirċievu l-ġustizzja taʼ Ġeħova, irridu nsegwu l-eżempju taʼ dik l-armla. Liema tip taʼ fidi kellha? Hi wriet il-fidi tagħha billi b’mod persistenti baqgħet “tmur [għand l-imħallef] u tgħidlu, ‘Ara li ssir ġustizzja miegħi.’” Dik l-armla baqgħet tippersisti sabiex tirċievi ġustizzja mingħand raġel li ma kienx sewwa. B’mod simili, il-qaddejja t’Alla llum jistgħu jkunu fiduċjużi li se jirċievu l-ġustizzja taʼ Ġeħova—anki jekk tieħu iktar żmien milli stennew. Iżjed minn hekk, huma juru l-fiduċja tagħhom fil-wegħdi t’Alla billi jitolbu b’mod persistenti—iva, billi ‘jgħajtu lil Ġeħova lejl u nhar.’ (Luqa 18:7) Tabilħaqq, kieku Kristjan kellu jieqaf jitlob biex issir ġustizzja, ikun qed juri li tilef il-fiduċja li Ġeħova se jaġixxi għan-nom tal-qaddejja tiegħu.
17. Liema raġunijiet għandna biex nipperseveraw fit-talb u biex inżommu l-fidi tagħna fil-miġja tal-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova li ġej żgur?
17 Iċ-ċirkustanzi partikulari taʼ din l-armla juruna li għandna raġunijiet oħrajn biex nipperseveraw fit-talb. Ikkunsidra ftit mid-differenzi bejn is-sitwazzjoni tagħha u tagħna. L-armla baqgħet tavviċina l-imħallef avolja ħadd ma inkuraġġieha biex tagħmel dan, imma l-Kelma t’Alla tagħtina ħafna inkuraġġiment biex ‘nipperseveraw fit-talb.’ (Rumani 12:12) L-armla ma kellha l-ebda assiguranza li t-talb tagħha kien se jiġi mismugħ, imma Ġeħova assigurana li l-ġustizzja se ssir. Permezz tal-profeta tiegħu, Ġeħova qal: “Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” (Ħabakkuk 2:3; Salm 97:10) L-armla ma kellha l-ebda ajjutant biex jgħinha fit-talba tagħha. Imma aħna għandna ajjutant setgħan, Ġesù, “li qiegħed fuq il-lemin t’Alla, u li wkoll jitlob bil-ħniena għalina.” (Rumani 8:34; Ebrej 7:25) Għalhekk, jekk l-armla, minkejja s-sitwazzjoni diffiċli tagħha, baqgħet titlob bil-ħrara lill-imħallef bit-tama li ssirilha ġustizzja, kemm iktar għandna nżommu l-fidi tagħna aħna fil-miġja tal-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova li ġej żgur!
18. It-talb kif se jsaħħaħ il-fidi tagħna u jgħinna nirċievu l-ġustizzja?
18 It-tixbiha taʼ l-armla tgħallimna li hemm rabta qawwija bejn it-talb u l-fidi u li ttalb persistenti tagħna jistaʼ jġib fix-xejn l-influwenzi li jistgħu jdgħajfu l-fidi tagħna. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li sempliċi turija t’offerti taʼ talb hija r-rimedju għan-nuqqas taʼ fidi. (Mattew 6:7, 8) Meta niġu mqanqlin biex nitolbu għaliex nirrealizzaw li aħna niddependu totalment minn Alla, imbagħad it-talb iressaqna eqreb lejn Alla u jsaħħaħ il-fidi tagħna. U ladarba għandna bżonn il-fidi biex insalvaw, mhux taʼ b’xejn li Ġesù ħass il-bżonn li jinkuraġġixxi lid-dixxipli tiegħu biex “jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom”! (Luqa 18:1; 2 Tessalonikin 3:13) Tabilħaqq, il-miġja tal-“jum il-kbir taʼ Ġeħova” ma tiddependix mit-talb tagħna—se tiġi kemm jekk nitolbu għaliha u kemm jekk le. Imma jekk nirċivux il-ġustizzja u nsalvawx mill-gwerra t’Alla jew le ċertament li jiddependi mill-fidi li għandna u l-ħajja ġusta li ngħixu waqt li nkomplu nitolbu.
19. Kif nagħtu prova li aħna nemmnu b’mod sod li Alla se ‘jġiegħel li ssir ġustizzja’?
19 Bħalma rajna, Ġesù staqsa: “Meta jasal Bin il-bniedem, veru se jsib din il-fidi fuq l-art?” X’inhi t-tweġiba għal din il-mistoqsija interessanti? Kemm aħna ferħanin li miljuni taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova madwar id-dinja llum jagħtu prova bit-talb, il-paċenzja, u l-perseveranza tagħhom li għandhom din il-fidi! B’hekk, il-mistoqsija taʼ Ġesù tistaʼ titwieġeb fl-affermattiv. Iva, minkejja l-inġustizzji li d-dinja taʼ Satana ġġib fuqna bħalissa, aħna nemmnu b’mod sod li Alla se ‘jġiegħel li ssirilhom ġustizzja lill-magħżulin tiegħu.’
[Nota taʼ taħt]
a Sabiex tifhem bis-sħiħ l-importanza taʼ din it-tixbiha, aqra Luqa 17:22-33. Innota kif ir-referenzi għal “Bin il-bniedem” f’Luqa 17:22, 24, 30 jagħtuna informazzjoni dwar il-mistoqsija li tqum f’Luqa 18:8.
Tiftakar Int?
• X’ġiegħel lil xi Kristjani jitilfu l-fidi tagħhom?
• Għala jistaʼ jkollna fidi soda fil- miġja tal-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova?
• Liema raġunijiet għandna biex nipperseveraw fit-talb?
• Talb persistenti kif se jgħinna biex ma nitilfux il-fidi tagħna?
[Stampa f’paġna 26]
X’inhu enfasizzat fit-tixbiha taʼ l-armla u l-imħallef?
[Stampi f’paġna 29]
Miljuni llum jemmnu b’mod sod li Alla se ‘jġiegħel li ssir ġustizzja’