Kapitlu 113
Umiltà fl-Aħħar Qbiż
PIETRU u Ġwanni, taħt struzzjonijiet mingħand Ġesù, diġà waslu f’Ġerusalemm biex iħejju għall-Festa tal-Qbiż. Mid-dehra, Ġesù flimkien mal-għaxar appostli oħra, jasal iżjed tard wara nofs in-nhar. Ix-xemx qed tinħeba wara x-xefaq hekk kif Ġesù u l-ġemgħa tiegħu jinżlu mill-Muntanja taż-Żebbuġ. Din hi l-aħħar darba li Ġesù se jara l-belt fid-dawl tax-xemx minn din il-muntanja sa wara l-irxoxt tiegħu.
Malajr Ġesù u l-ġemgħa tiegħu jaslu fil-belt u jerħulha lejn id-dar fejn se jiċċelebraw il-Qbiż. Jitilgħu t-taraġ għall-kamra kbira taʼ fuq, fejn isibu kollox imħejji għaċ-ċelebrazzjoni privata tagħhom tal-Qbiż. Ġesù ħares ’il quddiem lejn din l-okkażjoni, bħalma jgħid hu: “Kelli xewqa kbira li niekol dan il-qbiż magħkom qabel ma nsofri.”
Bi tradizzjoni, erbaʼ kisijiet inbid jinxtorbu mill-parteċipanti tal-Qbiż. Wara li jaċċetta dak li milli jidher hu t-tielet kies, Ġesù jiżżi ħajr u jgħid: “Ħudu dan u għadduh minn wieħed għall-ieħor bejnietkom; għax ingħidilkom, Minn issa ’l quddiem mhux se nerġaʼ nixrob mill-prodott tad-dielja sakemm tasal is-saltna t’Alla.”
F’xi ħin meta l-ikla kienet għadha għaddejja, Ġesù jqum, ineħħi ħwejġu taʼ fuq, jieħu xugaman, u jimla friskatur bl-ilma. Ordinarjament, dak li jkun stieden kien jara li riġlejn il-mistieden jiġu maħsulin. Imma minħabba li f’din l-okkażjoni m’hemmx dak li jistieden, Ġesù jieħu ħsieb dan is-servizz persunali. Kwalunkwe wieħed mill-appostli setaʼ jaħtaf l-opportunità biex jagħmel dan; iżda, mid-dehra għax għad fadal xi pika bejniethom, ħadd ma jagħmel dan. Issa jinsabu mbarazzati hekk kif Ġesù jibda jaħslilhom riġlejhom.
Meta Ġesù jiġi għandu, Pietru jipprotesta: “Żgur li qatt ma se taħsilli saqajja.”
“Jekk ma naħslekx, int ma għandek l-ebda parti miegħi,” jgħid Ġesù.
“Mulej,” iwieġeb Pietru, “mhux saqajja biss, imma wkoll idejja u rasi.”
“Min inħasel,” iwieġeb Ġesù, “m’hemmx għalfejn jinħasillu ħlief saqajh, imma hu nadif kollu kemm hu. U intom indaf, imma mhux ilkoll.” Hu jgħid dan għax jaf li Ġuda l-Iskarjota qed iħejji biex jittradih.
Meta Ġesù jkun ħasel riġlejn it-12 li kienu, inkluż riġlejn dak li kien se jittradih, Ġuda, hu jerġaʼ jilbes ħwejġu taʼ fuq u jerġaʼ jmil mal-mejda. Imbagħad jistaqsi: “Tafu x’għamiltilkom? Intom tindirizzawni, ‘Għalliem,’ u, ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien. Għalhekk, jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsilt saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax qigħedtilkom ix-xempju, biex, bħalma għamiltilkom jien, intom għandkom tagħmlu wkoll. Verissmu ngħidilkom, Irsir mhux akbar minn sidu, lanqas ma hu wieħed mibgħut akbar minn dak li bagħtu. Jekk tafu dawn l-affarijiet, henjin intom jekk tagħmluhom.”
X’tagħlima sabiħa taʼ servizz umli! L-appostli m’għandhomx joqogħdu jfittxu l-ewwel post, jaħsbu li tant huma importanti li oħrajn għandhom dejjem jaqdu lilhom. Jeħtiġilhom jimxu wara x-xempju mwaqqaf minn Ġesù. Dan mhux wieħed taʼ ħasil ir-riġlejn ritwali. Le, imma wieħed taʼ rieda li taqdi bla parzjalità, hi kemm hi umli jew spjaċevoli l-biċċa xogħol. Mattew 26:20, 21; Mark 14:17, 18; Luqa 22:14-18; 7:44; Ġwann 13:1-17.
▪ X’inhu uniku dwar id-dehra li Ġesù għandu taʼ Ġerusalemm hekk kif jidħol fil-belt biex jiċċelebra l-Qbiż?
▪ Matul il-Qbiż, b’mod evidenti liema kies igħaddi Ġesù lit-12-il appostlu wara li jgħid talba?
▪ Liema servizz persunali kien jiġi pprovdut bħala drawwa lill-mistednin meta Ġesù kien fuq l-art, u għala ma kienx ġie pprovdut matul il-Qbiż iċċelebrat minn Ġesù u l-appostli?
▪ X’kien il-għan taʼ Ġesù f’li jwettaq is-servizz baxx taʼ li jaħsel saqajn l-appostli tiegħu?