Kapitlu 112
Il-Qbiż Finali taʼ Ġesù Huwa Fil-Qrib
HEKK kif it-Tlieta, 11 taʼ Nisan, jersaq lejn l-egħluq, Ġesù jtemm igħallem lill-appostli fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. X’ġurnata bieżla, u ħabrieka kienet! Issa, forsi waqt li sejrin lura lejn Betanja għal-lejl, hu jgħid lill-appostli tiegħu: “Intom tafu li jumejn oħra jseħħ il-qbiż, u Bin il-bniedem għandu jiġi mwassal biex ikun imdendel maʼ zokk.”
Ġesù mid-dehra jqattaʼ l-jum taʼ wara, l-Erbgħa, 12 taʼ Nisan, irtirat fil-kwiet mal-appostli tiegħu. Fil-jum taʼ qabel, hu kien ċanfar lill-mexxejja reliġjużi pubblikament, u jirrejalizza li qed ifittxu biex joqtluh. Mela l-Erbgħa ma jagħmilx dehra fil-pubbliku, għax ma jrid xejn li jfixklu milli jiċċelebra l-Qbiż mal-appostli tiegħu l-għada fil-għaxija.
Sadattant, il-qassisin ewlenin u x-xjuħ tal-poplu nġabru fil-bitħa tal-qassis il-kbir, Qajfa. Maħruqin mill-attakk taʼ Ġesù l-jum taʼ qabel, qed jagħmlu pjanijiet biex jaħtfuh b’xi mod malinn u jaraw li jiġi maqtul. Iżda jibqgħu jgħidu: “Mhux fil-festa, sabiex ma jqum ebda għagħa fost il-poplu.” Huma qed jibżgħu mill-poplu, għax Ġesù għandu l-appoġġ tagħhom.
Waqt li l-mexxejja reliġjużi qed jikkonfoffaw bi ħżunija biex joqtlu lil Ġesù, xi ħadd jagħmlilhom żjara. B’għaġeb għalihom, dan kien saħansitra wieħed mill-appostli taʼ Ġesù, Ġuda l-Iskarjota, il-wieħed li ġewwa fih Satana żeraʼ l-ħsieb faħxi li jittradixxi lil Sidu! Kemm huma kuntenti meta Ġuda jistaqsi: “X’se tagħtuni biex nittradih magħkom?” Huma bil-qalb kollha jaqblu li jħallsuh 30 biċċa tal-fidda, il-prezz taʼ rsir skond il-patt tal-Liġi taʼ Mosè. Minn hemm ’il quddiem, Ġuda jfittex opportunità tajba biex jittradixxi lil Ġesù lilhom bla ma jkun hemm folla madwarhom.
It-13 taʼ Nisan jibda maʼ nżul ix-xemx tal-Erbgħa. Ġesù wasal minn Ġeriko nhar il-Ġimgħa, u għalhekk hu s-sitt u l-aħħar lejl li jqattaʼ f’Betanja. Il-jum taʼ wara, il-Ħamis, l-aħħar preparamenti jeħtieġ li jsiru għall-Qbiż, li jibda maʼ nżul ix-xemx. Dak hu meta l-ħaruf tal-Qbiż irid jiġi maqtul u mbagħad mixwi sħiħ. Fejn se jiċċelebraw il-Festa, u min se jagħmel il-preparamenti?
Ġesù ma pprovdiex dawn id-dettalji, forsi biex Ġuda ma jkunx jistaʼ javża lill-qassisin ewlenin biex ikunu jistgħu jarrestaw lil Ġesù waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Imma issa, x’aktarx kmieni l-Ħamis wara nofs in-nhar, Ġesù jibgħat lil Pietru u lil Ġwanni minn Betanja, jgħidilhom: “Morru u ħejju l-qbiż biex nieklu.”
“Fejn tridna nħejjuh?” huma jistaqsu.
“Meta tidħlu ġol-belt,” jispjega Ġesù, “se jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr reċipjent tal-fuħħar mimli bl-ilma. Morru warajh ġod-dar li ġo fiha jidħol. U tridu tgħidu lil sid id-dar, ‘Il-Għalliem igħidlek: “Fejn hi l-kamra tal-mistednin li fiha nistaʼ niekol il-qbiż mad-dixxipli tiegħi?”’ U dak ir-raġel se jurikom kamra kbira taʼ fuq bil-għamara. Ħejjuh hemmhekk.”
Bla dubju sid il-post huwa dixxiplu taʼ Ġesù li x’aktarx jobsor li Ġesù kien se jistaqsih biex juża d-dar tiegħu għal din l-okkażjoni speċjali. Wara kollox, meta Pietru u Ġwanni jaslu Ġerusalemm, isibu kollox eżatt kif bassar Ġesù. Mela t-tnejn li huma jaraw li l-ħaruf jitlesta u li l-arranġamenti l-oħra kollha jsiru biex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tat-13-il ċelebrant tal-Qbiż, Ġesù u t-12-il appostlu tiegħu. Mattew 26:1-5, 14-19; Mark 14:1, 2, 10-16; Luqa 22:1-13; Eżodu 21:32.
▪ Ġesù milli jidher x’jagħmel fil-ġurnata tal-Erbgħa, u għala?
▪ Liema laqgħa ssir fid-dar tal-qassis il-kbir, u Ġuda għal liema skop iżur lill-mexxejja reliġjużi?
▪ Ġesù lil min jibgħat Ġerusalemm il-Ħamis, u għal liema skop?
▪ Dawn il-mibgħutin x’isibu li għal darb’oħra jirrivela l-poteri mirakolużi taʼ Ġesù?