Kapitlu 114
Iċ-Ċena tal-Mafkar
WARA li Ġesù jaħsel saqajn l-appostli tiegħu, hu jikkwota l-iskrittura f’Salm 41:9, waqt li jgħid: “Dak li kien jiekol mill-ħobż tiegħi refaʼ għarqubu kontra tiegħi.” Imbagħad, waqt li jħossu mqalleb fl-ispirtu, jispjega: “Wieħed minnkom se jittradini.”
L-appostli jibdew jiddispjaċihom u jgħidu lil Ġesù wieħed wieħed: “Mhux jien, hux tassew?” Saħansitra Ġuda l-Iskarjota jingħaqad f’li jistaqsi. Ġwanni, li huwa mimdud mal-mejda ħdejn Ġesù, jmil lura fuq sider Ġesù u jistaqsi: “Mulej, min hu?”
“Huwa wieħed mit-tnax, li qed ibill miegħi fl-istess skutella,” Ġesù jwieġeb. “Veru, Bin il-bniedem sejjer ’il hemm, sewwa sew bħalma hu miktub dwaru, imma gwaj għal dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem hu ttradut! Kien ikun aħjar għalih kieku dak il-bniedem qatt ma twieled.” Wara dak, Satana jerġaʼ jidħol f’Ġuda, waqt li jieħu vantaġġ mill-fetħa f’qalbu, li saret mill-agħar. Iktar tard dak il-lejl, Ġesù b’mod xieraq isejjaħ lil Ġuda “bin il-qerda.”
Ġesù issa jgħid lil Ġuda: “Dak li qed tagħmel għamlu iktar malajr.” Ħadd mill-appostli l-oħra ma jifhem x’irid ifisser Ġesù. Xi wħud jimmaġinaw li peress li Ġuda jżomm il-kaxxa tal-flus, Ġesù qed igħidlu: “Ixtri dak li għandna bżonn għall-festa,” jew li għandu jmur jagħti xi ħaġa lill-foqra.
Wara li Ġuda joħroġ, Ġesù jintroduċi ċelebrazzjoni, jew kommemorazzjoni, ġdida għalkollox mal-appostli lejali tiegħu. Hu jieħu ħobża, jgħid talba taʼ ringrazzjament, jiksirha, u jagħtihielhom, waqt li jgħid: “Ħudu, kulu.” Hu jispjega: “Dan ifisser ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”
Meta kull wieħed ikun kiel mill-ħobż, Ġesù jieħu kies bl-inbid, milli jidher ir-rabaʼ kies użat fis-servizz tal-Qbiż. Huwa jgħid ukoll talba taʼ ringrazzjament għalih, igħaddihulhom, jitlobhom jixorbu minnu, u jgħid: “Dan il-kies ifisser il-patt ġdid permezz taʼ demmi, li għandu jixxerred għalikom.”
Mela dan hu, fil-fatt, mafkar tal-mewt taʼ Ġesù. Kull sena fl-14 taʼ Nisan irid jiġi ripetut, kif Ġesù jgħid, b’tifkira tiegħu. Dan se jfakkar liċ-ċelebranti dwar dak li Ġesù u Missieru tas-sema għamlu biex jipprovdu ħelsien lill-umanità mill-kundanna tal-mewt. Għal-Lhud li jsiru segwaċi taʼ Ġesù, iċ-ċelebrazzjoni se tieħu post il-Qbiż.
Il-patt il-ġdid, li jibda jgħodd bid-demm imxerred taʼ Ġesù, jieħu post il-patt il-qadim tal-Liġi. Għandu lil Ġesù Kristu bħala medjatur bejn żewġ partijiet—fuq naħa waħda, Alla Jehovah, u fuq l-oħra, 144,000 Kristjani mnisslin mill-ispirtu. Minbarra li jipprovdi maħfra għad-dnubiet, il-patt jagħti lok għall-formazzjoni taʼ ġens tas-sema taʼ slaten-qassisin. Mattew 26:21-29; Mark 14:18-25; Luqa 22:19-23; Ġwann 13:18-30; 17:12; 1 Korintin 5:7.
▪ Liema profezija Biblika jikkwota Ġesù rigward wieħed minnhom, u liema applikazzjoni jagħmel għaliha?
▪ L-appostli għala ħassewhom daqshekk iddispjaċuti, u x’jistaqsi kull wieħed minnhom?
▪ Ġesù x’igħidlu biex jagħmel lil Ġuda, imma l-appostli l-oħra kif jinterpretaw dawn l-istruzzjonijiet?
▪ Liema ċelebrazzjoni jintroduċi Ġesù wara li jitlaq Ġuda, u għal liema skop isservi?
▪ Min huma l-partijiet tal-patt il-ġdid, u x’iwettaq il-patt?