Kapitlu 118
Tradiment u Arrest
NOFS il-lejl għadda sewwa hekk kif Ġuda jieħu warajh folla kbira taʼ suldati, qassisin ewlenin, Fariżej, u oħrajn ġewwa l-ġnien taʼ Ġetsemani. Il-qassisin qablu li jħallsu 30 biċċa tal-fidda lil Ġuda biex jittradixxi lil Ġesù.
Iktar kmieni, meta Ġuda ġie mibgħut mill-ikla tal-Qbiż, hu jidher li mar dritt għand il-qassisin ewlenin. Dawn minnufih ġemgħu lill-uffiċjali tagħhom stess, kif ukoll ġemgħa taʼ suldati. Ġuda forsi kien ħadhom l-ewwel lejn fejn Ġesù u l-appostli tiegħu kienu ċċelebraw il-Qbiż. Billi skoprew li kienu telqu minn hemm, il-folla kbira li kienet qed iġġorr armi u lampi u torċi segwiet lil Ġuda ’l barra minn Ġerusalemm u qasmet il-Wied taʼ Kidron.
Hekk kif Ġuda jmexxi l-purċissjoni ’l fuq mal-Muntanja taż-Żebbuġ, hu jħossu ċert li jaf fejn isib lil Ġesù. Matul l-aħħar ġimgħa, hekk kif Ġesù u l-appostli vvjaġġaw ’il quddiem u lura bejn Betanja u Ġerusalemm, huma spiss waqfu fil-ġnien taʼ Ġetsemani biex jistrieħu u joqogħdu jitkellmu. Imma, issa, b’Ġesù x’aktarx moħbi fid-dlam taħt is-siġar taż-żebbuġ, is-suldati kif se jidentifikawh? Huma forsi qatt ma kienu rawh qabel. Għalhekk Ġuda jipprovdi sinjal, billi jgħid: “Hu min hu li jien inbus, dan hu; arrestawh u ħuduh ’il hemm mingħajr inkwiet.”
Ġuda jieħu lill-folla kbira ġewwa l-ġnien, jara lil Ġesù mal-appostli tiegħu, u jmur dritt fuqu. “Il-jum it-tajjeb, Rabbi!” hu jgħid u jbusu b’mod teneru ferm.
“Sieħeb, għal liema għan tinsab preżenti?” jistaqsi Ġesù. Imbagħad, billi jwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess, hu jgħid: “Ġuda, int tittradixxi lil Bin il-bniedem b’bewsa?” Imma biżżejjed dwar it-traditur tiegħu! Ġesù jagħmel pass ’il quddiem u jiġi fid-dawl tat-torċi u l-lampi mixgħulin u jistaqsi: “Lil min qegħdin tfittxu?”
“Lil Ġesù n-Nazzarenu,” tiġi t-tweġiba.
“Jien hu,” Ġesù jwieġeb, hekk kif jieqaf bil-kuraġġ quddiemhom ilkoll. Imbellhin bil-qlubija tiegħu u billi ma jafux x’jistennew, l-irġiel jirtiraw lura u jaqgħu fl-art.
“Għedtilkom li jien hu,” Ġesù jkompli bil-kalma. “Jekk, għalhekk, huwa lili li qegħdin tfittxu, ħallu lil dawn imorru.” Ftit qabel fil-kamra taʼ fuq, Ġesù kien qal lil Missieru fit-talb li hu kien żamm lill-appostli lejali tiegħu u lanqas wieħed minnhom ma kien mitluf “ħlief bin il-qerda.” Mela, sabiex il-kelma tiegħu tistaʼ tiġi mwettqa, hu jitlob li s-segwaċi tiegħu jitħallew imorru.
Hekk kif is-suldati jerġgħu jiġu f’tagħhom, iqumu bil-wieqfa, u jibdew jorbtu lil Ġesù, l-appostli jindunaw x’se jiġri dalwaqt. “Mulej, se nagħtu bis-sejf?” jistaqsu huma. Qabel ma jwieġeb Ġesù, Pietru, billi jxejjer wieħed miż-żewġt isjuf li l-appostli ġabu, jattakka lil Malkus, irsir tal-qassis il-kbir. Id-daqqa taʼ Pietru ma tolqotx ras l-irsir imma taqtaʼ l-widna tal-lemin tiegħu.
“Ħa tasal s’hawn,” igħid Ġesù hekk kif jintervjeni. Billi jmiss il-widna taʼ Malkus, hu jfejjaq il-ferita. Imbagħad igħallem lezzjoni importanti, billi jikkmanda lil Pietru: “Reġġaʼ lura s-sejf tiegħek f’postu, għax dawk kollha li jieħdu s-sejf se jgħibu bis-sejf. Jew taħseb int li ma nistax nappella lil Missieri biex ifornini f’dan il-mument b’iktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli?”
Ġesù lest li jiġi arrestat, għax hu jispjega: “Kif isseħħ l-Iskrittura li għandu jiġri b’dan il-mod?” U jżid: “Il-kies li tani l-Missier, m’għandix jien tabilħaqq nixorbu?” Hu qiegħed fi qbil sħiħ mar-rieda t’Alla għalih!
Imbagħad Ġesù jindirizza lill-folla. “Ħriġtu intom bis-sjuf u l-lembubi bħal li kieku kontra xi ħalliel biex tarrestawni?” jistaqsi hu. “Jum wara jum kont noqgħod bil-qiegħda fit-tempju ngħallem, u b’dan kollu ma ħadtunix taħt idejkom. Imma dan kollu ġara għall-iskritturi tal-profeti biex jitwettqu.”
Għal dan, il-ġemgħa taʼ suldati u l-kmandant militari u l-uffiċjali tal-Lhud jaħtfu lil Ġesù u jorbtuh. Malli jaraw dan, l-appostli jabbandunaw lil Ġesù u jaħarbu. Madankollu, raġel żagħżugħ—forsi hu d-dixxiplu Mark—jibqaʼ qalb il-folla. Forsi kien fid-dar fejn Ġesù ċċelebra l-Qbiż u wara segwa lill-folla minn hemmhekk. Issa, madankollu, jagħrfuh, u jsir attentat biex jaħtfuh. Imma hu jħalli warajh il-libsa tal-għażel tiegħu u jaħrab. Mattew 26:47-56; Mark 14:43-52; Luqa 22:47-53; Ġwann 17:12; 18:3-12.
▪ Ġuda għala jħossu ċert li se jsib lil Ġesù fil-ġnien taʼ Ġetsemani?
▪ Ġesù kif juri tħassib għall-appostli tiegħu?
▪ Pietru x’azzjoni jieħu biex jiddefendi lil Ġesù, imma Ġesù x’igħidlu lil Pietru dwar dan?
▪ Ġesù kif jirrivela li hu fi qbil sħiħ mar-rieda t’Alla għalih?
▪ Meta l-appostli jabbandunaw lil Ġesù, min jibqaʼ, u x’jiġrilu?