Kapitlu 117
Agunija fil-Ġnien
META Ġesù jieqaf mit-talb, hu u l-ħdax-il appostlu lejali tiegħu jkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Jehovah. Imbagħad huma jinżlu mill-kamra taʼ fuq, joħorġu fid-dlam frisk tal-lejl, u jmorru lura lejn Betanja billi jgħaddu mill-Wied taʼ Kidron. Imma huma u sejrin, jieqfu f’post favorit, il-ġnien taʼ Ġetsemani. Dan qiegħed fuq jew qrib il-Muntanja taż-Żebbuġ. Ġesù spiss iltaqaʼ mal-appostli tiegħu hawnhekk qalb is-siġar taż-żebbuġ.
Billi jħalli lil tmienja mill-appostli—forsi fejn id-daħla tal-ġnien—hu jgħidilhom: “Oqogħdu bil-qiegħda hawn waqt li jien immur hemm u nitlob.” Hu mbagħad jieħu lit-tlieta l-oħra—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—u jidħol iktar ’il ġewwa fil-ġnien. Ġesù jsir imnikket u inkwetat ferm. “Ruħi mnikkta profondament, saħansitra sal-mewt,” hu jgħidilhom. “Oqogħdu hawn u ibqgħu għassu miegħi.”
Billi jmur naqra iktar ’il quddiem, Ġesù jaqaʼ fl-art u b’wiċċu mal-art jibda jitlob bil-ħrara: “Missieri, jekk inhu possibbli, ħalli dan il-kies iwarrab minni. Iżda, mhux kif irrid jien, imma kif trid int.” X’irid ifisser? Għala hu ‘mnikket profondament, saħansitra sal-mewt’? Qiegħed hu jirtira mid-deċiżjoni tiegħu li jmut u jipprovdi r-rahan?
Lanqas xejn! Ġesù mhux qed jappella biex jiġi meħlus mill-mewt. Saħansitra l-ħsieb taʼ li jevita mewt taʼ sagrifiċċju, li darba kien issuġġerit minn Pietru, huwa taʼ stmerrija għalih. Minflok, hu qiegħed f’agunija għaliex jibżaʼ li l-mod kif se jmut dalwaqt—bħala kriminal moqżież—se jġib tmaqdir fuq l-isem taʼ Missieru. Hu issa jinduna li fi ftit sigħat se jiġi mdendel maʼ zokk bħala l-agħar kwalità taʼ persuna—midgħi kontra Alla! Dan hu dak li jinkwetah ħafna.
Wara li jitlob fit-tul, Ġesù jiġi lura u jsib lit-tliet appostli reqdin. Billi jindirizza lil Pietru, hu jgħid: “Lanqas biss tistgħu tgħassu siegħa miegħi? Ibqgħu għassu u itolbu kontinwament, biex ma tidħlux f’tentazzjoni.” Billi jirrikonoxxi, madankollu, il-pressjoni li għaddew minnha u kemm sar tard, hu jgħid: “L-ispirtu, m’għandniex xi ngħidu, hu ħerqan, imma l-laħam dgħajjef.”
Ġesù mbagħad jitlaq ’il hemm għat-tieni darba u jitlob li Alla jwarrab “dan il-kies” minnu, jiġifieri, is-sehem, jew ir-rieda, mogħtija lilu minn Jehovah. Meta jiġi lura, hu għal darb’oħra jsib lit-tlieta reqdin meta suppost li kienu qed jitolbu biex ma jidħlux fit-tentazzjoni. Meta Ġesù jkellimhom, huma ma jafux kif se jwieġbu.
Fl-aħħarnett, għat-tielet darba, Ġesù jitlaq ’il hemm, madwar tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod, u għar-rkobbtejh, b’għajjat qawwi u bid-dmugħ, hu jitlob: “Missier, jekk tixtieq, neħħi dan il-kies minni.” Ġesù b’mod akut iħoss uġigħ qawwi minħabba fit-tmaqdir li l-mewt tiegħu bħala kriminal se ġġib fuq isem Missieru. M’għandniex xi ngħidu, li jiġi akkużat bħala midgħi—wieħed li jisħet lil Alla—huwa kważi iebes wisq biex jissaportih!
Madankollu, Ġesù jkompli jitlob: “Mhux li rrid jien, imma li trid int.” Ġesù b’ubbidjenza jissottometti r-rieda tiegħu għal dik t’Alla. Għal dan, anġlu mis-sema jidher u jsaħħu b’xi kliem inkuraġġanti. X’aktarx, l-anġlu jgħid lil Ġesù li hu għandu t-tbissima taʼ approvazzjoni taʼ Missieru.
Iżda, x’piż hemm fuq spallejn Ġesù! Il-ħajja eterna tiegħu stess u dik tar-razza umana kollha jiddependu minnu. Il-pressjoni emozzjonali hija enormi. Mela Ġesù jkompli jitlob iktar bil-ħrara, u l-għaraq tiegħu jsir bħal qtar taʼ demm hekk kif jaqaʼ fl-art. “Għalkemm dan hu fenomenu rari ferm,” josserva The Journal of the American Medical Association, “għaraq imdemmi . . . jistaʼ jseħħ meta wieħed jemozzjona ruħu ħafna.”
Iktar tard, Ġesù jiġi lura għat-tielet darba ħdejn l-appostli tiegħu, u għal darb’oħra jsibhom reqdin. Huma mifluġin minħabba niket kbir. “F’ħin bħal dan qegħdin reqdin u tieħdu l-mistrieħ tagħkom!” hu jesklama. “Huwa biżżejjed! Is-siegħa waslet! Ħares! Bin il-bniedem huwa ttradut f’idejn il-midinbin. Qumu, ejjew immorru. Ħares! It-traditur tiegħi qorob.”
Waqt li għadu qed jitkellem, Ġuda l-Iskarjota jersaq, akkumpanjat minn folla kbira li qed iġorru torċi u lampi u armi. Mattew 26:30, 36-47; 16:21-23; Mark 14:26, 32-43; Luqa 22:39-47; Ġwann 18:1-3; Ebrej 5:7.
▪ Wara li jitlaq mill-kamra taʼ fuq, Ġesù fejn jeħodhom lill-appostli, u x’jagħmel hemmhekk?
▪ Waqt li Ġesù qed jitlob, l-appostli x’qed jagħmlu?
▪ Ġesù għala qiegħed f’agunija, u x’jitolbu lil Alla?
▪ X’inhu indikat mill-fatt li l-għaraq taʼ Ġesù jsir bħal qtar taʼ demm?