LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 116
  • Iħejji lill-Appostli għat-Tluq Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iħejji lill-Appostli għat-Tluq Tiegħu
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Igawdu Relazzjoni Intima
  • Iktar Twissijiet tat-​Tluq
  • Talba tal-​Egħluq fil-​Kamra taʼ Fuq
  • Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Jagħtu l-frott bħala friegħi u jkunu ħbieb taʼ Ġesù
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Ġesù jikkonkludi b’talba fil-kamra taʼ fuq
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • “Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja”
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 116

Kapitlu 116

Iħejji lill-​Appostli għat-​Tluq Tiegħu

L-​IKLA tal-​mafkar għaddiet, imma Ġesù u l-​appostli tiegħu għadhom fil-​kamra taʼ fuq. Għalkemm Ġesù dalwaqt ikun telaq, għad fadallu ħafna iżjed affarijiet x’igħid. “Tħallux lil qlubkom ikunu nkwetati,” hu jikkonslahom. “Eżerċitaw fidi f’Alla.” Imma hu jżid: “Eżerċitaw fidi wkoll fija.”

“F’dar Missieri hemm bosta agħmajjar,” jissokta Ġesù. “Jien sejjer fi triqti biex inħejji post għalikom . . . biex fejn inkun jien tistgħu tkunu intom ukoll. U fejn sejjer jien intom tafuha t-​triq.” L-​appostli ma jifhmux li Ġesù qed jitkellem dwar li kellu jmur lil hinn fis-​sema, u għalhekk Tumas jistaqsi: “Mulej, ma nafux fejn sejjer int. Kif nafuha t-​triq?”

“Jien hu l-​mogħdija u l-​verità u l-​ħajja,” iwieġeb Ġesù. Iva, huwa biss billi wieħed jaċċettah u jimita l-​korsa taʼ ħajtu li xi ħadd jistaʼ jidħol fid-​dar tas-​sema tal-​Missier għaliex, bħalma jgħid Ġesù: “Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.”

“Mulej, urina l-​Missier,” jistaqsi Filippu, “u jkun biżżejjed għalina.” Filippi mid-​dehra jrid lil Ġesù jipprovdi dehra viżibbli t’Alla, bħalma ġieli seħħ fiż-​żminijiet tal-​qedem f’viżjonijiet lil Mosè, Elija u Isaija. Imma, tabilħaqq, l-​appostli għandhom xi ħaġa ferm aħjar minn viżjonijiet taʼ dik il-​għamla, bħalma josserva Ġesù: “Ili daqshekk żmien magħkom, u madankollu, Filippu, inti ma sirtx tafni? Dak li ra lili ra lill-​Missier ukoll.”

Ġesù tant jirrifletti perfettament il-​personalità taʼ Missieru li meta wieħed igħix miegħu u josservah hu, fil-​fatt, bħal meta wieħed attwalment jara lill-​Missier. Iżda, il-​Missier huwa superjuri għall-​Iben, bħalma Ġesù jammetti: “L-​affarijiet li ngħid lilkom ma ngħidhomx minn moħħi.” Ġesù bix-​xieraq jagħti l-​kredtu kollu għat-​tagħlim tiegħu lil Missieru fis-​smewwiet.

Min jaf kemm hu nkuraġġanti għall-​appostli li jisimgħu lil Ġesù issa jgħidilhom: “Dak li jeżerċita fidi fija, dak ukoll se jagħmel ix-​xogħlijiet li nagħmel jien; u se jagħmel xogħlijiet akbar minn dawn”! Ġesù ma jridx ifisser li s-​segwaċi tiegħu se jwettqu egħmejjel mirakolużi akbar milli wettaq hu. Le, imma hu jrid igħid li huma se jwettqu l-​ministeru għal żmien ferm itwal, fuq medda ferm akbar, u lil wisq iktar nies.

Ġesù mhux se jabbanduna lid-​dixxipli tiegħu wara t-​tluq tiegħu. “Hu x’inhu li intom titolbu f’ismi,” hu jwiegħed, “jien se nagħmel dan.” Iktar minn hekk, hu jgħid: “Jien se nitlob lill-​Missier u hu se jagħtikom ieħor li jgħin biex ikun magħkom għal dejjem, l-​ispirtu tal-​verità.” Iktar tard, wara li jitlaʼ fis-​sema, Ġesù jferraʼ fuq id-​dixxipli tiegħu l-​ispirtu qaddis, dan l-​ieħor li jgħin.

It-tluq taʼ Ġesù hu qrib, hekk kif igħid: “Ftit ieħor u d-​dinja ma tilmaħnix iżjed.” Ġesù se jkun ħlejqa spirtu li ebda bniedem ma jistaʼ jara. Imma għal darb’oħra Ġesù jwiegħed lill-​appostli lejali tiegħu: “Intom se tilmħuni, għaliex jien ingħix u intom se tgħixu.” Iva, mhux biss Ġesù se jidhrilhom f’għamla taʼ bniedem wara l-​irxoxt tiegħu imma fiż-​żmien xieraq hu se jirxoxtahom għal ħajja miegħu fis-​sema bħala ħlejjaq spirti.

Ġesù issa jistqarr ir-​regola sempliċi: “Dak li għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dak hu li jħobbni. Mill-​banda l-​oħra, dak li jħobbni se jinħabb minn Missieri, u jien se nħobbu u se nurih ċar lili nnifsi.”

Għal dan l-​appostlu Ġuda, il-​wieħed li jissejjaħ ukoll Taddew, jinterrompi: “Mulej, x’ġara biex int bi ħsiebek turi ċar lilek innifsek lilna u mhux lid-​dinja?”

“Jekk xi ħadd iħobbni,” iwieġeb Ġesù, “hu se josserva kelmti, u Missieri se jħobbu . . . Dak li ma jħobbnix ma josservax kliemi.” Kuntrarju għas-​segwaċi ubbidjenti tiegħu, id-​dinja tinjorah it-​tagħlim taʼ Ġesù. Mela hu ma jurix lilu nnifsu lilhom.

Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù għallem lill-​appostli tiegħu ħafna affarijiet. Kif se jiftakruhom kollha, speċjalment meta, saħansitra sa dal-mument, huma tant jonqsu li jifhmu? B’ferħ, Ġesù jwiegħed: “Dak li jgħin, l-​ispirtu qaddis, li l-​Missier se jibgħat f’ismi, dak se jgħallimkom l-​affarijiet kollha u se jġib lura f’moħħkom l-​affarijiet kollha li għedtilkom.”

Għal darb’oħra biex isabbarhom, Ġesù jgħid: “Inħallilkom il-​paċi, nagħtikom il-​paċi tiegħi. . . . Tħallux lil qlubkom ikunu nkwetati.” Veru, Ġesù se jitlaq, imma hu jispjega: “Kieku ħabbejtuni, kontu tifirħu li jien sejjer fi triqti għand il-​Missier, għaliex il-​Missier huwa akbar minni.”

Iż-żmien li Ġesù fadallu magħhom huwa qasir. “Mhux se ndum nitkellem magħkom ħafna iktar,” huwa jgħid, “għax il-​ħakkiem tad-​dinja ġej. U hu m’għandu ebda qabda fuqi.” Satana x-​Xitan, il-​wieħed li kellu l-​ħila jidħol f’Ġuda u jaħtaf qabda miegħu, huwa l-​ħakkiem tad-​dinja. Imma m’hemm ebda nuqqas midneb f’Ġesù li Satana jistaʼ jilgħab bih biex idawru lil hinn milli jaqdi ’l Alla.

Igawdu Relazzjoni Intima

Wara l-​ikla tal-​mafkar, Ġesù kien qed jinkuraġġixxi lill-​appostli tiegħu b’taħdida informali dwar sentimenti intimi. Jistaʼ jkun li nofs il-​lejl għadda. Mela Ġesù jħeġġeġ: “Qumu, ejjew immorru minn hawn.” Madankollu, qabel ma jitilqu, Ġesù, imqanqal mill-​imħabba tiegħu lejhom, ikompli jitkellem, billi jipprovdi tixbieha li tqanqal.

“Jien hu l-​vera dielja, u Missieri hu l-​bidwi,” jibda hu. Il-​Bidwi l-​Kbir, Alla Jehovah, ħawwel lil din id-​dielja simbolika meta dilek lil Ġesù bl-​ispirtu qaddis fil-​magħmudija tiegħu fil-​Ħarifa tas-​sena 29 E.K. Imma Ġesù jissokta juri li d-​dielja tissimbolizza iktar milli sempliċement lilu, billi josserva: “Kull fergħa fija li ma tagħtix frott hu jeħodha ’l hemm, u kull waħda li tagħti l-​frott hu jnaddafha, biex tistaʼ tagħti iktar frott. . . . Sewwa sew bħalma l-​fergħa ma tistax tagħti l-​frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-​dielja, bl-​istess mod lanqas intom ma tistgħu, jekk ma tibqgħux f’għaqda miegħi. Jiena d-​dielja, intom il-​friegħi.”

Nhar Pentekoste, 51 jum wara, l-​appostli u oħrajn isiru friegħi tad-​dielja meta spirtu qaddis jiġi msawwab fuqhom. Eventwalment, 144,000 persuna jsiru friegħi tad-​dielja figurattiva tal-​għeneb. Flimkien maz-​zokk tad-​dielja, Ġesù Kristu, dawn jiffurmaw dielja simbolika li tipproduċi l-​frott tas-​Saltna t’Alla.

Ġesù jispjega l-​muftieħ biex wieħed jipproduċi frott: “Dak li jibqaʼ f’għaqda miegħi, u jien f’għaqda miegħu, dan jagħti ħafna frott; għaliex mifrudin minni ma tistgħu tagħmlu xejn affattu.” Jekk, madankollu, wieħed ma jipproduċix frott, Ġesù jgħid, “jiġi mormi bħal fergħa u jinxef; u xi nies jiġbru dawk il-​friegħi u jitfgħuhom ġon-​nar u jiġu maħruqin.” Mill-​banda l-​oħra, Ġesù jwiegħed: “Jekk intom tibqgħu f’għaqda miegħi u l-​qwiel tiegħi jibqgħu fikom, staqsu dak kollu li tixtiequ u dan se jseħħ għalikom.”

Iktar minn hekk, Ġesù jgħid lill-​appostli tiegħu: “Missieri hu gglorifikat f’dan, li intom tibqgħu tagħtu ħafna frott u turu li intom dixxipli tiegħi.” Il-​frott li Alla jixtieq mingħand il-​friegħi huwa li juru kwalitajiet bħal taʼ Kristu, b’mod partikulari l-​imħabba. Barra minn hekk, ladarba Kristu kien ixandar is-​Saltna t’Alla, il-​frott mixtieq jinkludi wkoll l-​attività tagħhom taʼ li jagħmlu dixxipli bħalma għamel hu.

“Ibqgħu fl-​imħabba tiegħi,” Ġesù issa jħeġġeġ. Iżda, l-​appostli tiegħu kif jistgħu jagħmlu dan? “Jekk tosservaw il-​kmandamenti tiegħi,” hu jgħid, “se tibqgħu fl-​imħabba tiegħi.” Billi jkompli, Ġesù jispjega: “Dan hu l-​kmandament tiegħi, li intom tħobbu lil xulxin sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd għandu jċedi ruħu għal ħbiebu.”

Fi ftit sigħat, Ġesù se juri din l-​imħabba li tisboq billi jagħti ħajtu għan-​nom tal-​appostli tiegħu, kif ukoll għal dawk kollha li se jeżerċitaw fidi fih. L-​eżempju tiegħu għandu jqanqal lis-​segwaċi tiegħu biex ikollhom l-​istess imħabba li tissagrifika lilha nfisha lejn xulxin. Din l-​imħabba se tidentifikahom, bħalma Ġesù stqarr iktar kmieni: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-​imħabba bejnietkom.”

Billi jidentifika lill-​ħbieb tiegħu, Ġesù jgħid: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nikkmandakom. Jien ma nsejħilkomx iktar irsiera, għaliex irsir ma jafx sidu x’jagħmel. Imma sejjaħtilkom ħbieb, għaliex l-​affarijiet kollha li jien smajt mingħand Missieri għarrafthom lilkom.”

X’relazzjoni prezzjuża jrid ikollna​—li nkunu ħbieb intimi taʼ Ġesù! Imma biex ikomplu jgawdu din ir-​relazzjoni, is-​segwaċi tiegħu jridu ‘jibqgħu jagħtu l-​frott.’ Jekk jagħmlu hekk, Ġesù jgħid, “titolbu x’titolbu lill-​Missier f’ismi hu [se] jagħtihulkom.” Ċertament, dak hu premju grandjuż għal li wieħed jagħti l-​frott tas-​Saltna! Wara li jerġaʼ jħeġġeġ lill-​appostli biex ‘iħobbu lil xulxin,’ Ġesù jispjega li d-​dinja se tobgħodhom. Iżda, hu jfarraġhom: “Jekk id-​dinja tobgħodkom, tafu li bagħdet lili qabel bagħdet lilkom.” Ġesù mbagħad jirrivela għala d-​dinja tobgħod lis-​segwaċi tiegħu, billi jgħid: “Għaliex m’intom ebda parti mid-​dinja, imma jien għażiltkom ’il barra mid-​dinja, minħabba f’dan id-​dinja tobgħodkom.”

Billi jkompli jispjega r-​raġuni għall-​mibgħeda tad-​dinja, Ġesù jissokta: “Se jagħmlu dawn l-​affarijiet kollha kontra tagħkom minħabba f’ismi, għaliex ma jafux lil dak [Alla Jehovah] li bagħatni.” Ix-​xogħlijiet mirakolużi taʼ Ġesù, fil-​fatt, jixlu lil dawk li jobogħduh, bħalma jinnota hu: “Kieku ma kontx għamilt fosthom ix-​xogħlijiet li ħadd ma għamel, kieku ma kien ikollhom ebda dnub; imma issa huma kemm raw u kemm bagħdu lili kif ukoll lil Missieri.” B’hekk, bħalma jgħid Ġesù, l-​iskrittura hija mwettqa: “Huma bagħduni għal xejn.”

Bħalma għamel iktar kmieni, Ġesù jerġaʼ jfarraġhom billi jwiegħed li jibgħat lil dak li jgħin, l-​ispirtu qaddis, li hu l-​forza attiva u qawwija t’Alla. “Dak se jagħti xiehda dwari; u intom, mill-​banda l-​oħra, se tagħtu xiehda.”

Iktar Twissijiet tat-​Tluq

Ġesù u l-​appostli lesti biex jitilqu mill-​kamra taʼ fuq. “Għedtilkom dawn l-​affarijiet biex ma tiħdux gambetta,” hu jkompli. Imbagħad hu jagħti t-​twissija solenni: “Xi bnedmin se jkeċċukom mis-​sinagoga. Fil-​fatt, ġejja s-​siegħa meta kulmin joqtolkom se jimmaġina li jkun ta servizz sagru lil Alla.”

L-appostli b’mod evidenti huma mħawdin profondament b’din it-​twissija. Għalkemm Ġesù kien qal iktar kmieni li d-​dinja kellha tobgħodhom, hu ma kienx irrivela b’mod daqshekk dirett li huma kellhom jiġu maqtulin. “M’għedtilkomx dan mill-​ewwel,” Ġesù jispjega, “għaliex kont magħkom.” Iżda, kemm hu mill-​aħjar li jarmahom b’dan it-​tagħrif bil-​quddiem qabel ma jitlaq!

“Imma issa,” Ġesù jkompli, “jien sejjer għand dak li bagħatni, u madankollu lanqas wieħed minnkom ma jistaqsini, ‘Fejn sejjer?’” Iktar kmieni fil-​għaxija, huma kienu tkixxfu dwar fejn kien sejjer, imma issa tant huma maħsudin b’dak li qalilhom li ma jistaqsuhx iktar dwar dan. Bħalma jgħid Ġesù: “Għaliex għedtilkom dawn l-​affarijiet qlubkom imtlew bin-​niket.” L-​appostli huma mnikktin mhux biss għaliex saru jafu li se jsofru persekuzzjoni terribbli u jiġu maqtulin imma għaliex is-​Sid tagħhom se jitlaqhom.

Mela Ġesù jispjega: “Hu għall-​ġid tagħkom li jien sejjer nitlaq. Għax jekk ma nitlaqx, dak li jgħin b’ebda mod ma se jiġi għandkom; imma jekk nitlaq lejn triqti, jien se nibgħatulkom.” Bħala bniedem, Ġesù jistaʼ biss ikun f’post wieħed f’ħin wieħed, imma meta jkun fis-​sema, jistaʼ jibgħat lil dak li jgħin, l-​ispirtu qaddis t’Alla, lis-​segwaċi tiegħu jkunu fejn ikunu fuq l-​art. Mela t-​tluq taʼ Ġesù se jkun taʼ ġid.

L-ispirtu qaddis, igħid Ġesù, “se jagħti lid-​dinja evidenza konvinċenti dwar id-​dnub u dwar it-​tjieba u dwar il-​ġudizzju.” Id-​dnub tad-​dinja, in-​nuqqas tagħha li teżerċita fidi fl-​Iben t’Alla, se jiġi mikxuf. Barra minn hekk, evidenza konvinċenti dwar it-​tjieba taʼ Ġesù se tiġi murija bit-​tlugħ tiegħu għand il-​Missier. U l-​fatt li Satana u d-​dinja mill-​agħar tiegħu ma rnexxilhomx ikissru l-​integrità taʼ Ġesù huwa evidenza konvinċenti li l-​ħakkiem tad-​dinja rċieva ġudizzju kontra tiegħu.

“Għad għandi ħafna affarijiet x’ingħidilkom,” Ġesù jkompli, “imma m’intomx kapaċi tifilħu għalihom fil-​preżent.” Għalhekk Ġesù jwiegħed li meta jferraʼ l-​ispirtu qaddis, li hu l-​forza attiva t’Alla, dan se jiggwidahom biex jifhmu dawn l-​affarijiet fi qbil mal-​abbiltà tagħhom li jikkomprenduhom.

L-appostli b’mod partikulari ma jifhmux li Ġesù se jmut u mbagħad jidhrilhom wara li jiġi rxoxtat. Mela jistaqsu lil xulxin: “Xi jfisser dan li jgħid lilna, ‘Fi żmien qasir intom m’intomx se tilmħuni, u, jerġaʼ, fi żmien qasir intom se tarawni,’ u, ‘għaliex jien sejjer għand il-​Missier’?”

Ġesù jirrealizza li huma jridu jistaqsuh, u għalhekk hu jispjega: “Verissmu ngħidilkom, Intom se tibku u tolfqu, imma d-​dinja se tifraħ; intom se tkunu mnikktin, imma n-​niket tagħkom se jiġi mdawwar f’hena.” Iktar tard dak in-​nhar, wara nofs in-​nhar, meta Ġesù jiġi maqtul, il-​mexxejja reliġjużi tad-​dinja jifirħu, imma d-​dixxipli jitnikktu. In-​niket tagħhom jinbidel f’hena, madankollu, meta Ġesù jiġi rxoxtat! U l-​ferħ tagħhom ikompli meta hu jagħtihom il-​qawwa nhar Pentekoste biex ikunu x-​xhieda tiegħu billi jsawwab fuqhom l-​ispirtu qaddis t’Alla!

Billi jqabbel is-​sitwazzjoni tal-​appostli maʼ dik taʼ mara waqt l-​uġigħ tal-​ħlas tagħha, Ġesù jgħid: “Mara, meta tkun qed twelled, ikollha n-​niket, għaliex tkun waslet is-​siegħa tagħha.” Imma Ġesù josserva li hi ma tibqax tiftakar it-​tribulazzjoni tagħha ladarba t-​tarbija tagħha tkun twieldet, u hu jinkuraġġixxi lill-​appostli tiegħu, billi jgħid: “Intom ukoll, għalhekk, qegħdin issa, tabilħaqq, ikollkom in-​niket; imma jien se nerġaʼ narakom [meta niġi rxoxtat] u qlubkom se jifirħu, u l-​hena tagħkom ħadd ma se jeħodhielkom.”

Sa dan iż-​żmien, l-​appostli qatt ma talbu f’isem Ġesù. Imma hu issa jgħid: “Jekk tistaqsu lill-​Missier għal xi ħaġa hu se jagħtihielkom f’ismi. . . . Għax il-​Missier innifsu għandu affezzjoni lejkom, għaliex intom kellkom affezzjoni lejja u emmintu li jien ġejt bħala r-​rappreżentant tal-​Missier. Jien ħriġt mingħand il-​Missier u ġejt fid-​dinja. Barra minn hekk, jien qed inħalli d-​dinja u sejjer fi triqti lejn il-​Missier.”

Il-kliem taʼ Ġesù huwa taʼ inkuraġġiment kbir għall-​appostli. “B’dan aħna nemmnu li int ħriġt mingħand Alla,” jgħidu huma. “Temmnu intom bħalissa?” Ġesù jistaqsi. “Ħares! Is-​siegħa ġejja, tabilħaqq, ġiet, meta se tixterdu kull wieħed lejn daru stess u se tħalluni waħdi.” Jidher kemm jidher li ma jitwemminx, dan iseħħ qabel ma l-​lejl ikun spiċċa!

“Jien għedtilkom dawn l-​affarijiet biex permezz tiegħi jistaʼ jkollkom il-​paċi.” Ġesù jikkonkludi: “Fid-​dinja qed ikollkom tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jiena kkonkwistajt id-​dinja.” Ġesù kkonkwista d-​dinja billi wettaq lejalment ir-​rieda t’Alla minkejja dak kollu li Satana u d-​dinja tiegħu ppruvaw jagħmlu biex ikissru l-​integrità taʼ Ġesù.

Talba tal-​Egħluq fil-​Kamra taʼ Fuq

Imqanqal mill-​imħabba profonda lejn l-​appostli tiegħu, Ġesù kien qed iħejjihom għat-​tluq imminenti tiegħu. Issa, wara li jwissihom u jfarraġhom fit-​tul, hu jgħolli għajnejh lejn is-​sema u jitlob bil-​ħniena lil Missieru: “Igglorifika lil ibnek, biex ibnek jistaʼ jigglorifika lilek, skond ma tajt lilu int l-​awtorità fuq il-​laħam kollu, biex, rigward in-​numru sħiħ li tajtu, hu jistaʼ jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem.”

X’tema li tqanqal jintroduċi Ġesù​—ħajja taʼ dejjem! Peress li ġie mogħti “awtorità fuq il-​laħam kollu,” Ġesù jistaʼ jagħti l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ rahan tiegħu lill-​umanità kollha li qed tmut. Iżda, hu jagħti “ħajja taʼ dejjem” biss lil dawk li lilhom il-​Missier japprova. Billi jkompli jibni fuq din it-​tema taʼ ħajja taʼ dejjem, Ġesù jissokta bit-​talba tiegħu:

“Dan ifisser il-​ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” Iva, is-​salvazzjoni tiddependi fuq li nieħdu għarfien kemm dwar Alla u kemm dwar Ibnu. Imma iktar huwa meħtieġ minn sempliċement għarfien fir-​ras.

Wieħed irid isir jafhom b’mod intimu, billi jiżżviluppa ħbiberija taʼ fehma magħhom. Wieħed irid iħoss kif iħossuhom huma dwar il-​kwistjonijiet u jara l-​affarijiet kif jarawhom huma. U fuq kollox, wieħed irid jistinka biex jimita l-​kwalitajiet tagħhom li m’hawnx bħalhom f’li jittratta maʼ oħrajn.

Ġesù mbagħad jitlob: “Jien igglorifikajtek fuq l-​art, billi temmejt ix-​xogħol li tajtni biex nagħmel.” Billi b’hekk wettaq l-​inkarigu tiegħu sa dan il-​punt u billi huwa fiduċjuż dwar is-​suċċess futur tiegħu, hu jitlob bil-​ħniena: “Missier, igglorifikani maʼ ġenbek bil-​glorja li kelli maʼ ġenbek qabel ma kienet id-​dinja.” Iva, hu issa jitlob biex jieħu lura l-​glorja tas-​sema li kellu qabel permezz taʼ rxoxt.

Billi jiġbor fil-​qosor ix-​xogħol prinċipali tiegħu fuq l-​art, Ġesù jgħid: “Urejt ismek lill-​bnedmin li tajtni mid-​dinja. Huma kienu tiegħek, u int tajthomli, u huma osservaw kelmtek.” Ġesù uża l-​isem t’Alla, Jehovah, fil-​ministeru tiegħu u wera l-​pronunzja korretta tiegħu, imma hu għamel iktar minn hekk biex juri l-​isem t’Alla lill-​appostli tiegħu. Hu kabbar ukoll il-​għarfien u l-​apprezzament tagħhom lejn Jehovah, lejn il-​personalità tiegħu, u lejn il-​għanijiet tiegħu.

Billi jagħti kredtu lil Jehovah bħala s-​Superjur tiegħu, Dak li taħtu hu jaqdi, Ġesù jirrikonoxxi b’umiltà: “Il-​qwiel li tajtni int tajt jien lilhom, u huma laqgħuhom u ċertament saru jafu li jien ħriġt bħala r-​rappreżentant tiegħek, u huma emmnu li int bgħattni.”

Billi jagħmel distinzjoni bejn is-​segwaċi tiegħu u l-​bqija tal-​umanità, Ġesù mbagħad jitlob: “Jien nitlob, mhux għad-​dinja, imma għal dawk li inti tajtni . . . Meta jien kont magħhom kont inħarishom . . . , u jien żammejthom, u lanqas wieħed minnhom m’hu meqrud ħlief bin il-​qerda,” jiġifieri, Ġuda l-​Iskarjota. F’dan l-​istess mument, Ġuda qiegħed fuq il-​missjoni moqżieża tiegħu taʼ li jittradixxi lil Ġesù. B’hekk, Ġuda bla ma jaf qed iwettaq l-​Iskrittura.

“Id-​dinja bagħdithom,” Ġesù jkompli jitlob. “Jien nitolbok, mhux biex toħroġhom ’il barra mid-​dinja, imma biex tħarishom minħabba l-​wieħed mill-​agħar. Ma huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” Is-​segwaċi taʼ Ġesù qegħdin fid-​dinja, din is-​soċjetà umana organizzata u maħkuma minn Satana, imma huma separati u jridu dejjem jibqgħu separati minnha u mill-​ħażen tagħha.

“Qaddishom permezz tal-​verità,” Ġesù jkompli, “kelmtek hi verità.” Hawnhekk Ġesù jsejjaħ lill-​Iskrittura Ebrajka mnebbħa, li minnha hu kontinwament ikkwota, il-​“verità.” Imma dak li hu għallem lid-​dixxipli tiegħu u dak li iktar tard huma kitbu taħt ispirazzjoni bħala l-​Iskrittura Griega Kristjana huwa bl-​istess mod il-​“verità.” Din il-​verità tistaʼ tqaddes lil dak li jkun, tbiddillu ħajtu għalkollox, u tagħmlu persuna separata mid-​dinja.

Ġesù issa jitlob “mhux rigward dawn biss, imma wkoll rigward dawk li qed ipoġġu fidi fi[h] permezz tal-​kelma tagħhom.” Mela Ġesù jitlob għal dawk li se jkunu s-​segwaċi midlukin tiegħu u għal dixxipli futuri oħra li għad iridu jinġabru f’“merħla waħda.” X’jitlob hu għal dawn kollha?

“Sabiex jistgħu jkunu lkoll ħaġa waħda, sewwa sew bħalma int, Missier, qiegħed f’għaqda miegħi u jien qiegħed f’għaqda miegħek, . . . sabiex huma jistgħu jkunu ħaġa waħda sewwa sew bħalma aħna ħaġa waħda.” Ġesù u Missieru m’humiex litteralment persuna waħda, imma huma jaqblu f’kollox. Ġesù jitlob li s-​segwaċi tiegħu jgawdu din l-​istess ħaġa waħda sabiex “id-​dinja jistaʼ jkollha l-​għarfien li int bgħattni u li int ħabbejthom sewwa sew bħalma ħabbejt lili.”

Għan-nom taʼ dawk li kellhom ikunu s-​segwaċi midlukin tiegħu, Ġesù issa jagħmel talba lil Missieru tas-​sema. Għal liema ħaġa? “Li, fejn qiegħed jien, huma wkoll jistgħu jkunu miegħi, sabiex jilmħu l-​glorja tiegħi li int tajtni, għaliex int ħabbejtni qabel it-​tisjis tad-​dinja,” jiġifieri, qabel ma Adam u Eva kkonċepew nisel. Ħafna qabel dak, Alla ħabb lill-​Iben uniġenitu tiegħu, li sar Ġesù Kristu.

Billi jtemm it-​talba tiegħu, Ġesù jerġaʼ jenfasizza: “Jien għamilt lil ismek magħruf lilhom u se nagħmlu magħruf, sabiex l-​imħabba li biha ħabbejtni tistaʼ tkun fihom u jien f’għaqda magħhom.” Għall-​appostli, li jsiru jafu l-​isem t’Alla involva personalment li jsiru jafu l-​imħabba t’Alla. Ġwann 14:1–17:26; 13:​27, 35, 36; 10:16; Luqa 22:​3, 4; Eżodu 24:10; 1 Slaten 19:​9-13; Isaija 6:​1-5; Galatin 6:16; Salm 35:19; 69:4; Proverbji 8:​22, 30.

▪ Ġesù fejn sejjer, u liema tweġiba jirċievi Tumas rigward kif jistaʼ jasal hemm?

▪ Bit-​talba tiegħu, Filippu mid-​dehra x’irid li Ġesù jipprovdi?

▪ Għala hu li wieħed li ra lil Ġesù ra wkoll lill-​Missier?

▪ Is-​segwaċi taʼ Ġesù kif se jagħmlu xogħlijiet akbar milli għamel hu?

▪ Satana f’liema sens m’għandu ebda qabda fuq Ġesù?

▪ Jehovah meta ħawwel id-​dielja simbolika, u meta u kif oħrajn isiru parti mid-​dielja?

▪ Eventwalment, kemm il-​fergħa jkollha d-​dielja simbolika?

▪ Alla liema frott jixtieq mill-​friegħi?

▪ Kif nistgħu nkunu ħbieb taʼ Ġesù?

▪ Id-​dinja għala tobgħod lis-​segwaċi taʼ Ġesù?

▪ Liema twissija minn Ġesù tħawwad lill-​appostli tiegħu?

▪ L-​appostli għala jonqsu li jistaqsu lil Ġesù dwar fejn hu sejjer?

▪ L-​appostli x’jonqsu b’mod partikulari li jifhmu?

▪ Ġesù kif juri li s-​sitwazzjoni tal-​appostli se tinbidel minn niket għal hena?

▪ Ġesù x’igħid li l-​appostli se jagħmlu dalwaqt?

▪ Ġesù kif jikkonkwista d-​dinja?

▪ Ġesù f’liema sens hu mogħti “awtorità fuq il-​laħam kollu”?

▪ Xi jfisser li tieħu għarfien dwar Alla u Ibnu?

▪ Ġesù b’liema modi juri l-​isem t’Alla?

▪ X’inhi l-​“verità,” u kif ‘tqaddes’ lil Kristjan?

▪ Alla, Ibnu, u l-​veri adoraturi kollha kif inhuma ħaġa waħda?

▪ Meta kien “it-​tisjis tad-​dinja”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja