Kapitlu 122
Mingħand Pilatu għal għand Erodi u Lura għal Darb’Oħra
GĦALKEMM Ġesù ma jagħmel ebda sforz biex jaħbi minn Pilatu li hu sultan, hu jispjega li s-Saltna tiegħu mhix taʼ theddida għal Ruma. “Is-saltna tiegħi ma hi ebda parti minn did-dinja,” Ġesù jgħid. “Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn did-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, kif inhu, is-saltna tiegħi mhix minn dan is-sors.” Ġesù b’hekk jammetti tliet darbiet li għandu Saltna, għalkemm mhix taʼ sors tal-art.
Iżda, Pilatu jerġaʼ jistaqsih: “Sewwa, mela, int sultan?” Jiġifieri, int sultan għalkemm is-Saltna tiegħek ma hi ebda parti minn did-dinja?
Ġesù jħalli lil Pilatu jkun jaf li hu ġibed il-konklużjoni t-tajba, billi jwieġeb: “Int innifsek qed tgħid li jien sultan. Għal dan jien twelidt, u għal dan jien ġejt ġewwa d-dinja, biex nagħti xiehda għall-verità. Kulmin qiegħed fuq in-naħa tal-verità jismaʼ leħni.”
Iva, l-iskop innifsu tal-eżistenza taʼ Ġesù fuq l-art hu li jagħti xiehda għall-“verità,” b’mod speċifiku l-verità dwar is-Saltna tiegħu. Ġesù huwa lest li jkun lejali lejn dik il-verità saħansitra jekk tiswielu ħajtu. Għalkemm Pilatu jistaqsi: “X’inhi verità?” hu ma joqgħodx jistenna iktar spjegazzjoni. Hu semaʼ biżżejjed biex jagħti ġudizzju.
Pilatu jmur lura lejn il-folla li qed tistenna barra l-palazz. B’mod evidenti b’Ġesù maġenbu, hu jgħid lill-qassisin ewlenin u lil dawk taʼ magħhom: “Ma nsib ebda delitt f’dan ir-raġel.”
Irrabjati minħabba fid-deċiżjoni, il-folol jibdew jinsistu: “Hu jxewwex lin-nies billi jgħallem fil-Ġudea kollha, saħansitra billi jibda mill-Galilija sa hawn.”
Il-fanatiċiżmu bla raġuni tal-Lhud bil-fors li jbellah lil Pilatu. Mela, waqt li l-qassisin ewlenin u l-irġiel ixjeħ ikomplu jgħajtu, Pilatu jdur lejn Ġesù u jistaqsi: “M’intix tismaʼ kemm qed jixhdu affarijiet kontra tiegħek?” Iżda, Ġesù ma jippruvax iwieġeb. Il-kalma tiegħu wiċċ imb’wiċċ maʼ dawk l-akkużi bl-addoċċ tbellah lil Pilatu.
Billi jsir jaf li Ġesù huwa Galilew, Pilatu jara li jistaʼ jeħles mir-responsabbiltà li waqgħet fuqu. Il-ħakkiem tal-Galilija, Erodi Antipas (bin Erodi l-Kbir), qiegħed f’Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż, u għalhekk Pilatu jibgħat lil Ġesù għandu. Iktar kmieni, Erodi Antipas kien ġiegħel li tinqataʼ ras Ġwanni l-Għammied, u mbagħad Erodi sar beżgħan meta semaʼ dwar ix-xogħlijiet mirakolużi li Ġesù kien qed iwettaq, billi beżaʼ li Ġesù kien attwalment Ġwanni li kien ġie mqajjem mill-imwiet.
Issa, Erodi huwa ferħan ħafna bil-prospett taʼ li jara lil Ġesù. Dan m’huwiex għaliex huwa mħasseb dwar il-qagħda taʼ Ġesù għall-ġid jew għaliex irid jagħmel xi attentat reali biex isir jaf jekk l-akkużi miġjuba kontra tiegħu humiex veri jew le. Minflok, huwa sempliċement kurjuż u jittama li jara lil Ġesù jwettaq xi miraklu.
Ġesù, madankollu, jirrifjuta li jissodisfa l-kurżità taʼ Erodi. Fil-fatt, waqt li Erodi jinterrogah, hu ma jgħidx kelma. Iddiżappuntati, Erodi u s-suldati għassiesa tiegħu jiżżufjettaw b’Ġesù. Huma jlibbsuh libsa taʼ lewn igħajjat u jżebilħuh. Imbagħad jibagħtuh lura għand Pilatu. Bħala riżultat, Erodi u Pilatu, li qabel kienu egħdewwa, isiru ħbieb sewwa.
Meta Ġesù jiġi lura, Pilatu jsejjaħ lill-qassisin ewlenin, lill-ħakkiema Lhud, u lin-nies flimkien u jgħid: “Intom ġibtu lil dan ir-raġel għandi bħala wieħed li qed ixewwex lin-nies għal rewwixta, u, ħares! jien eżaminajtu quddiemkom imma f’dan ir-raġel ma sibt ebda raġuni għall-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu. Fil-fatt, lanqas Erodi ma sab, għax hu bagħtu lura għandna; u, ħares! hu m’għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt. Jien għalhekk se nikkastigah bis-swat u neħilsu.”
B’hekk, Pilatu darbtejn iddikjara li Ġesù huwa innoċenti. Huwa ħerqan biex jeħilsu, għax jirrealizza li huwa biss minħabba l-għira li l-qassisin tawhulu f’idejh. Waqt li Pilatu jkompli jipprova jeħles lil Ġesù, hu jirċievi mottiv qawwi ieħor biex jagħmel hekk. Waqt li qiegħed fuq it-tron taʼ ġudizzju tiegħu, martu tibgħat messaġġ, billi tħeġġu: “Ħa ma jkollok x’taqsam xejn maʼ dak ir-raġel twajjeb, għax jien sofrejt ħafna llum f’ħolma [b’mod evidenti taʼ oriġini divin] minħabba fih.”
Iżda, kif jistaʼ Pilatu jeħles lil dan ir-raġel innoċenti, bħalma jaf li għandu jagħmel? Ġwann 18:36-38; Luqa 23:4-16; Mattew 27:12-14, 18, 19; 14:1, 2; Mark 15:2-5.
▪ Ġesù kif iwieġeb il-mistoqsija rigward l-istat tiegħu taʼ sultan?
▪ X’inhi l-“verità” li dwarha Ġesù qattaʼ l-ħajja tiegħu fuq l-art jagħti xiehda?
▪ X’inhu l-ġudizzju taʼ Pilatu, in-nies kif iwieġbu, u Pilatu x’jagħmel b’Ġesù?
▪ Min hu Erodi Antipas, għala jifraħ ħafna meta jara lil Ġesù, u x’jagħmel bih?
▪ Pilatu għala huwa ħerqan biex jeħles lil Ġesù?