LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/15 pp. 10-12
  • Min Kien Ponzju Pilatu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Kien Ponzju Pilatu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Pożizzjoni, id-​Dmirijiet, u l-​Poter
  • Qanqal ir-​Rabja tal-​Lhud
  • “X’Inhi l-​Verità?”
  • X’Ġara minn Pilatu?
  • Kemm Pilatu kif ukoll Erodi jsibuh innoċenti
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Mingħand Pilatu għal għand Erodi u Lura għal Darb’Oħra
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Ġesù jingħata f’idejn is-suldati biex joqtluh
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Pilatu jgħid: “Ara! Ir-raġel!”
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/15 pp. 10-12

Min Kien Ponzju Pilatu?

‘PILATU, li kien xettiku u kien iħobb iwaqqaʼ l-​affarijiet għaċ-​ċajt, huwa persunaġġ storiku li jġiegħel lil ħafna nies jitħassbu dwaru. Għal xi wħud huwa qaddis, għal oħrajn huwa l-​personifikazzjoni tad-​dgħjufija umana, eżempju perfett taʼ politikant li hu lest jissagrifika bniedem wieħed biex iżomm l-​istabbilità.’​—Pontius Pilate, minn Ann Wroe.

Kemm jekk taqbel maʼ dawn l-​opinjonijiet u kemm jekk le, Ponzju Pilatu żgur li kiseb reputazzjoni għall-​mod kif ittratta lil Ġesù Kristu. Min kien Pilatu? X’nafu dwaru? Jekk ikollna fehma aħjar tal-​pożizzjoni li kellu se nifhmu aħjar l-​iktar ġrajjiet importanti li qatt seħħew fuq l-​art.

Il-​Pożizzjoni, id-​Dmirijiet, u l-​Poter

L-​Imperatur Ruman Tiberju ħatar lil Pilatu bħala l-​gvernatur tal-​provinċja tal-​Lhudija fis-​sena 26 E.K. Uffiċjali għoljin bħal dawn kienu rġiel li kienu membri taʼ l-​hekk imsejħa ordni ekwestri​—nobbiltajiet taʼ livell inqas meta mqabblin maʼ l-​aristokratiċi li kellhom pożizzjoni fis-​senat. X’aktarx li Pilatu daħal fl-​armata bħala kmandant taʼ l-​infanterija; u telaʼ fil-​gradi minħabba s-​suċċess li kellu fl-​inkarigi li ġie mogħti; u ġie mlaħħaq gvernatur qabel m’għalaq 30 sena.

L-uniformi li kellu Pilatu kienet tunika tal-​ġilda u kurazza tal-​metall. Meta kien ikun fil-​pubbliku hu kien jilbes toga bajda b’bordura vjola. Hu x’aktarx li kellu xagħru qasir u kien ikollu l-​leħja mqaxxra. Għalkemm xi wħud jaħsbu li kien minn Spanja, ismu juri li forsi kien mit-​tribù tal-​Pontii—nobbli Sanniti mill-​Italja t’Isfel.

L-uffiċjali għoljin li kellhom l-​istess pożizzjoni taʼ Pilatu ħafna drabi kienu jintbagħtu f’territorji li ma kinux ċivilizzati. Ir-​Rumani hekk kienu jqisuha l-​Lhudija. Barra li kellu jżomm l-​ordni, Pilatu kien jieħu ħsieb il-​ġbir tat-​taxxi indiretti u taxxi oħra. Il-​qrati tal-​Lhud kellhom jieħdu ħsieb l-​amministrazzjoni tal-​ġustizzja taʼ l-​affarijiet taʼ kuljum, imma f’każi li kien ikun hemm involuta s-​sentenza tal-​mewt, milli jidher, kienu jintbagħtu għand il-​gvernatur, li kien l-​awtorità ġudizzjarja suprema.

Pilatu u martu, flimkien maʼ xi grupp żgħir taʼ skribi, ħbieb, u messaġġieri, kienu jgħixu fil-​belt taʼ Ċesarija li kienet ħdejn port. Pilatu kien jikkmanda ħames gruppi taʼ l-​infanterija taʼ bejn 500 u 1,000 raġel kull grupp kif ukoll riġment tal-​kavallerija li wisq probabbli kien fih 500 raġel. Spiss, is-​suldati tiegħu kienu jsammru maʼ zokk lil dawk li kienu jiksru l-​liġi. Fi żmien taʼ paċi, l-​esekuzzjonijiet kienu jsiru wara li l-​każi kienu jinstemgħu fuq fuq fil-​qrati, imma waqt xi rewwixta, ir-​ribelli kienu jingħataw il-​mewt dak il-​ħin u fi gruppi kbar. Per eżempju, ir-​Rumani sammru maʼ zokk 6,000 ilsir biex temmew l-​irvell immexxi minn Spartacus. Kulmeta kien jidher li se jinqalaʼ l-​ġlied fil-​Lhudija, il-​gvernatur ġeneralment kien jitlob l-​għajnuna tal-​legat imperjali tas-​Sirja, li kien jikkmanda l-​leġjuni. Biss, matul il-​biċċa l-​kbira mill-​ħakma taʼ Pilatu, il-​legat ma kienx preżenti, u Pilatu kellu jtemm id-​diżordni malajr.

Il-gvernaturi spiss kienu jikkonsultaw maʼ l-​imperatur. Kwistjonijiet li kienu jinvolvu d-​dinjità taʼ l-​imperatur jew li kienu jheddu l-​awtorità Rumana kellhom jiġu rapportati, u minħabba dan kienu jinħarġu ordnijiet mill-​imperatur. Il-​gvernaturi għandu mnejn kienu jkunu ħerqanin biex jgħidu lill-​imperatur kif kienu qed imorru l-​affarijiet fil-​provinċja tagħhom qabel ma kien jilmenta xi ħadd. Minħabba li kien qed iqum l-​inkwiet fil-​Lhudija, dawn il-​problemi kienu serji ħafna għal Pilatu.

Minbarra r-​rakkont taʼ l-​Evanġelji, l-​istorjografu Ġużeppi Flavju u Filo huma sorsi primarji taʼ l-​informazzjoni dwar Pilatu. L-​istorjografu Ruman Taċitu wkoll qal li Pilatu ordna l-​mewt taʼ Kristus, li minnu l-​Kristjani ħadu isimhom.

Qanqal ir-​Rabja tal-​Lhud

Ġużeppi Flavju qal li minħabba li kienu konxji li l-​Lhud kienu kontra li wieħed jagħmel ix-​xbihat, il-​gvernaturi Rumani evitaw li jdaħħlu stendardi militari f’Ġerusalemm li fuqhom kellhom immaġni taʼ l-​imperatur. Minħabba li Pilatu m’għamilx dan, il-​Lhud tant irrabjaw li ġrew lejn iċ-​Ċesarija biex jilmentaw dwar dan. Pilatu m’għamel xejn għal ħamest ijiem. Fis-​sitt jum, hu ordna lis-​suldati tiegħu biex idawru lil dawk li kienu qed jagħmlu l-​protesta u jhedduhom li se joqtluhom jekk ma jinfirxux. Meta l-​Lhud qalu li jippreferu jmutu, l-​aqwa li ma jarawx il-​Liġi tagħhom tinkiser, Pilatu ċeda u ordna li jitneħħew dawn l-​immaġni.

Pilatu kien kapaċi juża l-​forza. Fi ġrajja minnhom rakkontata minn Ġużeppi Flavju, Pilatu beda jaħdem fuq akwidott sabiex ikun jistaʼ jġib l-​ilma f’Ġerusalemm u uża l-​fondi mit-​teżor tat-​tempju sabiex ikun jistaʼ jiffinanzja l-​proġett. Pilatu ma qabadx u sempliċement ħataf il-​flus, għax hu kien jaf li s-​serq mit-​tempju kien sagrileġġ u kien se jġiegħel lil-​Lhud irrabjati jitolbu lil Tiberju biex ineħħi lil Pilatu mill-​pożizzjoni tiegħu. Mid-​dehra Pilatu kellu l-​kooperazzjoni taʼ dawk li kellhom awtorità fit-​tempju. Flus li kienu dedikati għat-​tempju, jew “qorban,” setgħu jintużaw għal xogħlijiet pubbliċi li kienu se jkunu taʼ benefiċċju għall-​belt. Imma eluf taʼ Lhud inġabru sabiex jesprimu r-​rabja tagħhom.

Pilatu ġagħal lil xi truppi jitħalltu mal-​folla u ordnalhom biex ma jużawx ix-​xwabel imma biex isawtu bil-​ħatar lil dawk li kienu qed jipprotestaw. Milli jidher hu ried jikkontrolla lill-​folla mingħajr ma jkun hemm xi massakru. Mid-​dehra din it-​tattika ħadmet, għalkemm kien hemm xi wħud li mietu. Xi wħud li rrapportaw lil Ġesù li Pilatu kien ħallat id-​demm taʼ xi Galilin mas-​sagrifiċċji tagħhom għandhom mnejn li kienu qed jirreferu għal din il-​ġrajja.—Luqa 13:1.

“X’Inhi l-​Verità?”

Dak li jagħmel lil Pilatu infami hu l-​mod kif investiga l-​akkużi li għamlu l-​qassisin ewlenin Lhud u l-​irġiel ixjeħ meta qalu li Ġesù ppreżenta lilu nnifsu bħala Sultan. Meta semaʼ l-​missjoni li kellu Ġesù, jiġifieri li jagħti xiehda għall-​verità, Pilatu rrealizza li Ġesù ma kienx taʼ theddida għal Ruma. Hu staqsa: “X’inhi l-​verità?” għax milli jidher ħaseb li l-​verità hi idea diffiċli biex tifhimha, u għalhekk ma kinitx tirrikjedi attenzjoni. X’kienet il-​konklużjoni tiegħu? “Ma nsib ebda ħtija f’dan ir-​raġel.”—Ġwanni 18:​37, 38; Luqa 23:4.

Dan kellu jkun it-​tmiem tal-​ġuri taʼ Ġesù, imma l-​Lhud insistew li hu kien qed jaqleb il-​ġens taʼ taħt fuq. L-​għira tal-​qassisin ewlenin kienet ir-​raġuni għala ħadu lil Ġesù għand l-​awtoritajiet Rumani, u Pilatu kien jafu dan. Hu kien jaf ukoll li l-​fatt li jeħles lil Ġesù kien se jqajjem l-​inkwiet, xi ħaġa li hu ried jevita. Kien hemm biżżejjed inkwiet, għax Barabba u xi oħrajn kienu miżmumin il-​ħabs minħabba rewwixti u qtil. (Marku 15:​7, 10; Luqa 23:2) Iktar minn hekk, kienu nqalgħu argumenti mal-​Lhud li permezz tagħhom ħammġu r-​reputazzjoni taʼ Pilatu maʼ Tiberju, li kien magħruf għall-​mod iebes li bih kien jittratta maʼ gvernaturi li ma kinux kapaċi jmexxu sew. Madankollu, li kieku ċeda għat-​talba tal-​Lhud kien juri li hu dgħajjef. Għalhekk, Pilatu kellu dilemma.

Meta semaʼ minfejn kien Ġesù, Pilatu pprova jgħaddi l-​każ lil Erodi Antipa, il-​ħakkiem tad-​distrett tal-​Galilija. Meta dan ma rnexxiex, Pilatu beda jipprova jġiegħel lil dawk li kienu miġburin barra l-​palazz tiegħu biex jitolbu għall-​ħelsien taʼ Ġesù, u dan kien fi qbil mad-​drawwa li fil-​Qbiż jinħeles ħabsi. Il-​folla bdiet tgħajjat favur Barabba.—Luqa 23:​5-19.

Pilatu forsi xtaq jagħmel dak li hu sew, imma xtaq ukoll li jżomm il-​pożizzjoni tiegħu u jogħġob lill-​folla. Finalment, hu poġġa l-​karriera tiegħu qabel il-​kuxjenza u l-​ġustizzja. Hu staqsa biex jingħata ftit ilma, ħasel idejh u qal li hu innoċenti mill-​mewt li kien għadu kif ta permess għaliha.a Għalkemm kien jemmen li Ġesù kien innoċenti, Pilatu tah biex jiġi msawwat bil-​frosta u ħalla lis-​suldati jwaqqgħuh għaċ-​ċajt, isawtuh, u jobżqulu.—Mattew 27:​24-31.

Pilatu pprova l-​aħħar attentat biex jipprova jeħles lil Ġesù, imma l-​folla bdiet tgħajjat li jekk hu jagħmel hekk, hu ma kienx ħabib taʼ Ċesari. (Ġwanni 19:12) Malli semaʼ dan Pilatu ċeda. Wieħed studjuż jgħid hekk dwar id-​deċiżjoni taʼ Pilatu: “Is-​soluzzjoni kienet sempliċi: il-​mewt tar-​raġel. Kulma kien se jintilef kien il-​ħajja taʼ Lhudi li milli jidher kien insinifikanti; kienet tkun bluha li kieku ħalla li jinqalaʼ l-​inkwiet minħabba fih.”

X’Ġara minn Pilatu?

L-​aħħar ġrajja li hemm dokumentata dwar il-​karriera taʼ Pilatu kienet konflitt ieħor. Ġużeppi Flavju jgħid li kotra kbira taʼ Samaritani armati nġabru fuq il-​Muntanja Gariżim bit-​tama li jsibu t-​teżori li mingħalihom Mosè kien ħeba hemm. Pilatu interviena, u t-​truppi tiegħu qatlu ħafna mill-​folla. Is-​Samaritani lmentaw maʼ Lucius Vitellius, gvernatur tas-​Sirja, li kellu awtorità fuq Pilatu. Jekk Vitellius ħasibx li Pilatu kien esaġera jew le ma nafux. Kien x’kien il-​każ, hu ordna lil Pilatu jmur Ruma u jagħti spjegazzjoni għall-​azzjonijiet tiegħu lill-​imperatur. Però, qabel ma wasal, Tiberju miet.

Skond sors wieħed, minn dan il-​mument id-​dokumenti storiċi ma jsemmuhx iktar lil Pilatu, imma hemm ħafna leġġendi dwaru. Ħafna pprovaw jagħtu informazzjoni dwar id-​dettalji li hemm neqsin. Jingħad li Pilatu sar Kristjan. Il-​“Kristjani” Etjopjani għamluh “qaddis.” Ewsebju, li kien jikteb fl-​aħħar tat-​tielet seklu u fil-​bidu tar-​rabaʼ seklu, kien l-​ewwel wieħed minn ħafna li qalu li Pilatu kkommetta suwiċidju, bħalma kien għamel Ġuda l-​Iskarjota. Madankollu, ħadd ma jaf eżattament x’ġara minn Pilatu.

Pilatu setaʼ kien rasu iebsa, iħobb iwaqqaʼ l-​affarijiet għaċ-​ċajt, u aħrax. Imma hu baqaʼ fil-​kariga tiegħu għal għaxar snin, filwaqt li uffiċjali għoljin oħrajn fil-​Lhudija ma damux daqshekk. Għalhekk, mill-​ħarsa tar-​Rumani Pilatu kien kapaċi jmexxi sew. Hu ġie mlaqqam beżżiegħ li kien ħati li ttortura u qatel lil Ġesù sabiex ikun jistaʼ jipproteġi lilu nnifsu. Oħrajn jirraġunaw li l-​iktar xogħol importanti għal Pilatu ma kienx li jżomm mal-​ġustizzja imma li jżomm il-​paċi u jaħdem għall-​interessi taʼ l-​imperu Ruman.

Iż-żminijiet li Pilatu kien jgħix fihom kienu differenti ħafna minn żminijietna. Biss, l-​ebda mħallef ma kien se jikkundanna b’mod ġust raġel li hu kien qed jikkunsidrah innoċenti. Li kieku ma kienx għall-​fatt li ltaqaʼ maʼ Ġesù, Ponzju Pilatu x’aktarx kien se jkun sempliċement isem ieħor fil-​kotba taʼ l-​istorja.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​ħasil taʼ l-​idejn kien drawwa tal-​Lhud u mhux tar-​Rumani u bih kienu juru li ma kinux se jipparteċipaw fit-​tixrid tad-​demm.—Dewteronomju 21:​6, 7.

[Stampa f’paġna 11]

Din l-​iskrizzjoni nstabet fiċ-​Ċesarija u tidentifika lil Ponzju Pilatu bħala uffiċjal għoli tal-​Lhudija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja