LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • we pp. 7-13
  • Huwa Normali Li Tħossok Hekk?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa Normali Li Tħossok Hekk?
  • Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dawk Li Bkew Fil-​Bibbja
  • Tibki Jew Ma Tibkix
  • Kif Jirreaġixxu Xi Wħud
  • Kif Ir-​Rabja u L-​Ħtija Jistgħu Jeffettwawk
  • Meta Titlef Lil Martek Jew Lil Żewġek
  • “Tħallix Lil Oħrajn Jiddettaw . . . ”
  • Kif Nistaʼ Ngħix Bin-Niket Tiegħi?
    Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • Huwa ħażin li titnikket?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?
    Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • Dak li tistaʼ tistenna
    Stenbaħ!—2018
Ara Iżjed
Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
we pp. 7-13

Huwa Normali Li Tħossok Hekk?

WIEĦED raġel imnikket jikteb: “Bħala tifel fl-​Ingilterra, jien ġejt mgħallem biex ma nesprimix is-​sentimenti tiegħi fil-​pubbliku. Nistaʼ niftakar lil missieri, li qabel kien fil-​militar, jgħidli waqt li jheżheż snienu, ‘Ara ma tibkix!’ meta xi ħaġa tkun ikkaġunatli xi uġigħ. Ma nistax niftakar jekk ommi qattx bieset jew għannqet lil xi ħadd minna t-​tfal (konna erbgħa). Jien kelli 56 sena meta rajt lil missieri jmut. Ħassejt telfa tremenda. Madankollu, għall-​ewwel, ma stajtx nibki.”

F’xi kulturi, in-​nies jesprimu s-​sentimenti tagħhom bil-​miftuħ. Kemm jekk huma henjin jew qalbhom sewda, oħrajn ikunu jafu kif iħossuhom huma. Mill-​banda l-​oħra, f’xi partijiet tad-​dinja, b’mod notevoli fl-​Ewropa taʼ Fuq u fil-​Britannja, in-​nies, speċjalment l-​irġiel, ġew imrawmin biex jaħbu s-​sentimenti tagħhom, biex iżommu lura l-​emozzjonijiet tagħhom, biex jibqgħu indifferenti jiġri x’jiġri u ma jurux x’hemm f’qalbhom. Imma meta tkun sofrejt it-​telfa taʼ xi ħadd għażiż, jistaʼ b’xi mod ikun ħażin li tesprimi n-​niket tiegħek? Il-​Bibbja xi tgħid?

Dawk Li Bkew Fil-​Bibbja

Il-​Bibbja nkitbet minn nies Ebrej tar-​reġjun tal-​Lvant tal-​Mediterran, li kienu nies li jħobbu jesprimu ruħhom. Fiha ħafna eżempji taʼ nies li bil-​miftuħ urew in-​niket tagħhom. Is-​sultan David għela għat-​telfa taʼ ibnu Amnon li kien ġie maqtul. Fil-​fatt, ‘beka biki kbir ħafna.’ (2 Samwel 13:​28-39) Hu saħansitra tnikket għat-​telfa taʼ ibnu Absalom il-​qarrieq, li kien ipprova jaħtaflu l-​istat taʼ sultan. Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħidilna: “Imbagħad [David] is-​sultan qabditu rogħda. Talaʼ fil-​kamra taʼ fuq il-​bieb, u hemm beda jibki u jgħajjat: ‘Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! Mhux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!’” (2 Samwel 19:1) David għela bħal kwalunkwe missier normali. U min jaf kemm-il darba xtaqu ġenituri li setgħu jmutu huma minflok uliedhom! Kemm ma jidhirx naturali li xi ħadd mit-​tfal imut qabel wieħed mill-​ġenituri.

Ġesù kif irreaġixxa għall-​mewt tal-​ħabib tiegħu Lażżru? Hu beka hekk kif qorob lejn il-​qabar tiegħu. (Ġwann 11:​30-38) Iktar tard, Marija Maddalena bkiet hekk kif qorbot lejn is-​sepulkru taʼ Ġesù. (Ġwann 20:​11-16) Veru, Kristjan li għandu fehma tat-​tama taʼ l-​irxoxt li tinstab fil-​Bibbja ma jitnikkitx bla konsolazzjoni taʼ xejn, kif jagħmlu xi wħud li m’għandhomx bażi ċara tal-​Bibbja għat-​twemmin tagħhom rigward il-​kundizzjoni tal-​mejtin. Imma bħala bniedem b’sentimenti normali, il-​Kristjan veru, saħansitra bit-​tama taʼ l-​irxoxt, tassew jitnikket u tassew jagħli għat-​telfa taʼ xi ħadd maħbub.​—1 Tessalonkin 4:​13, 14.

Tibki Jew Ma Tibkix

Xi ngħidu dwar ir-​reazzjonijiet tagħna llum? Issibha int diffiċli jew imbarazzanti li turi s-​sentimenti tiegħek? Uħud li jagħtu l-​pariri x’jirrikkmandaw? L-​opinjonijiet moderni tagħhom taʼ spiss jidwu sempliċement l-​għerf imnebbaħ u antik tal-​Bibbja. Huma jgħidu li għandna nesprimu n-​niket tagħna, mhux inrażżnuh. Dan ifakkarna f’irġiel leali tal-​qedem, bħal Ġob, David, u Ġeremija, li l-​espressjonijiet taʼ niket tagħhom jinstabu fil-​Bibbja. Huma ċertament li ma żammewx ġo fihom is-​sentimenti tagħhom. Għalhekk, m’huwiex għaqli li tinqataʼ min-​nies. (Proverbji 18:1) M’għandniex xi ngħidu, il-​vistu huwa espress b’modi differenti f’kulturi differenti, jiddependi wkoll fuq it-​twemmin reliġjuż prevalenti.a

Xi ngħidu jekk tħossok li trid tibki? Li tibki huwa parti min-​natura umana. Ftakar mill-​ġdid l-​okkażjoni tal-​mewt taʼ Lażżru, meta Ġesù “ħass ruħu mqanqal u . . . beka.” (Ġwann 11:​33, 35) Hu b’hekk wera li l-​biki huwa reazzjoni normali għall-​mewt taʼ xi ħadd maħbub.

Nies jitnikktu

Huwa normali li wieħed jitnikket u jibki meta xi ħadd maħbub imut

Dan huwa appoġġjat mill-​każ taʼ waħda omm, Anne, li kienet tilfet lit-​tarbija tagħha Rachel bis-​SIDS (Sudden Infant Death Syndrome, meta tarbija tmut f’daqqa waħda). Ir-​raġel tagħha kkummenta: “Il-​ħaġa taʼ l-​iskantament kienet li la Anne u lanqas jien ma bkejna fil-​funeral. Kulħadd beda jibki.” Għal dan, Anne irrispondiet: “Iva, imma jien bkejt biżżejjed għalina t-​tnejn f’daqqa. Naħseb li dan l-​impatt emozzjonali laqatni tassew ftit ġimgħat wara t-​traġedja, meta ġurnata waħda kont fl-​aħħarnett waħdi d-​dar. Bkejt il-​ġurnata kollha. Imma naħseb li dak għenni. Ħassejtni aħjar wara. Kelli bil-​fors ngħali għat-​telfa tat-​tarbija tiegħi. Jiena tassew nemmen li trid tħalli lin-​nies imnikktin jibku. Għalkemm hija reazzjoni naturali għal oħrajn li jgħidu: ‘Tibkix,’ dak tassew ma jgħinx.”

Kif Jirreaġixxu Xi Wħud

Xi wħud kif irreaġixxew meta ħassewhom desolati bit-​telfa taʼ xi ħadd maħbub? Per eżempju, ikkunsidra lil Juanita. Hi taf x’iħoss min jitlef tarbija. Kienet esperjenzat ħames korrimenti. Issa reġgħet kienet tqila. Mela meta minħabba inċident bil-​karozza kellha tidħol l-​isptar, wieħed jistaʼ jifhem kemm kienet imħassba. Ġimgħatejn wara beda l-​uġigħ​—qabel iż-​żmien. Ftit wara twieldet iċ-​ċkejkna Vanessa​—kienet tiżen madwar kilogramma. “Kemm kont eċċitata,” tiftakar Juanita. “Fl-​aħħar sirt omm!”

Imma l-​hena tagħha kienet għomorha qasir. Erbat ijiem wara Vanessa mietet. Tiftakar Juanita: “Tant ħassejtni vojta. Itteħidli l-​privileġġ li nkun omm. Ħassejtni minix kompluta. Kien taʼ wġigħ li niġi lura d-​dar fil-​kamra li konna ħejjejna għal Vanessa u nħares lejn il-​flokkijiet taʼ taħt ċkejknin li kont xtrajtilha. Għall-​ftit xhur taʼ wara, kont inġedded jum it-​twelid tagħha. Ma ridt ikolli x’naqsam xejn maʼ ħadd.”

Xi reazzjoni estrema? Forsi jkun iebes għal oħrajn biex jifhmu, imma dawk li, bħal Juanita, għaddew minnha jispjegaw li huma tnikktu għat-​tarbija tagħhom bħalma kienu jitnikktu għal xi ħadd li kien għex għal xi żmien. Ħafna qabel ma titwieled it-​tarbija, jgħidu huma, il-​ġenituri jsiru jħobbuha. Hemm rabta speċjali maʼ l-​omm. Meta dik it-​tarbija tmut, l-​omm tħoss li persuna reali tkun intilfet. U dak huwa li oħrajn jeħtieġ li jifhmu.

Kif Ir-​Rabja u L-​Ħtija Jistgħu Jeffettwawk

Omm oħra esprimiet is-​sentimenti tagħha meta qalulha li binha taʼ sitt snin kien miet għall-​għarrieda minħabba problema f’qalbu mit-​twelid. “Għaddejt minn serje taʼ reazzjonijiet​—bqajt ixxokkjata, ma ridtx nemmen, ħassejtni ħatja, u rrabjata mar-​raġel tiegħi u mat-​tabib għax ma kinux irrealizzaw kemm kienet serja l-​kundizzjoni tiegħu.”

Ir-rabja tistaʼ tkun sintomu ieħor tan-​niket. Tistaʼ tkun rabja għat-​tobba u l-​infermieri, billi tħoss li kellhom jagħmlu iktar f’li jieħdu ħsieb taʼ dak li jkun miet. Jew forsi tkun rabja għal ħbieb u qraba li, milli jidher, jgħidu jew jagħmlu l-​ħaġa żbaljata. Xi wħud jirrabjaw għal dak li jkun miet għax ikun ittraskura saħħtu. Stella tiftakar: “Niftakar li kont irrabjata għar-​raġel tiegħi għaliex kont naf li l-​affarijiet setgħu jkunu differenti. Hu kien marad ħafna, imma kien injora t-​twissijiet tat-​tobba.” U xi kultant ikun hemm rabja għall-​mejjet minħabba t-​tagħbijiet li l-​mewt tiegħu jew tagħha ġġib fuq min jibqaʼ ħaj.

Xi wħud iħossuhom ħatjin minħabba r-​rabja​—jiġifieri, jistgħu jikkundannaw lilhom infushom għaliex iħossuhom irrabjati. Oħrajn iwaħħlu fihom infushom għall-​mewt tal-​maħbub tagħhom. “Ma kienx imut,” huma jikkonvinċu ruħhom, “li kieku ġegħiltu jmur għand it-​tabib qabel” jew “ġegħiltu jara tabib ieħor” jew “ġegħiltu jieħu ħsieb iktar taʼ saħħtu.”

Omm tiftakar meta kienet iżżomm lit-tifla tagħha

It-​telfa taʼ wieħed mit-​tfal hija trawma terribbli​—simpatija ġenwina u empatija jistgħu jgħinu lill-​ġenituri

Għal oħrajn il-​ħtija tasal iktar minn hekk, speċjalment jekk il-​maħbub tagħhom miet għall-​għarrieda, bla mistenni. Huma jibdew jiftakru d-​drabi meta kienu rrabjaw maʼ dak li jkun miet jew meta kienu argumentaw miegħu. Jew iħossu li ma għamlux dak li suppost għamlu għall-​mejjet.

Il-proċess twil taʼ niket taʼ ħafna ommijiet jappoġġja dak li ħafna esperti jgħidu, li t-​telfa taʼ tifel jew tifla tħalli vojt permanenti fil-​ħajja tal-​ġenituri, b’mod partikulari l-​omm.

Meta Titlef Lil Martek Jew Lil Żewġek

It-​telfa taʼ sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ hija xorta oħra taʼ trawma, speċjalment jekk it-​tnejn li huma qattgħu ħajja attiva ferm flimkien. Tistaʼ tfisser tmiem taʼ l-​istil taʼ ħajja kollu, taʼ vjaġġar, taʼ xogħol, taʼ rikreazzjoni, u taʼ dipendenza fuq xulxin li huma kienu qasmu flimkien.

Eunice tispjega dak li ġara meta r-​raġel tagħha miet għall-​għarrieda b’attakk f’qalbu. “Għall-​ewwel ġimgħa, kont fi stat taʼ xokk emozzjonali, bħal li kieku waqaft niffunzjona. Ma stajtx saħansitra ntiehem jew inxomm. Madankollu, is-​sens tiegħi taʼ loġika kompla b’mod distakkat. Minħabba li kont mar-​raġel tiegħi waqt li kienu qegħdin jipprovaw iġibuh stabbli billi wżaw is-​CPR (apparat li jħaddem mill-​ġdid il-​qalb) u l-​immedikar, m’esperjenzajtx is-​sintomi taʼ ċaħda kif soltu jiġri. Minkejja dan, ħassejt sentiment qawwi taʼ frustrazzjoni, bħal li kieku kont qiegħda nara karozza taqaʼ minn fuq għolja u jien ma stajt nagħmel xejn dwarha.”

Bkiet hi? “Dażżgur li bkejt, speċjalment meta qrajt il-​mijiet taʼ kartolini taʼ simpatija li kont irċevejt. Bkejt maʼ kull waħda. Dan għenni niffaċċja l-​bqija tal-​ġurnata. Imma xejn ma setaʼ jgħin meta ġejt mistoqsija ripetutament kif ħassejtni. Ovvjament, kont miżerabbli.”

X’għen lil Eunice biex tgħaddi min-​niket tagħha? “Mingħajr ma rrealizzajt dan, bla ma ridt għamilt id-​deċiżjoni biex nibqaʼ sejra b’ħajti,” hi tgħid. “Madankollu, dak li għadu jweġġagħni huwa meta niftakar li r-​raġel tiegħi, li tant kien iħobb il-​ħajja, m’huwiex hawn biex igawdiha.”

“Tħallix Lil Oħrajn Jiddettaw . . . ”

L-​awturi taʼ Leavetaking​—When and How to Say Goodbye jagħtu l-​parir: “Tħallix lil oħrajn jiddettawlek kif għandek taġixxi jew tħossok. Il-​proċess taʼ niket huwa differenti għal kull wieħed. Oħrajn forsi jaħsbu​—u juruk li jaħsbu—​li int qiegħed titnikket iżżejjed jew mhux qiegħed titnikket biżżejjed. Aħfrilhom u nsieha. Billi tipprova tisforza lilek innifsek ġo forma maħluqa minn oħrajn jew mis-​soċjetà inġenerali, int ittellef il-​progress tiegħek lejn saħħa emozzjonali rrestawrata.”

M’għandniex xi ngħidu, nies differenti jittrattaw in-​niket tagħhom b’modi differenti. M’aħniex nipprovaw nissuġġerixxu li mod wieħed huwa neċessarjament aħjar minn ieħor għal kull persuna. Madankollu, ifeġġ il-​periklu meta jidħol l-​istaġnar, meta l-​persuna milquta min-​niket mhix kapaċi tirrikonċilja ruħha mar-​realtà tas-​sitwazzjoni. Imbagħad jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ l-​għajnuna mingħand ħbieb li jagħdru. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk jitwieled għal żmien l-​hemm.” Mela tibżax tfittex l-​għajnuna, biex titkellem, u biex tibki.​—Proverbji 17:17.

In-niket huwa reazzjoni normali għal telfa, u m’huwiex ħażin li n-​niket tiegħek ikun ovvju għal oħrajn. Imma mistoqsijiet oħrajn jinħtieġu t-​tweġibiet: ‘Kif nistaʼ ngħix bin-​niket tiegħi? Huwa normali li nesperjenza sentimenti taʼ ħtija u rabja? Kif għandi nittratta maʼ dawn ir-​reazzjonijiet? X’jistaʼ jgħinni biex nissaporti t-​telfa u n-​niket?’ Is-​sezzjoni li jmiss se twieġeb dawk il-​mistoqsijiet u oħrajn.

a Per eżempju, in-​nies Joruba tan-​Niġerja għandhom twemmin tradizzjonali fir-​ri-inkarnazzjoni tar-​ruħ. Mela meta omm titlef lil xi tifel jew tifla, hemm niket intensiv imma biss għal perijodu qasir, għax bħalma jgħid ritornell tal-​Joruba: “Huwa l-​ilma li xxerred. Il-​kalabax mhux miksur.” Skond il-​Joruba, dan ifisser li l-​kalabax li jġorr l-​ilma, l-​omm, jistaʼ jkollha tarbija oħra​—forsi ri-inkarnazzjoni tal-​waħda mejta. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jsegwu l-​ebda tradizzjoni bbażata fuq superstizzjonijiet li joħorġu minn ideat foloz tar-​ruħ immortali u tar-​ri-inkarnazzjoni, li m’għandhom ebda bażi fil-​Bibbja.​—Koħelet 9:​5, 10; Eżekjel 18:​4, 20.

Mistoqsijiet Biex Tixtarr

  • In-​niket taʼ xi nies kif inhu effettwat mill-​kultura tagħhom?

  • Liema eżempji għandna fil-​Bibbja taʼ dawk li tnikktu bil-​miftuħ?

  • Xi wħud kif irreaġixxew għat-​telfa taʼ xi ħadd maħbub? Kif irreaġixxejt int f’ċirkostanzi simili?

  • X’jagħmel it-​telfa taʼ raġel jew mara fiż-​żwieġ esperjenza taʼ xorta differenti?

  • Il-​proċess taʼ niket kif jaħdem? Huwa ħażin li titnikket?

  • X’inhuma xi aspetti tal-​proċess taʼ niket? (Ara l-​kaxxa f’paġna 9.)

  • Liema ċirkostanzi speċjali jeffettwaw lil ġenituri fil-​mewt għall-​għarrieda taʼ tarbija? (Ara l-​kaxxa f’paġna 12.)

  • Ħafna ommijiet kif inhuma effettwati minn korriment jew minn tarbija mwielda mejta? (Ara l-​kaxxa f’paġna 10.)

Il-​Proċess Tan-​Niket

Il-​kelma “proċess” ma tindikax li n-​niket għandu xi skeda jew programm iffissat. Ir-​reazzjonijiet tan-​niket jistgħu jestendu u jieħdu tulijiet taʼ żmien li jvarjaw, billi dan jiddependi mill-​individwu. Din il-​lista mhix kompluta. Reazzjonijiet oħrajn ukoll jistgħu jidhru. Dawn li ġejjin huma xi wħud mis-​sintomi tan-​niket li wieħed jistaʼ jesperjenza.

Reazzjonijiet tal-​bidu: Xokk inizzjali; li wieħed ma jkunx irid jemmen, ċaħda; xokk emozzjonali; sentimenti taʼ ħtija; rabja.

Niket akut jistaʼ jinkludi: Telf tal-​memorja u nuqqas taʼ rqad; għejja estrema; bdil f’daqqa waħda tal-​burdata; taħwid fid-​deċiżjonijiet u fil-​ħsieb; biki perjodiku; tibdil fl-​aptit, bir-​riżultat taʼ nuqqas jew żjieda fil-​piż; varjetà taʼ sintomi taʼ nuqqas taʼ saħħa; telqa; nuqqas taʼ effiċjenza fix-​xogħol; alluċinazzjonijiet​—li wieħed iħoss, jismaʼ, jara lil dak li jkun miet; fil-​każ tat-​telfa taʼ xi tifel jew tifla, li wieħed jeħodha għal xejn b’xejn kontra l-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ.

Perijodu taʼ irkoprar: Qalb sewda u nostalġija; memorji iktar pjaċevoli taʼ dak li jkun miet, saħansitra b’daqsxejn taʼ umoriżmu.

Korriment u Twelid Taʼ Trabi Mejtin—Ommijiet Jitnikktu

Għalkemm diġà kellha tfal oħrajn, Monna kienet bil-​ħerqa qiegħda tħares ’il quddiem lejn it-​twelid tat-​tarbija li kienet ġejja. Saħansitra qabel it-​twelid, kienet tarbija li hi ‘kienet tilgħab magħha, tkellimha, u toħlom biha.’

Il-​proċess li jorbot flimkien lill-​omm mat-​tarbija li għadha ma twelditx kien qawwi. Hi tkompli: “Rachel Anne kienet tarbija li kienet tagħti bis-​sieq u twaqqagħli l-​kotba minn fuq żaqqi, u ma kenitx tħallini norqod bil-​lejl. Għadni niftakar l-​ewwel daqqiet bis-​sieq ċkejknin, qisu xi ħadd qiegħed imissni b’mod ġentili u b’imħabba. Kull darba li kienet tiċċaqlaq, kont nimtela b’tant imħabba. Kont nafha tant tajjeb li kont ninduna meta kienet tkun muġugħa, meta kienet tkun marida.”

Monna tkompli r-​rakkont tagħha: “It-​tabib ma riedx jemminni sakemm kien tard wisq. Qalli biex ma nibqax ninkwieta. Naħseb li ħassejtha tmut. Hi sempliċement daret dawra b’mod vjolenti. L-​għada kienet mejta.”

L-​esperjenza taʼ Monna m’hijiex xi ġrajja iżolata. Skond l-​awturi Friedman u Gradstein, fil-​ktieb tagħhom Surviving Pregnancy Loss, madwar miljun mara fis-​sena fl-​Istati Uniti biss jgħaddu minn tqala bla suċċess. M’għandniex xi ngħidu, il-​figura mad-​dinja kollha hija ferm akbar.

In-​nies taʼ spiss jonqsu li jirrealizzaw li korriment jew tarbija li titwieled mejta hija traġedja għall-​mara u waħda li tibqaʼ tiftakar​—forsi għal għomorha. Per eżempju, Veronica, li issa hija avanzata fl-​età, tiftakar fil-​korrimenti tagħha u speċjalment tiftakar it-​tarbija li twieldet mejta u li kienet ħajja sad-​disaʼ xahar u twieldet tiżen 6 kg. Hi ġarritha mejta ġewwa fiha għall-​aħħar ġimgħatejn. Qalet: “Li twelled tarbija mejta hija xi ħaġa terribbli għal omm.”

Ir-​reazzjonijiet taʼ dawn l-​ommijiet frustrati mhux dejjem tiġi mifhuma, saħansitra minn nisa oħrajn. Waħda mara li tilfet lit-​tarbija tagħha minħabba korriment kitbet: “Dak li tgħallimt b’mod l-​iktar taʼ wġigħ kien li qabel ma dan ġara lili, tassew li ma kelli ebda idea taʼ dak li ħbiebi kellhom jgħaddu minnu. Kont insensittiva u injoranta lejhom daqskemm issa qiegħda nħoss li n-​nies huma lejja.”

Koppja jżommu lil xulxin u jitnikktu

Problema oħra għall-​omm imnikkta hi l-​impressjoni li r-​raġel tagħha jistaʼ ma jħossx it-​telfa bħalma tħossha hi. Waħda mara esprimiet ruħha b’dan il-​mod: “Kont totalment iddiżappuntata bir-​raġel tiegħi f’dak iż-​żmien. Sa fejn kien ikkonċernat hu, verament ma kien hemm ebda tqala. Ma setax jesperjenza n-​niket li kont għaddejja minnu jien. Kien juri simpatija kbira lejn il-​biżaʼ tiegħi imma mhux lejn in-​niket tiegħi.”

Din ir-​reazzjoni hija forsi waħda naturali għal raġel miżżewweġ​—hu ma jgħaddix mill-​istess rabta fiżika u emozzjonali li l-​mara tiegħu tgħaddi minnha meta tkun tqila. Minkejja dan, hu jsofri telfa. U huwa vitali li r-​raġel u l-​mara jirrealizzaw li qegħdin isofru flimkien, għalkemm b’modi differenti. Għandhom jaqsmu n-​niket tagħhom maʼ xulxin. Jekk ir-​raġel jaħbih, martu tistaʼ taħseb li hu insensittiv. Mela aqsmu d-​dmugħ, il-​ħsibijiet, u t-​tgħanniq tagħkom. Uru li għandkom bżonn xulxin iktar minn qatt qabel. Iva, irġiel, uru l-​empatija tagħkom.

Meta Tarbija Tmut F’Daqqa Waħda (SIDS)—Kif Tiffaċċja N-​Niket

Il-​mewt f’daqqa waħda taʼ tarbija hija traġedja devastanti. Ġurnata fost l-​oħrajn tarbija li tidher normali u b’saħħitha ma tqumx mill-​irqad. Dan totalment m’huwiex mistenni, għax min jistaʼ jimmaġina li kwalunkwe tarbija jew xi ħadd mit-​tfal se jmut qabel ma jmutu l-​ġenituri tagħha? Tarbija li saret iċ-​ċentru taʼ l-​imħabba mingħajr qies taʼ l-​omm f’daqqa waħda tkun iċ-​ċentru tan-​niket bla tarf tagħha.

Sentimenti taʼ ħtija jibdew jiżdiedu. Il-​ġenituri forsi jħossuhom responsabbli għall-​mewt, bħal li kieku minħabba xi traskuraġni. Huma jistaqsu lilhom infushom, ‘Xi stajna nagħmlu biex nevitawha?’b F’xi każi r-​raġel, mingħajr bażi taʼ xejn, jistaʼ saħansitra bla ma jkun konxju jwaħħal f’martu. Meta telaq għax-​xogħol, it-​tarbija kienet ħajja u b’saħħitha. Meta reġaʼ lura d-​dar, kienet mejta fil-​kot tagħha! X’kienet qiegħda tagħmel martu? Fejn kienet f’dak il-​ħin? Dawn il-​mistoqsijiet sikkanti jridu jiġu ċċarati sabiex ma jagħmlux pressjoni fuq iż-​żwieġ.

Ċirkostanzi m’humiex mistennijin u li ma tobsorhomx ikkaġunaw it-​traġedja. Il-​Bibbja tistqarr: “Rajt ukoll taħt ix-​xemx li ma tintrebaħx mill-​ħfief it-​tiġrija lanqas mill-​felħana t-​taqbida. M’huwiex taʼ l-​għorrief il-​ħobż jew taʼ min jifhem fil-​ġid; lanqas is-​suċċess taʼ min jinqalaʼ, iżda kollox jiġi fi żmienu u kif jaħbat [“Iż-​żmien u l-​ġrajja mhix mistennija jiġu fuqhom kollha.” (Ekkleżjasti 9:​11, New World Translation)].” (Korsiv tagħna.)​—Koħelet 9:11.

Oħrajn kif jistgħu jgħinu meta xi familja titlef tarbija? Omm imnikkta wieġbet: “Ħabiba ġiet u naddfitli d-​dar mingħajr ma kelli għalfejn ngħid kelma waħda. Oħrajn sajrulna. Xi wħud għenuni billi sempliċement għannquni​—bla kliem, sempliċement tgħanniqa. Ma ridtx nitkellem dwarha. Ma ridtx noqgħod nispjega darba wara l-​oħra dak li kien ġara. Ma kontx neħtieġ mistoqsijiet kurjużi, bħal li kieku kont inqast li nagħmel xi ħaġa. Jien kont l-​omm; kont nagħmel minn kollox biex insalva lit-​tarbija tiegħi.”

b “Sudden Infant Death Syndrome,” (SIDS), li ġeneralment tolqot lit-​trabi taʼ bejn ix-​xahar u s-​sitt xhur, hija t-​terminu wżat meta trabi b’saħħithom imutu f’daqqa waħda mingħajr ebda kawża spjegabbli. F’xi każi ħafna jemmnu li l-​possibiltà tistaʼ tiġi evitata kieku lit-​tarbija jraqqduha wiċċha ’l fuq jew laġenba basta mhux wiċċha ’l isfel. Madankollu, l-​ebda pożizzjoni taʼ l-​irqad ma se tevita kull każ taʼ SIDS.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja