LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • we pp. 14-19
  • Kif Nistaʼ Ngħix Bin-Niket Tiegħi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Ngħix Bin-Niket Tiegħi?
  • Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tiżżvoga N-​Niket​—Kif?
  • Kif Tittratta Mal-​Ħtija
  • Kif Tittratta Mar-​Rabja
  • Għajnuna Mingħand Alla
  • Huwa Normali Li Tħossok Hekk?
    Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • Kif tkampa man-niket tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Dak li tistaʼ tistenna
    Stenbaħ!—2018
  • Kif tkampa man-niket—Dak li tistaʼ tagħmel issa
    Stenbaħ!—2018
Ara Iżjed
Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
we pp. 14-19

Kif Nistaʼ Ngħix Bin-​Niket Tiegħi?

“JIEN ħassejt pressjoni kbira fuqi biex inżomm is-​sentimenti tiegħi ġo fija,” jispjega Mike meta ftakar fil-​mewt taʼ missieru. Għal Mike, li jżomm in-​niket tiegħu kien juri rġulija. Madankollu iktar tard irrealizza li kellu tort. Għalhekk meta l-​ħabib taʼ Mike tilef lil nannuh, Mike kien jaf x’kellu jagħmel. Hu jgħid: “Xi ftit taʼ snin ilu, kont intaptaplu fuq spalltu u ngħidlu, ‘Kun raġel.’ Issa missejtlu driegħu u għedtlu, ‘Ħoss dak li għandek tħoss. Se jgħinek tittratta magħha. Jekk tridni mmur, immur. Jekk tridni nibqaʼ, nibqaʼ. Imma tibżax li tħoss.’”

MaryAnne ukoll ħassitha ppressata biex iżżomm kollox ġo fiha meta miet ir-​raġel tagħha. “Kont tant inkwetata dwar li nkun taʼ eżempju tajjeb għal oħrajn,” hi tiftakar, “li ma ppermettejtx lili nnifsi li jkolli s-​sentimenti normali. Imma eventwalment tgħallimt illi li nipprova nkun sors taʼ saħħa għal oħrajn ma kienx qiegħed jgħinni. Bdejt nanalizza s-​sitwazzjoni tiegħi u ngħid, ‘Ibki jekk għandek tibki. Tipprovax tkun b’saħħtek iżżejjed. Żvoga.’”

Mela kemm Mike u kemm MaryAnne jirrikkmandaw: Ħalli lilek innifsek titnikket! U għandhom raġun. Għala? Għaliex li titnikket huwa żvog emozzjonali neċessarju. Li tiżżvoga s-​sentimenti tiegħek jistaʼ jnaqqas il-​pressjoni li tkun għaddej minnha. L-​espressjoni naturali taʼ emozzjonijiet, jekk tkun flimkien mal-​fehma u maʼ l-​informazzjoni eżatta, tħallik tesprimi s-​sentimenti tiegħek kif jixraq.

M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jesprimi n-​niket bl-​istess mod. U fatturi bħal jekk dak ix-​xi ħadd maħbub mietx f’daqqa waħda jew jekk il-​mewt ġietx wara marda twila jistgħu jinfluwenzaw ir-​reazzjoni emozzjonali taʼ dawk li jibqgħu ħajjin. Imma ħaġa waħda tidher ċerta: Illi li żżomm ġo fik is-​sentimenti tiegħek jistaʼ jkun taʼ ħsara kemm fiżika kif ukoll emozzjonali. Huwa bil-​wisq aħjar għas-​saħħa li tiżżvoga n-​niket tiegħek. Kif? L-​Iskrittura fiha pariri prattiċi.

Tiżżvoga N-​Niket​—Kif?

Li titkellem jistaʼ jkun żvog li jgħin. Wara l-​mewt taʼ l-​għaxart itfal kollha tiegħu, kif ukoll xi traġedji persunali oħrajn, il-​patrijarka tal-​qedem Ġob qal: “Ladarba ħajti nistmellha, irrid niftaħ il-​bieb [Ebrajk, “inħoll”] għat-​tgemgim tiegħi, inferraʼ l-​imrar taʼ ruħi.” (Ġob 1:​2, 18, 19; 10:1) Ġob ma setax ikompli jżomm it-​tgemgim tiegħu. Hu kellu bżonn iħallih joħroġ; kellu ‘jferrgħu.’ B’mod simili, id-​drammaturgu Ingliż Shakespeare kiteb f’Macbeth: “Agħti kliem lid-​dwejjaq; in-​niket li ma jitkellimx ifesfes lill-​qalb li hi mifnija u jgħidilha biex tinqasam.”

Mela li titkellem dwar is-​sentimenti tiegħek maʼ “ħabib” veru li se jismaʼ bil-​paċenzja u b’mod li jissimpatizza jistaʼ jġib ammont taʼ serħan. (Proverbji 17:17) Li tpoġġi esperjenzi u sentimenti fi kliem jagħmilha iktar faċli li tifhimhom u li tittratta magħhom. U jekk dak li jkun qiegħed jismaʼ hu jew hi persuna mnikkta oħra li b’mod effettiv ittratta jew ittrattat mat-​telfa tiegħu jew tagħha stess, forsi tkun tistaʼ tlaqqat xi suġġerimenti prattiċi fuq kif tistaʼ tkampa. Meta mietet it-​tarbija tagħha, waħda omm spjegat għala għenha li titkellem maʼ mara oħra li kienet iffaċċjat telfa simili: “Li tkun taf li xi persuna oħra għaddiet mill-​istess ħaġa, u ħarġet minnha qawwija u sħiħa, u li kienet għadha ħajja u reġgħet qiegħda ssib xi xorta taʼ ordni f’ħajjitha qawwieni ferm lili.”

Mara li mitilha xi ħadd tikteb kif tħossha

Eżempji mill-​Bibbja juru illi li tikteb is-​sentimenti tiegħek jistaʼ jgħinek biex tesprimi n-​niket tiegħek

Xi ngħidu jekk m’intix komdu li titkellem dwar is-​sentimenti tiegħek? Wara l-​mewt taʼ Sawl u Ġonatan, David ikkompona għanja tal-​mejtin emozzjonali ferm li fiha ferraʼ n-​niket tiegħu. Din il-​kompożizzjoni mimlija niket eventwalment saret parti mill-​kitba li tinsab fil-​ktieb tal-​Bibbja tat-​Tieni Samwel. (2 Samwel 1:​17-27; 2 Kronaki 35:25) B’mod simili, xi wħud isibuha iktar faċli li jesprimu ruħhom bil-​kitba. Waħda armla rrapportat li kienet tniżżel bil-​miktub is-​sentimenti tagħha u mbagħad jiem wara kienet taqra dak li tkun kitbet. Hi sabet li dan kien żvog li jgħin.

Kemm billi titkellem u kemm billi tikteb, li tikkomunika s-​sentimenti tiegħek jistaʼ jgħinek tiżżvoga n-​niket tiegħek. Jistaʼ jgħin ukoll biex jiċċara xi nuqqas taʼ ftehim. Omm imnikkta tispjega: “Ir-​raġel tiegħi u jien smajna b’koppji oħrajn li ddivorzjaw wara li tilfu xi tarbija, u ma ridniex li dak jiġri lilna. Għalhekk kull darba li konna nħossuna rrabjati, u rridu nwaħħlu f’xulxin, konna nitħaddtuha. Naħseb li tassew inġbidna eqreb lejn xulxin billi għamilna dak.” B’hekk, li tħalli s-​sentimenti tiegħek isiru magħrufin jistaʼ jgħinek tifhem li saħansitra għalkemm int forsi tkun qiegħed taqsam fl-​istess telfa, oħrajn jistgħu jitnikktu b’mod differenti​—bil-​pass tagħhom stess u bil-​mod tagħhom stess.

Xi ħaġa oħra li tistaʼ tiffaċilita l-​iżżvogar tan-​niket hija l-​biki. Hemm “żmien li tibki,” tgħid il-​Bibbja. (Koħelet 3:​1, 4) Żgur li l-​mewt taʼ xi ħadd li nħobbu ġġib żmien bħal dan. Li xxerred dmugħ taʼ niket jidher li huwa parti neċessarja mill-​proċess taʼ fejqan.

Waħda żagħżugħa tispjega kif ħabiba intima għenitha biex tkampa meta mietet ommha. Hi tiftakar: “Il-​ħabiba tiegħi kienet dejjem hemm għalija. Bkiet miegħi. Tkellmet miegħi. Kont sempliċement nistaʼ nuri l-​emozzjonijiet tiegħi bil-​miftuħ, u dak kien importanti għalija. Ma kellix għalfejn inkun imbarazzata għax kont nibki.” (Ara Rumani 12:15.) Lanqas m’għandek int tħossok tistħi għaliex jaqbiżlek id-​dmugħ. Kif rajna, il-​Bibbja hija mimlija b’eżempji taʼ rġiel u nisa taʼ fidi​—inkluż Ġesù Kristu—​li bil-​miftuħ xerrdu d-​dmugħ taʼ niket bla ma dehru imbarazzati.​—Ġenesi 50:3; 2 Samwel 1:​11, 12; Ġwann 11:​33, 35.

Uħud ifarrġu lil dawk li mitilhom xi ħadd

F’kull kultura, nies li qegħdin jitnikktu japprezzaw meta jirċievu faraġ

Int tistaʼ ssib li għal xi żmien l-​emozzjonijiet tiegħek jinbidlu l-​ħin kollu. Tinfexx tibki bla mistenni. Waħda armla sabet li meta kienet tmur tixtri mis-​supermarket (xi ħaġa li għamlet spiss maʼ żewġha) kien jaqbżilha d-​dmugħ, speċjalment meta, bi drawwa, kienet tkun se taqbad xi affarijiet li kienu l-​favoriti tar-​raġel tagħha. Kun paċenzjuż miegħek innifsek. U tħossokx li għandek iżżomm lura d-​dmugħ. Ftakar, dak huwa parti naturali u neċessarja tan-​niket.

Kif Tittratta Mal-​Ħtija

Kif ġie nnotat qabel, xi wħud ikollhom sentimenti taʼ ħtija wara li jkunu tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt. Dan jistaʼ jgħin biex jispjega n-​niket akut tar-​raġel leali Ġakobb meta ġie mġiegħel jemmen li ibnu Ġużeppi kien ġie maqtul minn xi “bhima selvaġġa kiefra.” Kien Ġakobb innifsu li bagħat lil Ġużeppi biex jara li ħutu ma kien jonqoshom xejn. Mela Ġakobb x’aktarx li kien ossessjonat b’sentimenti taʼ ħtija, bħal ‘Għala bgħattu waħdu lil Ġużeppi? Għala bgħattu fi nħawi miżgħudin bil-​bhejjem selvaġġi?’​—Ġenesi 37:​33-35.

Forsi tħoss li xi traskuraġni min-​naħa tiegħek ikkontribwiet għall-​mewt tal-​maħbub jew maħbuba tiegħek. Li tirrealizza li l-​ħtija​—vera jew immaġinata—​hija reazzjoni normali tan-​niket jistaʼ fih nnifsu jkun taʼ għajnuna. Hawn ukoll, tħossokx li għandek iżżomm sentimenti bħal dawn għalik innifsek. Li titkellem dwar kemm tħossok ħati jistaʼ jipprovdi żvog li huwa tant meħtieġ.

Irrealizza, iżda, li nħobbu kemm inħobbu lil persuna oħra, ma nistgħux nikkontrollaw il-​ħajja tiegħu jew tagħha, lanqas ma nistgħu aħna nżommu “ż-​żmien u l-​ġrajja mhix mistennija” milli jolqtu lil dawk li nħobbu. (Ekkleżjasti 9:​11, New World Translation) Barra minn hekk, bla dubju l-​motivi tiegħek ma kinux ħżiena. Per eżempju, f’li m’għamiltx l-​appuntament mat-​tabib qabel, kienet l-​intenzjoni tiegħek li l-​maħbub tiegħek jimrad u jmut? Dażżgur li le! Allura tassew ħati int li kkaġunajt il-​mewt taʼ dik il-​persuna? Le.

Waħda omm tgħallmet tittratta mal-​ħtija wara li bintha mietet f’inċident bil-​karozza. Hi tispjega: “Ħassejtni ħatja li bgħattha barra. Imma bdejt nirrealizza li kienet xi ħaġa redikola li nħossni hekk. Ma kien hemm xejn ħażin f’li nibgħatha maʼ missierha b’qadja. Kien sempliċement inċident terribbli.”

‘Imma hemm ħafna affarijiet li xtaqt għedt jew għamilt,’ forsi tgħid. Veru, imma min minna jistaʼ jgħid li kien il-​missier, l-​omm, it-​tifel (tifla) perfett? Il-​Bibbja tfakkarna: “Aħna lkoll niżżbaljaw, u taʼ sikwit; jekk xi ħadd ma jiżżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett.” (Ġakbu 3:2; Rumani 5:12) Mela aċċetta l-​fatt li m’intix perfett. Billi tibqaʼ tberren fuq kull xorta taʼ affarijiet li stajt tagħmel u m’għamiltx ma se jbiddel xejn, imma jistaʼ jtawwal iż-​żmien taʼ l-​irkoprar tiegħek.

Jekk int għandek raġunijiet sodi biex temmen li l-​ħtija tiegħek hija reali, mhix immaġinata, allura ikkunsidra l-​iktar fattur importanti minnhom ilkoll biex ittaffi l-​ħtija​—il-​maħfra t’Alla. Il-​Bibbja tiżżgurana: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-​maħfra.” (Salm 130:​3, 4) Int ma tistax tmur lura fil-​passat u tbiddel xi ħaġa. Tistaʼ, iżda, titlob maħfra lil Alla għall-​iżbalji taʼ l-​imgħoddi. Imbagħad x’iktar? Tajjeb, jekk Alla jwiegħed li jaħfirlek kollox, m’għandekx int ukoll taħfer lilek innifsek?​—Proverbji 28:13; 1 Ġwann 1:9.

Kif Tittratta Mar-​Rabja

Tħossok int irrabjat mhux ħażin, forsi għat-​tobba, għall-​infermieri, għall-​ħbieb, jew saħansitra għal min ikun miet? Irrealizza li din ukoll hija reazzjoni komuni għal telfa. Forsi r-​rabja tiegħek hija l-​akkumpanjament naturali taʼ l-​uġigħ li tħoss. Wieħed kittieb qal: “Huwa biss billi tinduna bir-​rabja​—mhux li taġixxi fuqha imma li tkun taf li qiegħed tħossha—​li tistaʼ int tkun ħieles mill-​effett distruttiv tagħha.”

Jistaʼ wkoll ikun taʼ għajnuna jekk tesprimi jew taqsam maʼ ħaddieħor ir-​rabja. Kif? Ċertament mhux li tisbel bla kontroll. Il-​Bibbja twissi li rabja fit-​tul hija perikoluża. (Proverbji 14:​29, 30) Imma tistaʼ ssib faraġ jekk titkellem dwarha maʼ ħabib li jifhem. U xi wħud isibu li eżerċizzju vigoruż meta jkunu rrabjati huwa żvog li jgħin.​—Ara wkoll Efesin 4:​25, 26.

Waqt li huwa importanti li titkellem bil-​miftuħ u li tkun onest dwar is-​sentimenti tiegħek, kelma taʼ twissija hija f’waqtha. Hemm differenza kbira bejn li tesprimi s-​sentimenti tiegħek u li tiżżvogahom fuq oħrajn. M’hemmx bżonn li tagħti t-​tort lill-​oħrajn għar-​rabja u għall-​frustrazzjoni tiegħek. Mela oqgħod attent li titkellem dwar is-​sentimenti tiegħek, imma mhux b’mod ostili. (Proverbji 18:21) Hemm għajnuna li tispikka ferm f’li tkampa man-​niket, u issa se niddiskutuha.

Għajnuna Mingħand Alla

Il-​Bibbja tiżżgurana: “Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” (Salm 34:19) Iva, iktar minn kull ħaġa oħra, relazzjoni m’Alla tistaʼ tgħinek biex tkampa mal-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. Kif? Is-​suġġerimenti prattiċi kollha offruti s’issa kienu bbażati fuq jew huma fi qbil mal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Li tapplikahom jistaʼ jgħinek tkampa.

Flimkien maʼ dan, iċċekkinx il-​valur tat-​talb. Il-​Bibbja tħeġġeġ: “Qiegħed it-​tagħbija tiegħek fuq il-​Mulej, u hu jgħinek.” (Salm 55:​22, Authorized Version maqluba għall-​Malti minn Karm Żammit) Jekk li titkellem dwar is-​sentimenti tiegħek maʼ ħabib li jissimpatizza jistaʼ jgħin, kemm se jgħin ferm iktar jekk tiftaħ qalbek maʼ dak “Alla taʼ kull faraġ”!​—2 Korintin 1:​3.

M’huwiex li t-​talb sempliċement se jġegħilna nħossuna aħjar. ‘Dak li jismaʼ talbna’ jwiegħed li jagħti spirtu qaddis lill-​qaddejja tiegħu li jitolbu għalih sinċerament. (Salm 65:3; Luqa 11:13) U l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla jistaʼ jarmak bil-​‘kobor taʼ qawwa’ biex tgħix mil-​lum għal għada. (2 Korintin 4:7) Ftakar: Alla jistaʼ jgħin lill-​qaddejja leali tiegħu biex jissaportu kwalunkwe u kull problema li jistgħu jiffaċċjaw.

Waħda mara li tilfet lit-​tarbija tagħha fil-​mewt tiftakar kif il-​qawwa tat-​talb għenet lilha u lil żewġha waqt li kienu qegħdin isofru t-​telfa tagħhom. “Jekk konna nkunu d-​dar bil-​lejl u n-​niket sempliċement ikun sar insuperabbli, konna nitolbu flimkien b’leħen għoli,” hi tispjega. “L-​ewwel darba li kellna nagħmlu xi ħaġa mingħajrha​—l-​ewwel laqgħa tal-​kongregazzjoni li morna, l-​ewwel konvenzjoni li attendejna—​konna nitolbu għas-​saħħa. Meta konna nqumu fil-​għodu u r-​realtà taʼ dan kollu kienet tidher intollerabbli, konna nitolbu lil Jehovah biex jgħinna. Għal xi raġuni, tassew kienet tagħtini ferneżija x’ħin nidħol id-​dar waħdi. U għalhekk kull darba li ġejt id-​dar waħdi, kont sempliċement ngħid talba lil Jehovah biex jekk jogħġbu jgħinni ħalli nżomm il-​kalma.” Dik il-​mara leali b’mod sod u kif jixraq temmen li dak it-​talb għamel differenza. Int ukoll tistaʼ ssib li bi tweġiba għat-​talb persistenti tiegħek, ‘is-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommlok qalbek u moħħok sħaħ.’​—Filippin 4:​6, 7; Rumani 12:12.

L-għajnuna li jissupplixxi Alla tassew tagħmel differenza. L-​appostlu Kristjan Pawlu stqarr li Alla “jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna, biex aħna, . . . inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm.” Veru, l-​għajnuna divina ma teliminax l-​uġigħ, imma din tistaʼ tagħmilha iktar faċli biex tissaporti. Dak ma jfissirx li int m’intix se tibki iktar jew li se tinsa lill-​maħbub jew maħbuba tiegħek. Imma int tistaʼ tirkopra. U hekk kif tagħmel hekk, dak li tkun esperjenzajt jistaʼ jagħmlek iktar kapaċi tifhem lil u tissimpatizza maʼ li tgħin lil oħrajn ikampaw maʼ telfa simili.​—2 Korintin 1:4.

Mistoqsijiet Biex Tixtarr

  • Għala huwa importanti li tħalli lilek innifsek titnikket?

  • Kif tistaʼ tiżżvoga n-​niket tiegħek?

  • L-​Iskrittura kif tistaʼ tgħinek biex tittratta mas-​sentimenti taʼ ħtija u taʼ rabja tiegħek?

  • B’liema mod tistaʼ relazzjoni m’Alla tgħinek biex tkampa mal-​mewt taʼ xi ħadd maħbub?

  • X’inhuma xi suġġerimenti prattiċi biex tkampa man-​niket?

Xi Suġġerimenti Prattiċi

Strieħ fuq il-​ħbieb: Taħsibhiex darbtejn li tħalli lil oħrajn jgħinuk jekk joffru li jagħmlu dan u tassew ikollok bżonn taʼ xi ftit għajnuna. Ifhem li dan jistaʼ jkun il-​mod tagħhom biex juruk kif iħossuhom; forsi ma jafux x’jaqbdu jgħidulek.​—Proverbji 18:24.

Ħu ħsieb saħħtek: In-​niket jistaʼ jifnik, speċjalment fil-​bidu. Ġismek jeħtieġ mistrieħ suffiċjenti, eżerċizzju li jagħti s-​saħħa, u nutriment xieraq iktar minn qatt qabel. Vista minn żmien għal żmien għand it-​tabib tal-​familja tistaʼ tkun taʼ ġid.

Ipposponi deċiżjonijiet kbar: Jekk inhu possibbli, stenna almenu xi ftit taż-​żmien sakemm tkun qed taħseb iktar ċar qabel ma tiddeċiedi affarijiet bħal jekk tbigħx id-​dar tiegħek jew tibdilx l-​impjieg tiegħek. (Proverbji 21:5) Waħda armla ftakret li diversi jiem wara li miet ir-​raġel tagħha, qassmet ħafna mill-​affarijiet persunali tiegħu. Iktar tard, indunat li kienet tat oġġetti sentimentali li kienet tgħożż.

Kun paċenzjuż miegħek innifsek: In-​niket taʼ spiss idum iktar milli jirrealizzaw in-​nies inġenerali. Tfakkiriet taʼ kull sena tal-​maħbub (maħbuba) li jkun miet jistgħu jiftħu mill-​ġdid il-​ferita. Stampi, kanzunetti, jew saħansitra xi rwejjaħ speċjali jistgħu jqabbżulek id-​dmugħ. Studju xjentifiku wieħed dwar in-​niket spjega l-​proċess tan-​niket kif ġej: “L-​imnikket jistaʼ b’mod drammatiku u bil-​ħeffa jinbidel minn stat taʼ sentimenti għal ieħor, u evitar taʼ tfakkiriet dwar il-​mejjet u kkultivar apposta taʼ memorji jistgħu jsegwu lil xulxin għal xi perijodu taʼ żmien.” Żomm f’moħħok il-​wegħdi prezzjużi taʼ Jehovah.​—Filippin 4:​8, 9.

Qis iċ-​ċirkostanzi taʼ oħrajn: Ipprova kun paċenzjuż maʼ oħrajn. Irrealizza li huwa imbarazzanti għalihom. Billi ma jkunux jafu x’se jaqbdu jgħidu, jistgħu bla ħsieb jgħidu dak li mhux suppost jgħidu.​—Kolossin 3:​12, 13.

Oqgħod attent mill-​użu taʼ xi medikazzjoni jew alkoħol biex tkampa man-​niket tiegħek: Kwalunkwe serħan offrut mid-​drogi jew mill-​alkoħol jistaʼ jkun biss temporanju. Il-​medikazzjoni għandha tittieħed biss taħt is-​superviżjoni tat-​tabib. Imma oqgħod attent; ħafna mis-​sustanzi jġiegħluk tibqaʼ tiddependi fuqhom. Barra minn dan, dawn jistgħu jittardjaw il-​proċess tan-​niket. Wieħed patoloġista jwissi: “Wieħed irid jissaportiha t-​traġedja, isofriha u eventwalment jaċċettaha bħala fatt u jekk dan jiġi rritardjat bla bżonn billi [dak li jkun] jiġi stordut bid-​drogi jistaʼ jtawwal jew jgħawweġ il-​proċess.” Serħan dejjiemi se jiġi permezz taʼ meditazzjoni fuq l-​iskopijiet grandjużi taʼ Jehovah.​—Salm 1:2; 119:97.

Erġaʼ lura għal rutina regulari: Għandek imnejn li għall-​ewwel ikollok tisforza lilek innifsek biex tmur għax-​xogħol, biex tmur tixtri, jew biex tieħu ħsieb taʼ responsabbiltajiet oħrajn. Imma tistaʼ ssib li l-​istruttura tar-​rutina normali tiegħek se tagħmillek ħafna ġid. Żomm ruħek okkupat f’xogħlijiet Kristjani.​—Qabbel 1 Korintin 15:58.

Tibżax tħalli n-​niket akut ibatti: Forsi tidher xi ftit stramba li xi wħud imnikktin jibżgħu jħallu n-​niket profond tagħhom ibatti, billi jaħsbu li dan jistaʼ jindika li l-​imħabba tagħhom għall-​mejjet qiegħda tonqos. Dak sempliċement m’huwiex minnu. Li tħalli l-​uġigħ ibatti jagħmel post għal memorji għeżież li bla dubju se jibqgħu dejjem miegħek.​—Koħelet 3:​1, 4.

Tkunx anzjuż bla bżonn: Tistaʼ ssib lilek innifsek tinkwieta, ‘X’se jsir minni issa?’ Il-​Bibbja tagħti l-​parir biex ngħixu ġurnata b’ġurnata. “Li ngħix minn ġurnata għall-​oħra tassew jgħinni,” tispjega waħda armla. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Toqogħdux tħabblu raskom għall-​għada, għax il-​jum taʼ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu.”​—Mattew 6:​25-34.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja