LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 11 pp. 128-141
  • Żomm il-Paċi f’Darek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm il-Paċi f’Darek
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • JEKK ŻEWĠEK GĦANDU TWEMMIN DIFFERENTI
  • META L-MARA M’HIJIEX KRISTJANA PRATTIKANTI
  • IT-TAĦRIĠ TAT-TFAL
  • JEKK IR-RELIĠJON TIEGĦEK M’HIJIEX DIK TAL-ĠENITURI TIEGĦEK
  • L-ISFIDA TAʼ LI TKUN ĠENITUR TAR-RISPETT
  • QEGĦDIN IL-MIRI MATERJALI JIFIRDU LIL DAREK?
  • Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Nagħmlu Suċċess Mill-Ħajja Tal-Familja
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Żewġ Ċwievet Għal Żwieġ Dejjiemi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ħajja Tal-Familja Li Togħġob Lil Alla
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 11 pp. 128-141

KAPITLU ĦDAX

Żomm il-Paċi f’Darek

1. Liema huma xi affarijiet li jistgħu jikkaġunaw firdiet fil-familji?

HENJIN huma dawk li jappartjenu lil familji li fihom hemm imħabba, komprensjoni, u paċi. Nittamaw li tiegħek hija familja bħal din. Jisgħobbina ngħidu li hemm familji bla għadd li ma tixirqilhomx dik id-deskrizzjoni u li huma mifrudin għal xi raġuni jew oħra. X’inhu dak li jifred lill-familji? F’dan il-kapitlu se niddiskutu tliet affarijiet. F’xi familji, mhux il-membri kollha għandhom l-istess reliġjon. F’oħrajn, it-tfal jistgħu ma jkollhomx l-istess ġenituri bijoloġiċi. Jerġaʼ f’oħrajn, it-taqbida biex wieħed jaqlaʼ x’jiekol jew ix-xewqa għal iktar affarijiet materjali tidher li tifred lill-membri tal-familja. Madankollu, ċirkostanzi li jifirdu familja waħda jistgħu ma jeffettwawx lil oħra. X’inhu dak li jagħmel id-differenza?

2. Xi wħud fejn ifittxu għal gwida fil-ħajja tal-familja, imma x’inhu l-aqwa sors taʼ gwida bħal din?

2 L-opinjoni hija fattur wieħed. Jekk int sinċerament tipprova tifhem l-opinjoni tal-persuna l-oħra, għandek iktar probabbiltà li tagħraf kif iżżomm familja magħquda. It-tieni fattur huwa s-sors taʼ gwida tiegħek. Ħafna nies isegwu l-parir taʼ sħabhom fuq ix-xogħol, ġirien, ġurnalisti, jew gwidi umani oħrajn. Xi wħud, iżda, skoprew x’tgħid il-Kelma t’Alla dwar is-sitwazzjoni tagħhom, u mbagħad applikaw dak li saru jafu. Li tagħmel dan kif se jgħin lil familja biex iżżomm il-paċi fid-dar?—2 Timotju 3:16, 17.

JEKK ŻEWĠEK GĦANDU TWEMMIN DIFFERENTI

Ipprova ifhem l-opinjoni tal-persuna l-oħra

3. (a) X’inhu l-parir tal-Bibbja rigward li wieħed jiżżewweġ lil xi ħadd taʼ twemmin differenti? (b) Liema huma xi prinċipji bażiċi li japplikaw jekk wieħed mill-miżżewġin ikun kredent u l-parti l-oħra ma tkunx?

3 Il-Bibbja tagħtina parir qawwi biex ma niżżewġux lil xi ħadd bi twemmin reliġjuż differenti. (Dewteronomju 7:3, 4; 1 Korintin 7:39) Jistaʼ jkun, madankollu, li int tgħallimt il-verità mill-Bibbja wara ż-żwieġ tiegħek imma żewġek le. X’jiġri allura? M’għandniex xi ngħidu, il-wegħdi taż-żwieġ jibqgħu validi. (1 Korintin 7:10) Il-Bibbja tenfasizza l-permanenza tar-rabta taż-żwieġ u tinkuraġġixxi lil nies miżżewġin biex isolvu d-differenzi tagħhom minflok ma jaħarbu minnhom. (Efesin 5:28-31; Titu 2:4, 5) X’jiġri, iżda, jekk żewġek joġġezzjona b’mod qawwi għax int tipprattika r-reliġjon tal-Bibbja? Għandu mnejn jipprova jżommok milli tmur għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, jew jistaʼ jgħid li hu ma jridx li martu tmur minn dar għal dar, titkellem dwar ir-reliġjon. X’se tagħmel?

4. Mara b’liema mod tistaʼ turi empatija jekk żewġha mhux taʼ l-istess twemmin?

4 Staqsi lilek innifsek, ‘Żewġi għala jħossu hekk?’ (Proverbji 16:20, 23) Jekk ma jifhimx tassew x’qiegħda tagħmel, jistaʼ jinkwieta għalik. Jew jistaʼ jkun taħt pressjoni mill-qraba għaliex int m’għadekx tieħu sehem f’ċerti drawwiet li huma importanti għalihom. “Waħdi fid-dar, ħassejtni abbandunat,” qal raġel miżżewweġ. Dan ir-raġel ħass li martu kienet qiegħda tintrebaħ minn reliġjon. Madankollu l-kburija żammitu milli jammetti li kien qiegħed iħoss is-solitudni. Żewġek jistaʼ jkollu bżonn li jiġi assigurat li mħabbtek lejn Jehovah ma tfissirx li int issa tħobb lil żewġek inqas milli kont tagħmel qabel. Kun ċerta li tqattaʼ ħin miegħu.

5. Liema bilanċ irid jinżamm mill-mara li żewġha għandu twemmin differenti?

5 Madankollu, trid tiġi kkunsidrata xi ħaġa saħansitra iktar importanti jekk se tittratta mas-sitwazzjoni bil-għaqal. Il-Kelma t’Alla tħeġġeġ lil nisa miżżewġin: “Obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej.” (Kolossin 3:18) B’hekk, din twissina kontra spirtu taʼ indipendenza. Iżjed minn hekk, billi tgħid “kif għandu jkun fil-Mulej,” din l-iskrittura tindika li s-sottomissjoni lejn ir-raġel taʼ dik li tkun għandha tieħu inkonsiderazzjoni wkoll is-sottomissjoni lejn il-Mulej. Irid ikun hemm bilanċ.

6. Liema prinċipji għandha żżomm f’moħħha mara Kristjana miżżewġa?

6 Għal Kristjan, aspetti importanti tal-qima vera li ma jridux jiġu ttraskurati huma li jattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni u li jagħti xiehda lil oħrajn dwar it-twemmin tiegħu bbażat fuq il-Bibbja. (Rumani 10:9, 10, 14; Lhud 10:24, 25) X’kont tagħmel, allura, kieku xi ħadd ikkmandak direttament biex ma taqbilx maʼ ħtieġa speċifika t’Alla? L-appostli taʼ Ġesù Kristu ddikjaraw: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli ’il-bnedmin.” (Atti 5:29) L-eżempju tagħhom jipprovdi preċedent li jistaʼ jiġi applikat għal bosta sitwazzjonijiet fil-ħajja. Se tqanqlek l-imħabba lejn Jehovah biex tagħtih id-devozzjoni li tappartjeni lilu bi dritt? Fl-istess ħin, sejrin l-imħabba u r-rispett tiegħek lejn żewġek iġegħluk tipprova tagħmel dan b’tali mod li huwa aċċettabbli għalih?—Mattew 4:10; 1 Ġwann 5:3.

7. Mara Kristjana miżżewġa liema determinazzjoni jrid ikollha?

7 Ġesù nnota li dan ma kellux ikun dejjem possibbli. Hu wissa li minħabba oppożizzjoni lejn il-qima vera, membri kredenti taʼ xi familji kellhom iħossuhom maqtugħin, bħal li kieku sejf kien ġie bejnhom u bejn il-bqija tal-familja. (Mattew 10:34-36) Mara fil-Ġappun esperjenzatu dan. Kellha oppożizzjoni minn żewġha għal ħdax-il sena. Hu ttrattaha ħażin b’mod aħrax u spiss sakkarha barra. Imma pperseverat. Ħbieb fil-kongregazzjoni Kristjana għenuha. Hi talbet bla waqfien u ħadet ħafna inkuraġġiment mill-​1 Pietru 2:20. Din il-mara Kristjana kienet konvinta li jekk tibqaʼ soda, xi darba żewġha kien se jissieħeb magħha f’li jaqdi lil Jehovah. U hekk għamel.

8, 9. Mara kif għandha taġixxi biex ma tpoġġix ostakli bla bżonn quddiem żewġha?

8 Hemm ħafna affarijiet prattiċi li tistaʼ tagħmel biex teffettwa l-attitudni tal-parti l-oħra. Per eżempju, jekk żewġek joġġezzjona għar-reliġjon tiegħek, tagħtihx għalfejn ikollu biex igerger f’aspetti oħrajn. Żomm id-dar nadifa. Ħu ħsieb l-apparenza persunali tiegħek. Kun ġeneruża b’espressjonijiet taʼ mħabba u apprezzament. Minflok ma tikkritika, appoġġjah. Uri li int tqis lilu bħala l-kap. Tirritaljax jekk tħoss li sar nuqqas kontra tiegħek. (1 Pietru 2:21, 23) Ħalli lok għall-imperfezzjoni umana, u jekk tqum xi kwistjoni, umilment kun l-ewwel waħda li titlob skuża.—Efesin 4:26.

9 Tħallix il-fatt li tattendi għal-laqgħat ikun raġuni għala l-ikliet tiegħu jittardjaw. Tistaʼ wkoll tagħżel li tieħu sehem fil-ministeru Kristjan fil-ħin li żewġek ma jkunx id-dar. Huwa għaqli li mara Kristjana ma tippridkax lil żewġha jekk ma jkunx irid jismaʼ. Minflok, hi ssegwi l-parir taʼ l-appostlu Pietru: “Intom in-nisa oqogħdu għas-setgħa taʼ żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-kelma taʼ l-Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-kliem, imma bl-imġiba tan-nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom u bir-rispett.” (1 Pietru 3:1, 2) Nisa miżżewġin Kristjani jikkonċentraw fuq li juru iktar bis-sħiħ il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla.—Galatin 5:22, 23.

META L-MARA M’HIJIEX KRISTJANA PRATTIKANTI

10. Raġel kredent kif għandu jaġixxi maʼ martu jekk hi taʼ twemmin differenti?

10 X’jiġri jekk ir-raġel ikun il-Kristjan prattikanti u l-mara ma tkunx? Il-Bibbja tagħti direzzjoni għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Tgħid: “Jekk wieħed mill-aħwa għandu martu ma temminx, u li hi jogħġobha tgħammar miegħu, ma għandux iwarrabha.” (1 Korintin 7:12) Twissi wkoll lil irġiel miżżewġin: “Ħobbu n-nisa tagħkom.”—Kolossin 3:19.

11. Raġel kif jistaʼ juri dixxerniment u jeżerċita bit-tattika l-istat taʼ kap fuq martu jekk m’hijiex Kristjana prattikanti?

11 Jekk int ir-raġel taʼ mara li għandha twemmin differenti minn tiegħek, oqgħod attent speċjalment li turi rispett lejn martek u konsiderazzjoni għas-sentimenti tagħha. Bħala adulta, jistħoqqilha ċerta libertà biex tipprattika t-twemmin reliġjuż tagħha, saħansitra jekk int ma taqbilx miegħu. L-ewwel darba li tkellimha dwar il-fidi tiegħek, tistennihiex li se twarrab twemmin li ilha tħaddan għal żmien twil biex tagħżel xi ħaġa ġdida. Minflok ma tgħid bl-addoċċ li prattiċi li hi u l-familja tagħha għożżew għal żmien twil huma foloz, ipprova bil-paċenzja kollha rraġuna magħha mill-Iskrittura. Jistaʼ jkun li hi tħoss li qiegħda tiġi ttraskurata jekk int tiddedika ammont kbir taʼ ħin għall-attivitajiet tal-kongregazzjoni. Tistaʼ topponi l-isforzi tiegħek biex taqdi lil Jehovah, u madankollu l-messaġġ bażiku jistaʼ sempliċement ikun: “Għandi bżonn iktar mill-ħin tiegħek!” Kun paċenzjuż. Bil-konsiderazzjoni kollha mħabba tiegħek, maż-żmien tistaʼ tiġi mgħejjuna biex tħaddan il-qima vera.—Kolossin 3:12-14; 1 Pietru 3:8, 9.

IT-TAĦRIĠ TAT-TFAL

12. Saħansitra jekk raġel u martu għandhom twemmin differenti, kif għandhom jiġu applikati prinċipji Skritturali fit-taħriġ tat-tfal tagħhom?

12 F’dar li m’hijiex magħquda fil-qima, l-istruzzjoni reliġjuża tat-tfal kultant issir kwistjoni. Kif għandhom jiġu applikati l-prinċipji Skritturali? Il-Bibbja tgħabbi lill-missier bir-responsabbiltà primarja biex jistruwixxi lit-tfal, imma l-omm ukoll għandha rwol importanti xi twettaq. (Proverbji 1:8; qabbel Ġenesi 18:19; Dewteronomju 11:18, 19.) Saħansitra jekk ma jaċċettax l-istat taʼ kap taʼ Kristu, il-missier xorta waħda għadu l-kap tal-familja.

13, 14. Jekk ir-raġel ma jħallix lil martu tieħu t-tfal għal-laqgħat Kristjani jew tistudja magħhom, x’tistaʼ tagħmel hi?

13 Xi missirijiet mhux kredenti ma joġġezzjonawx jekk l-omm tistruwixxi lit-tfal f’affarijiet reliġjużi. Oħrajn joġġezzjonaw. X’jiġri jekk żewġek ma jippermettilekx li tieħu t-tfal għal-laqgħat tal-kongregazzjoni jew saħansitra jipprojbik milli tistudja l-Bibbja magħhom id-dar? Issa trid tibbilanċja għadd taʼ obbligi—l-obbligu tiegħek lejn Alla Jehovah, lejn ir-raġel bħala l-kap tiegħek, u lejn il-maħbubin uliedek. Kif tistaʼ tirrikonċiljahom dawn?

14 Ċertament li se titlob dwar il-kwistjoni. (Filippin 4:6, 7; 1 Ġwann 5:14) Imma finalment, int il-waħda li trid tiddeċiedi liema korsa se tieħu. Jekk tuża t-tattika, billi lil żewġek tagħmilhielu ċara li m’intix tisfida l-istat taʼ kap tiegħu, l-oppożizzjoni tiegħu tistaʼ eventwalment tonqos. Saħansitra jekk żewġek jipprojbik milli tieħu lit-tfal tiegħek għal-laqgħat jew milli jkollok studju formali tal-Bibbja magħhom, xorta waħda tistaʼ tgħallimhom. Permezz tal-konversazzjoni tiegħek taʼ kuljum u l-eżempju tajjeb tiegħek, ipprova daħħal f’moħħhom u f’qalbhom ċertu ammont taʼ mħabba lejn Jehovah, fidi fil-Kelma tiegħu, rispett lejn il-ġenituri—inkluż missierhom—tħassib bl-imħabba għal nies oħrajn, u apprezzament lejn xogħol kuxjenzjuż. Maż-żmien, il-missier għandu mnejn jinnota r-riżultati tajbin u jistaʼ japprezza l-valur taʼ l-isforzi tiegħek.—Proverbji 23:24.

15. X’inhi r-responsabbiltà taʼ missier kredent fl-edukazzjoni tat-tfal?

15 Jekk int raġel kredent u martek m’hijiex, allura trid terfaʼ fuq spallejk ir-responsabbiltà li trabbi lit-tfal tiegħek “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Waqt li tagħmel hekk, m’għandniex xi ngħidu, għandek tkun qalbek tajba, tħobb, u raġonevoli f’li tittratta maʼ martek.

JEKK IR-RELIĠJON TIEGĦEK M’HIJIEX DIK TAL-ĠENITURI TIEGĦEK

16, 17. It-tfal liema prinċipji tal-Bibbja jridu jiftakru jekk jaċċettaw twemmin differenti minn dak tal-ġenituri tagħhom?

16 M’għadhiex iktar xi ħaġa rari li saħansitra tfal żgħar iħaddnu ideat reliġjużi li huma differenti minn dawk tal-ġenituri tagħhom. Hekk għamilt int? Jekk inhu hekk, il-Bibbja għandha parir għalik.

17 Il-Kelma t’Alla tgħid: “Isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, dan hu s-sewwa. ‘Weġġah ’il missierek u ’l ommok.’” (Efesin 6:1, 2) Dan jinvolvi rispett bnin lejn il-ġenituri. Madankollu, waqt li l-ubbidjenza lejn il-ġenituri hija importanti, ma tridx tingħata mingħajr ma wieħed jikkunsidra lil dak Alla veru. Meta tifel jikber biżżejjed biex jibda jieħu xi deċiżjonijiet, iġorr miżura akbar taʼ responsabbiltà għal dak li jagħmel. Dan huwa veru mhux biss rigward il-liġi sekulari imma speċjalment dwar il-liġi divina. “Kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla,” tistqarr il-Bibbja.—Rumani 14:12.

18, 19. Jekk it-tfal għandhom reliġjon li hija differenti minn dik tal-ġenituri tagħhom, kif jistgħu huma jgħinu lill-ġenituri tagħhom biex jifhmu t-twemmin tagħhom aħjar?

18 Jekk it-twemmin tiegħek iġagħlek tagħmel bidliet f’ħajtek, ipprova ifhem kif jaħsbuha l-ġenituri tiegħek. Huma x’aktarx li se jieħdu gost jekk, bħala riżultat taʼ li titgħallem u tapplika t-tagħlim tal-Bibbja, int issir tirrispetta iktar, ubbidjenti iktar, diliġenti iktar f’dak li jirrikjedu minnek. Madankollu, jekk il-fidi ġdida tiegħek iġġagħlek ukoll tiċħad twemmin u drawwiet li huma jgħożżu personalment, jistgħu jħossu li int qiegħed tagħti bis-sieq lil wirt li huma fittxew li jagħtuk. Jistgħu wkoll jibżgħu għall-benesseri tiegħek jekk dak li qiegħed tagħmel m’huwiex popolari fil-komunità jew jekk dan idawwar l-attenzjoni tiegħek minn fuq miri li huma jħossu li jistgħu jgħinuk biex tistagħna materjalment. Il-kburija tistaʼ wkoll tkun ostaklu. Jistgħu jħossu li int, fil-fatt, qiegħed tgħid li int qiegħed fis-sewwa u huma qegħdin fl-iżball.

19 Malli jkun possibbli, għalhekk, ipprova rranġa biex il-ġenituri tiegħek jiltaqgħu maʼ xi wħud mill-anzjani jew Xhieda maturi oħrajn mill-kongregazzjoni lokali. Inkuraġġixxi lill-ġenituri tiegħek biex iżuru xi Sala tas-Saltna ħalli jisimgħu għalihom infushom dak li jiġi diskuss u jaraw b’għajnejhom liema xorta taʼ nies huma x-Xhieda taʼ Jehovah. Maż-żmien, l-attitudni tal-ġenituri tiegħek tistaʼ tirtab. Saħansitra meta l-ġenituri huma opposti b’mod inflessibbli, jeqirdu l-letteratura tal-Bibbja, u jipprojbixxu lit-tfal milli jattendu għal-laqgħat Kristjani, ġeneralment ikun hemm opportunitajiet biex taqra x’imkien ieħor, biex titkellem maʼ Kristjani sħabek, u biex tagħti xiehda lit-tfal u tgħin lil oħrajn informalment. Tistaʼ wkoll titlob lil Jehovah. Xi żgħażagħ ikollhom jistennew sakemm ikollhom l-età tagħhom biex jitilqu mid-dar qabel ma jkunu jistgħu jagħmlu iktar. Hi x’inhi s-sitwazzjoni fid-dar, madankollu, tinsiex ‘tweġġah lil missierek u lil ommok.’ Agħmel il-parti tiegħek biex tikkontribwixxi għall-paċi fid-dar. (Rumani 12:17, 18) Fuq kollox, fittex il-paċi m’Alla.

L-ISFIDA TAʼ LI TKUN ĠENITUR TAR-RISPETT

20. It-tfal liema sentimenti jistgħu jkollhom jekk missierhom jew ommhom huma ġenitur tar-rispett?

20 F’bosta djar is-sitwazzjoni li tippreżenta l-akbar sfida m’hijiex reliġjuża imma bijoloġika. Ħafna djar illum jinkludu tfal minn żwiġijiet preċedenti taʼ wieħed jew waħda mill-ġenituri jew tat-tnejn li huma. Ġo familja bħal din, it-tfal jistgħu jesperjenzaw għira u risentiment jew forsi konflitt taʼ lealtajiet. Bħala riżultat, għandhom mnejn jiċħdu l-isforzi sinċieri tal-ġenitur tar-rispett biex ikun missier tajjeb jew omm tajba. X’jistaʼ jgħin biex familja tar-rispett tirnexxi?

Kemm jekk int ġenitur naturali jew tar-rispett, strieħ fuq il-Bibbja għal gwida

21. Minkejja ċ-ċirkostanzi speċjali tagħhom, ġenituri tar-rispett għala għandhom jistrieħu fuq prinċipji li jinstabu fil-Bibbja għall-għajnuna?

21 Irrealizza li minkejja ċ-ċirkostanzi speċjali, prinċipji tal-Bibbja li jġibu suċċess fi djar oħrajn japplikaw hawnhekk ukoll. Li wieħed jinjora dawk il-prinċipji jistaʼ, għall-mument, jidher li jtaffi problema imma x’aktarx li se jwassal għal uġigħ taʼ qalb iktar tard. (Salm 127:1; Proverbji 29:15) Ikkultiva l-għerf u d-dixxerniment—l-għerf biex tapplika prinċipji divini b’benefiċċji fit-tul f’moħħok, u d-dixxerniment biex tidentifika għala membri tal-familja jgħidu u jagħmlu ċerti affarijiet. Għandek bżonn ukoll l-empatija.—Proverbji 16:21; 24:3; 1 Pietru 3:8.

22. It-tfal għala jistgħu jsibuha diffiċli biex jaċċettaw ġenitur tar-rispett?

22 Jekk int ġenitur tar-rispett, tistaʼ tiftakar li bħala ħabib tal-familja, kont forsi aċċettat mit-tfal. Imma meta sirt il-ġenitur tar-rispett tagħhom, l-attitudni tagħhom setgħet inbidlet. Billi jiftakru fil-ġenitur bijoloġiku li m’għadux jgħix magħhom, it-tfal għandhom mnejn ikunu qegħdin jissieltu maʼ konflitt taʼ lealtajiet, billi possibilment iħossu li int trid tisirqilhom l-affezzjoni li huma għandhom għall-ġenitur li mhux qiegħed hemm. Kultant, għandhom mnejn ifakkruk mingħajr ħajta fi lsienhom li int m’intix missierhom jew ommhom. Stqarrijiet bħal dawn iweġġgħu. Xorta waħda, “tħallix il-korla tikbes malajr f’qalbek.” (Koħelet 7:9) Id-dixxerniment u l-empatija huma meħtiġin sabiex tittratta maʼ l-emozzjonijiet tat-tfal.

23. Id-dixxiplina kif tistaʼ tiġi kkontrollata ġo familja bi tfal tar-rispett?

23 Dawk il-kwalitajiet huma kruċjali meta wieħed ikun qiegħed jamministra d-dixxiplina. Dixxiplina konsistenti hija vitali. (Proverbji 6:20; 13:1) U ladarba t-tfal m’humiex kollha l-istess, id-dixxiplina tistaʼ tkun differenti minn każ għall-ieħor. Xi ġenituri tar-rispett isibu li, taʼ l-inqas fil-bidu, jistaʼ jkun aħjar li l-ġenitur bijoloġiku jieħu f’idejh dan l-aspett taʼ l-istat taʼ ġenitur. Huwa essenzjali, iżda, li ż-żewġ ġenituri jaqblu fuq id-dixxiplina u jżommuha, billi ma jiffavorux lil iben naturali iktar milli lil tifel tar-rispett. (Proverbji 24:23) L-ubbidjenza hija importanti, imma jeħtieġ li tħalli l-wisaʼ għall-imperfezzjoni. Taqbiżx il-limitu meta tirreaġixxi. Iddixxiplina bl-imħabba.—Kolossin 3:21.

24. X’jistaʼ jgħin biex jiġu evitati problemi morali bejn membri tas-sess oppost ġo familja tar-rispett?

24 Diskussjonijiet fil-familja jistgħu jagħmlu ħafna biex jevitaw l-inkwiet. Dawn jistgħu jgħinu lill-familja biex tiffoka fuq il-kwistjonijiet l-iktar importanti fil-ħajja. (Qabbel Filippin 1:9-11.) Jistgħu wkoll jassistu lil kull wieħed biex jara kif hu jistaʼ jikkontribwixxi lejn li jinkisbu l-għanijiet tal-familja. Iżjed minn hekk, diskussjonijiet sinċieri tal-familja jistgħu jevitaw problemi morali. Il-bniet jeħtieġ li jifhmu kif għandhom jilbsu u jġibu ruħhom meta jkunu ħdejn missierhom tar-rispett u kwalunkwe ħu tar-rispett, u s-subjien għandhom bżonn il-pariri dwar kondotta xierqa lejn ommhom tar-rispett u kwalunkwe oħt tar-rispett.—1 Tessalonkin 4:3-8.

25. Liema kwalitajiet jistgħu jgħinu biex tinżamm il-paċi ġo familja tar-rispett?

25 F’li tilqaʼ l-isfida speċjali taʼ li tkun ġenitur tar-rispett, kun paċenzjuż. Trid iż-żmien biex tiżviluppa relazzjonijiet ġodda. Li tikseb l-imħabba u r-rispett taʼ tfal li magħhom m’għandek ebda rabta bijoloġika tistaʼ tkun biċċa xogħol formidabbli. Imma hija possibbli. Qalb għarfa u taʼ dehen, flimkien maʼ xewqa qawwija biex togħġob lil Jehovah, hija l-qofol għall-paċi ġo familja tar-rispett. (Proverbji 16:20) Kwalitajiet bħal dawn jistgħu wkoll jgħinuk biex tkampa maʼ sitwazzjonijiet oħrajn.

QEGĦDIN IL-MIRI MATERJALI JIFIRDU LIL DAREK?

26. B’liema modi jistgħu l-problemi u l-attitudnijiet rigward affarijiet materjali jifirdu familja?

26 Problemi u attitudnijiet rigward affarijiet materjali jistgħu jifirdu l-familji b’ħafna modi. B’sogħba, xi familji jiġu mfarrkin minn argumenti minħabba l-flus u x-xewqa biex ikunu sinjuri—jew taʼ l-inqas ftit iktar sinjuri. Firdiet jistgħu jiżviluppaw meta ż-żewġ imseħbin jaħdmu xogħol sekulari u jikkultivaw attitudni taʼ “dawn flusi, dawk flusek.” Saħansitra jekk l-argumenti jiġu evitati, meta ż-żewġ imseħbin jaħdmu jistgħu jsibu ruħhom bi skeda li ftit tħallilhom ħin għal xulxin. Xejra li qiegħda tikber fid-dinja hija li missirijiet jgħixu ’l bogħod mill-familji tagħhom għal perijodi twal—xhur jew saħansitra snin—sabiex jaqilgħu iktar flus milli qatt setgħu jaqilgħu d-dar. Dan jistaʼ jwassal għal problemi serji ferm.

27. Liema huma xi prinċipji li jistgħu jgħinu lil familja taħt pressjoni finanzjarja?

27 Ma jistgħu jiġu stabbiliti ebda regoli biex wieħed jittratta maʼ dawn is-sitwazzjonijiet, ladarba familji differenti jridu jittrattaw maʼ pressjonijiet u ħtiġijiet differenti. Xorta waħda, il-pariri tal-Bibbja jistgħu jgħinu. Per eżempju, Proverbji 13:10 (NW) jindika li sarâr bla bżonn jistaʼ kultant jiġi evitat permezz taʼ ‘konsultar flimkien.’ Dan jinvolvi mhux sempliċement li wieħed jistqarr l-ideat tiegħu stess imma li jfittex il-parir u jiskopri kif il-persuna l-oħra tħares lejn kwistjoni. Iżjed minn hekk, li jinħadem baġit realistiku jistaʼ jgħin biex jgħaqqad l-isforzi tal-familja. Kultant ikun neċessarju—forsi temporanjament—li ż-żewġ imseħbin jaħdmu barra mid-dar biex jieħdu ħsieb l-ispejjeż miżjudin, speċjalment meta jkun hemm it-tfal jew dipendenti oħrajn. Meta dan huwa l-każ, ir-raġel jistaʼ jassigura lil martu li hu xorta għandu l-ħin għaliha. Hu flimkien mat-tfal jistaʼ bl-imħabba jgħin fi ftit mix-xogħol li hi tistaʼ normalment tagħmel waħedha.—Filippin 2:1-4.

28. Liema tfakkiriet, jekk jiġu osservati, se jgħinu lil familja biex taħdem għall-unità?

28 Madankollu, żomm f’moħħok li waqt li l-flus huma bżonnjużi f’din is-sistema t’affarijiet, ma jġibux hena. Ċertament li ma jagħtux il-ħajja. (Koħelet 7:12) Tabilħaqq, enfasi żejda fuq affarijiet materjali tistaʼ tikkaġuna rovina spiritwali u morali. (1 Timotju 6:9-12) Kemm huwa aħjar li nfittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu, bl-assiguranza li jkollna l-barka tiegħu fuq l-isforzi tagħna biex niksbu n-neċessitajiet tal-ħajja! (Mattew 6:25-33; Lhud 13:5) Billi żżomm l-interessi spiritwali fuq quddiem u billi tiġri wara l-paċi l-ewwelnett m’Alla, tistaʼ ssib li darek, għalkemm forsi mifruda minħabba ċerti ċirkostanzi, se ssir waħda li hija verament magħquda bl-iktar modi importanti.

DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILL-MEMBRI TAL-FAMILJA BIEX IŻOMMU L-PAĊI FID-DAR?

Il-Kristjani jikkultivaw id-dixxerniment.—Proverbji 16:21; 24:3.

Li koppja juru mħabba u rispett fiż-żwieġ ma jiddependix milli jkunu taʼ l-istess reliġjon.—Efesin 5:23, 25.

Kristjan qatt ma se jikser il-liġi t’Alla apposta.—Atti 5:29.

Il-Kristjani jiġġeneraw il-paċi.—Rumani 12:18.

Tiħux għalik malajr.—Koħelet 7:9.

ŻWIĠIJIET XIERQA JĠIBU DINJITÀ U PAĊI

Fi żmienna ħafna rġiel u nisa jgħixu flimkien bħala raġel u mara miżżewġin mingħajr irbit legali. Din hija sitwazzjoni li kredent ġdid għandu mnejn ikollu jittratta magħha. F’xi każi l-unjoni tistaʼ tkun approvata mill-komunità jew mid-drawwa tat-tribù, imma m’hijiex legali. Il-livell tal-Bibbja, madankollu, jirrikjedi żwieġ irreġistrat b’mod xieraq. (Titu 3:1; Lhud 13:4) Għan-nies fil-kongregazzjoni Kristjana, il-Bibbja tistipula wkoll li jkun hemm biss raġel wieħed u mara waħda f’unjoni taʼ żwieġ. (1 Korintin 7:2; 1 Timotju 3:2, 12) L-ewwel pass biex ikollok il-paċi f’darek huwa li taqbel maʼ dan il-livell. (Salm 119:165) Il-ħtiġijiet taʼ Jehovah huma realistiċi u m’humiex tqal. Dak li jgħallimna huwa ddisinjat biex jibbenefikana.—Isaija 48:17, 18.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja