Lezzjoni Nru. 4
Min Hu X-Xitan?
Satana x-Xitan—minn fejn ġie? (1, 2)
Satana kif jiżvijahom lin-nies? (3-7)
Għala għandek tirreżisti lix-Xitan? (7)
1. Il-kelma “xitan” tfisser xi ħadd li jgħid gideb mill-agħar dwar persuna oħra. Il-kelma “satana” tfisser għadu jew wieħed li jopponi. Dawn huma termini mogħtijin lill-għadu ewlieni t’Alla. Għall-ewwel, hu kien anġlu perfett fis-sema m’Alla. Madankollu, iktar tard tkabbar bih innifsu u ried il-qima li bi dritt tappartjeni lil Alla.—Mattew 4:8-10.
2. Dan l-anġlu, Satana, kellem lil Eva permezz taʼ serp. Billi gidbilha, wassalha biex ma tobdix lil Alla. Satana b’hekk attakka lil dik li tissejjaħ is-“sovranità” t’Alla, jew il-pożizzjoni Tiegħu bħala l-Iktar Għoli. Satana qanqal dubju dwar jekk Alla jaħkimx bl-aħjar mod u fl-aħjar interessi tas-sudditi Tiegħu. Satana qanqal dubji wkoll dwar jekk xi bniedem qattx kien se jibqaʼ leali lejn Alla. Billi għamel dan, Satana għamel lilu nnifsu l-għadu t’Alla. Dak huwa għala sar jissejjaħ Satana x-Xitan.—Ġenesi 3:1-5; Ġob 1:8-11; Apokalissi 12:9.
3. Satana jipprova jqarraq bin-nies biex jaduraw lilu. (2 Korintin 11:3, 14) Mod wieħed kif jiżvija lin-nies huwa permezz tar-reliġjon falza. Jekk reliġjon tgħallem il-gideb dwar Alla, din fil-fatt isservi l-iskop taʼ Satana. (Ġwann 8:44) Nies li huma membri taʼ reliġjonijiet foloz jistgħu sinċerament jemmnu li qegħdin jaduraw lil dak Alla veru. Imma fil-fatt qegħdin jaqdu lil Satana. Hu “alla taʼ din id-dinja.”—2 Korintin 4:4.
4. L-ispiritiżmu huwa mod ieħor kif Satana jġib lin-nies taħt il-qawwa tiegħu. Huma jistgħu jsejħu lill-ispirti biex jipproteġuhom, biex jagħmlu d-deni lil ħaddieħor, biex ibassru l-futur, jew biex jagħmlu l-mirakli. Satana huwa l-forza mill-agħar wara dawn il-prattiċi kollha. Biex nogħġbu lil Alla, ma jrid ikollna x’naqsmu xejn maʼ l-ispiritiżmu.—Dewteronomju 18:10-12; Atti 19:18, 19.
5. Satana jiżvija lin-nies ukoll permezz taʼ modi estremi taʼ kburija tar-razza u l-qima lil organizzazzjonijiet politiċi. Xi wħud iħossu li l-ġens jew ir-razza tagħhom huma aqwa minn t’oħrajn. Imma dan mhux minnu. (Atti 10:34, 35) Nies oħrajn huma fiduċjużi li l-organizzazzjonijiet politiċi se jsolvu l-problemi tal-bniedem. Billi jagħmlu hekk, dawn qegħdin jiċħdu s-Saltna t’Alla. Din hija l-unika soluzzjoni għall-problemi tagħna.—Danjel 2:44.
6. Mod ieħor kif Satana jiżvija lin-nies huwa billi jħajjarhom b’xewqat midinbin. Jehovah jgħidilna biex nevitaw prattiċi midinbin għax jaf li se jagħmlulna l-ħsara. (Galatin 6:7, 8) Xi nies jistgħu jkunu jriduk tingħaqad magħhom fi prattiċi bħal dawn. Ftakar, iżda, li fil-fatt huwa Satana li jridek tagħmel dawn l-affarijiet.—1 Korintin 6:9, 10; 15:33.
7. Satana jistaʼ juża l-persekuzzjoni jew l-oppożizzjoni biex iġiegħlek titlaq lil Jehovah. Xi wħud mill-maħbubin tiegħek forsi jirrabjaw ħafna għax qiegħed tistudja l-Bibbja. Oħrajn forsi jirredikolawk. Imma ħajtek lil min tafha? Satana jrid ibeżżgħek biex tieqaf milli titgħallem dwar Jehovah. Tħallix lil Satana jirbaħ! (Mattew 10:34-39; 1 Pietru 5:8, 9) Billi tirreżisti lix-Xitan, tistaʼ tagħmel lil Jehovah ferħan u turi li int tappoġġja s-sovranità Tiegħu.—Proverbji 27:11.
[Stampi f’paġna 9]
Ir-reliġjon falza, l-ispiritiżmu, u n-nazzjonaliżmu jiżvijaw lin-nies
[Stampa f’paġna 9]
Irreżisti lil Satana billi tkompli titgħallem dwar Jehovah