L-Iktar Ktieb li Ġie Mqassam fid-Dinja
“Il-Bibbja hija l-iktar ktieb li nqara fl-istorja. . . . Iktar ġew imqassmin kopji tal-Bibbja milli taʼ kwalunkwe ktieb ieħor. Il-Bibbja ġiet tradotta wkoll iktar drabi, u f’iktar lingwi, minn kwalunkwe ktieb ieħor.”—“The World Book Encyclopedia.”1
F’XI ASPETTI, il-biċċa l-kbira tal-kotba huma bħan-nies. Dawn ifeġġu fuq ix-xena, għandhom mnejn jikbru fil-popolarità, u—ħlief għal xi erbaʼ kotba klassiċi—isiru antikwati u jmutu. Il-libreriji taʼ spiss iservu taʼ ċimiterji għal numru bla għadd taʼ kotba li jkun għadda żmienhom, m’għadhomx jinqraw u, fil-fatt, huma mejtin.
Il-Bibbja, madankollu, hija eċċezzjonali saħansitra fost xogħlijiet klassiċi. Għalkemm l-oriġini tal-kitbiet tagħha tmur lura 3,500 sena, din għadha mimlija ħajja. Hija bil-wisq il-ktieb li ġie ċċirkolat l-iktar fid-dinja.a Kull sena, jiġu mqassmin madwar 60 miljun kopja tal-Bibbja sħiħa jew partijiet minnha. L-ewwel edizzjoni stampata b’tipi taċ-ċomb ħarġet mill-istamperija taʼ l-inventur Ġermaniż Johannes Gutenberg madwar is-sena 1455. Minn dak in-nhar ’l hawn, huwa stmat li erbaʼ biljun Bibbja (sħiħa jew partijiet minnha) ġew stampati. Ebda ktieb ieħor, reliġjuż jew mhux, ma jersaq qrib din il-figura.
Il-Bibbja hija wkoll l-iktar ktieb fl-istorja li ġie tradott. Il-Bibbja sħiħa jew partijiet minnha ġew tradotti f’iktar minn 2,100 lingwa u djalett.b ’Il fuq minn 90 fil-mija tal-familja umana għandhom aċċess għal minn taʼ l-inqas parti mill-Bibbja bil-lingwa tagħhom stess.2 Dan il-ktieb b’hekk qasam fruntieri nazzjonali u għeleb ostakli razzjali u etniċi.
L-istatistiċi waħedhom jistgħu ma jipprovdulekx raġuni biżżejjed biex teżamina l-Bibbja. Minkejja dan, il-figuri dwar iċ-ċirkolazzjoni u t-traduzzjoni huma impressjonanti, billi jixhdu għall-attrazzjoni universali tal-Bibbja. Ċertament li l-iktar ktieb mibjugħ u tradott fl-istorja kollha tal-bniedem jistħoqqlu l-konsiderazzjoni tiegħek.
[Noti taʼ taħt]
a Hu maħsub li t-tieni l-iktar pubblikazzjoni li ġiet imqassma hija l-ktejjeb b’qoxra ħamra Quotations From the Works of Mao Tse-tung, li minnu huwa stmat li nbigħu jew tqassmu 800 miljun kopja.
b Statistiċi rigward in-numru taʼ lingwi huma bbażati fuq figuri ppubblikati mill-United Bible Societies.
[Stampa f’paġna 6]
Bibbja taʼ Gutenberg, bil-Latin, l-ewwel ktieb komplet stampat b’tipi taċ-ċomb