Tagħlim Veru li Jogħġob lil Alla
SABIEX l-abitanti taʼ l-art ikunu jafu liema tagħlim huwa veru u li jogħġob lil Alla, hemm bżonn li hu jikxef il-ħsibijiet tiegħu lill-bnedmin. Għandu wkoll jagħmel din ir-rivelazzjoni disponibbli għal kulħadd. Għax kieku l-bnedmin kif se jsiru jafu dak li japprova Alla rigward id-duttrina, il-qima, u l-kondotta? Tana Alla din l-informazzjoni? Jekk iva, b’liema mod?
Jistaʼ bniedem b’ħajja taʼ ftit għexur taʼ snin jikkomunika personalment maʼ l-umanità kollha u jaqdi bħala medjatur bejnna u bejn Alla? Le. Imma rekord permanenti bil-miktub jistaʼ. Għalhekk, ma jkunx xieraq li r-rivelazzjoni mingħand Alla tkun disponibbli f’forma taʼ ktieb? Wieħed mill-kotba tal-qedem li ħafna jemmnu li hu ispirat minn Alla huwa l-Bibbja. Wieħed mill-kittieba tagħha qal: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Ejja nħarsu iktar fil-viċin lejn il-Bibbja u naraw jekk hijiex is-sors tat-tagħlim veru.
Kemm Għandha Żmien?
Fost il-kotba prinċipali tar-reliġjon, il-Bibbja hija waħda mill-iktar antiki. L-ewwel kotba tagħha nkitbu 3,500 sena ilu. Dan il-ktieb tlesta fis-sena 98 E.K.a Għalkemm xi 40 raġel kitbuha matul perijodu taʼ 1,600 sena, il-Bibbja hija ġabra taʼ kitbiet li huma f’armonija flimkien. Dan huwa minnu għaliex l-Awtur veru tagħha hu Alla.
Il-Bibbja hija l-iktar ktieb mifrux u tradott fl-istorja kollha. Kull sena, jitqassmu xi 60 miljun kopja tal-Bibbja sħiħa jew porzjonijiet minnha. Il-Bibbja kompleta jew partijiet minnha ġew tradotti f’iktar minn 2,300 lingwa u djalett. Iktar minn 90 fil-mija mill-familja umana għandhom aċċess għall-Bibbja, jew għallinqas parti minnha, bil-lingwa tagħhom. Dan il-ktieb għeleb fruntieri nazzjonali, diviżjonijiet razzjali, u ostakli etniċi.
Kif Inhi Mqassma?
Jekk għandek Bibbja, għala ma tiftaħhiex u tara kif inhi mqassma?b L-ewwel, ħares lejn il-werrej. Il-maġġuranza tal-Bibbji għandhom wieħed fil-bidu. Fil-werrej ikun hemm lista tal-kotba u n-numru tal-paġna fejn jinsabu. Se tinnota li l-Bibbja hija kollezzjoni kbira taʼ kotba individwali, kull wieħed b’isem uniku. L-ewwel ktieb hu l-Ġenesi, u l-aħħar ir-Rivelazzjoni, jew l-Apokalissi. Il-kotba huma mqassmin f’żewġ sezzjonijiet. L-ewwel 39 ktieb huma msejħin l-Iskrittura Ebrajka, ladarba l-maġġuranza minnhom inkitbu bil-lingwa Ebrajka. L-aħħar 27 ktieb inkitbu bil-lingwa Griega u flimkien jagħmlu l-Iskrittura Griega. Xi wħud jirreferu għal dawn iż-żewġ sezzjonijiet bħala t-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.
Il-kotba tal-Bibbja għandhom kapitli u versi biex issibhom malajr. Meta tara skritturi ċitati f’din ir-rivista, wara l-isem tal-ktieb Bibliku, l-ewwel numru jindika l-kapitlu tal-ktieb u taʼ warajh jindika l-vers. Per eżempju, it-“2 Timotju 3:16” ifisser il-ktieb tat-Tieni Timotju, kapitlu 3, u l-vers 16. Ara jekk tistax issib dan il-vers fil-Bibbja.
Ma taqbilx li l-aħjar mod biex insiru familjari mal-Bibbja hu li naqrawha regolarment? Xi wħud sabuh t’għajnuna li jaqraw l-Iskrittura Griega l-ewwel, billi jibdew mill-ktieb taʼ Mattew. Jekk taqra tliet sa ħames kapitli kuljum, tistaʼ taqra l-Bibbja kollha kemm hi f’sena. Imma kif tistaʼ tkun ċert li dak li taqra fil-Bibbja hu fil-fatt imnebbaħ minn Alla?
Tistaʼ Tafdaha l-Bibbja?
Jekk hu ktieb ispirat minn Alla għan-nies kollha, m’għandux ikun fih pariri li ma jinbidlux maż-żmien dwar kif għandna ngħixu? Il-Bibbja tirrifletti fehma tan-natura umana li tapplika għal kull ġenerazzjoni taʼ l-umanità, u l-prinċipji tagħha huma prattiċi llum daqskemm kienu meta nkitbu. Dan jistaʼ jidher ċar f’taħdita famuża li ta Ġesù Kristu, il-Fundatur tal-Kristjanità. Hi mniżżla f’Mattew kapitlu 5 sa 7. Din it-taħdita, magħrufa bħala l-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, turina mhux biss dwar kif insibu ferħ veru imma wkoll dwar kif insolvu argumenti, kif nitolbu, kif inħarsu lejn il-bżonnijiet materjali, u ħafna iktar. F’din it-taħdita, u fil-paġni kollha tagħha, il-Bibbja tgħidilna b’mod ċar x’għandna nagħmlu u x’għandna nevitaw sabiex nogħġbu lil Alla u ntejbu s-sitwazzjoni tagħna fil-ħajja.
Raġuni oħra għala tistaʼ tpoġġi l-fiduċja tiegħek fil-Bibbja hija li meta din titkellem dwar kwistjonijiet xjentifiċi, dak li hemm miktub hu minnu. Per eżempju, fi żmien li l-maġġuranza min-nies kienu jemmnu li l-art kienet ċatta, il-Bibbja kienet titkellem dwar “ħnejjet [jew, l-isfera taʼ] l-art.”c (Isaija 40:22) U iktar minn 3,000 sena qabel ma x-xjenzat famuż Sir Isaac Newton spjega li l-pjaneti jinżammu fl-ispazju minħabba l-gravità, il-Bibbja bi stil poetiku qalet li “l-art imdendla fuq ix-xejn.” (Ġob 26:7) Ikkunsidra wkoll din id-deskrizzjoni poetika taċ-ċiklu taʼ l-ilma taʼ l-art, miktuba xi 3,000 sena ilu: “Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.” (Koħèlet 1:7) Iva, il-Ħallieq taʼ l-univers hu wkoll l-Awtur tal-Bibbja.
L-eżattezza storika tal-Bibbja taqbel mal-fatt li hi ispirata minn Alla. Ġrajjiet imsemmijin fil-Bibbja m’humiex sempliċement ħrejjef. Huma relatati maʼ dati, nies, u postijiet speċifiċi. Per eżempju, Luqa 3:1 b’eżattezza jirreferi għas-“sena ħmistax tar-renju taʼ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi kien ħakkiem tad-distrett tal-Galilija.”
Għalkemm kittieba taʼ l-istorja tal-qedem kważi dejjem irrapportaw biss ir-rebħiet u l-kwalitajiet tajbin tal-ħakkiema, il-kittieba tal-Bibbja kienu onesti, billi stqarrew bil-miftuħ id-dnubiet tagħhom stess. Per eżempju, is-Sultan David taʼ Iżrael stqarr: “Dnibt bil-kbir b’li għamilt. . . . tbellaht bil-bosta.” Din l-istqarrija onesta hija miktuba fil-Bibbja. (2 Samwel 24:10) U l-kittieb Bibliku Mosè nnifsu kiteb dwar l-inċident fejn hu ma weriex fidi fl-Alla l-veru.—Numri 20:12.
Il-Bibbja għandha prova oħra taʼ ispirazzjoni divina. Din il-prova hi l-profeziji mwettqin—l-istorja miktuba minn qabel. Xi wħud minn dawn huma profeziji rigward Ġesù Kristu. Per eżempju, iktar minn 700 sena qabel it-twelid taʼ Ġesù, l-Iskrittura Ebrajka b’eżattezza bassret li dan il-Wieħed Imwiegħed kien se jitwieled “f’Betlehem tal-Lhudija.”—Mattew 2:1-6; Mikea 5:2.
Ikkunsidra eżempju ieħor. Fit-2 Timotju 3:1-5, il-Bibbja tgħid: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.” Ma tiddeskrivix din l-attitudni tan-nies in ġenerali llum? Dan il-kliem inkiteb fis-sena 65 E.K., iktar minn 1,900 sena ilu!
X’Tgħallimna l-Bibbja?
Hekk kif taqra l-Bibbja, se tkun tistaʼ tara li hi sors t’għerf iktar għoli. Tipprovdi tweġibiet sodisfaċenti għal mistoqsijiet bħal: Min hu Alla? Huwa reali x-Xitan? Min hu Ġesù Kristu? Għala hawn is-sofferenza? X’jiġrilna meta mmutu? It-tweġibiet li għandek mnejn tismaʼ mingħand oħrajn huma varjati daqs it-tagħlim u d-drawwiet tan-nies li jagħtuhom. Imma l-Bibbja tikxef il-verità dwar dawn u ħafna suġġetti oħra. Iżjed minn hekk, fil-kwistjoni taʼ kondotta u attitudni lejn bnedmin oħra u awtoritajiet għoljin, l-aħjar gwida hija tal-Bibbja.d
Il-Bibbja x’tikxef dwar l-iskop t’Alla għall-art u l-umanità? Twiegħed: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:10, 11) “Alla stess ikun [maʼ l-umanità]. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Il-Bibbja tbassar ukoll li l-gwerer, il-kriminalità, il-vjolenza, u l-ħażen dalwaqt se jispiċċaw. Il-mard, ix-xjuħija, u l-mewt mhux se jibqgħu jeżistu. Ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna se ssir realtà. Xi prospetti mill-isbaħ! Kemm juri dan kollu l-imħabba t’Alla għall-bnedmin!
Int X’Se Tagħmel?
Il-Bibbja hija rigal meraviljuż mingħand il-Ħallieq. Kif għandek tirreaġixxi għal dan il-ktieb? Raġel li kellu sfond Ħindu kien jemmen li biex rivelazzjoni mingħand Alla tkun taʼ benefiċċju għall-umanità, trid tkun ilha mill-bidu taċ-ċivilizzazzjoni. X’ħin sar jaf li partijiet mill-Bibbja huma iktar antiki mill-iktar kitbiet antiki tal-Ħindu, il-Veda, hu ddeċieda li jaqra l-Bibbja u jeżamina dak li fiha.e Professur taʼ l-università fl-Istati Uniti wkoll ra l-bżonn li jaqra l-iktar ktieb imqassam madwar id-dinja qabel ma jifforma opinjoni dwaru.
Jekk taqra l-Bibbja u tapplika dak li tgħallem se tikseb barkiet kbar. Il-Bibbja tgħid: “Hieni l-bniedem li . . . fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar [“jaqra minn taħt l-ilsien,” NW] fil-liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”f (Salm 1:1-3) Il-fatt li tistudja u tirrifletti fuq dak li tgħid il-Bibbja se jġiblek il-ferħ għax tkun qed tissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħek. (Mattew 5:3) Il-Bibbja se turik kif tgħix ħajja produttiva u kif tkampa mal-problemi b’suċċess. Iva, “ħlas tajjeb għandu min iħarishom [il-liġijiet t’Alla mniżżlin fil-Bibbja].” (Salm 19:12 [19:11, NW]) Iżjed minn hekk, jekk tafda fil-wegħdi t’Alla se tikseb barkiet issa u se jkollok tama sabiħa għall-futur.
Il-Bibbja tħeġġiġna: “Bħal trabi tat-twelid, ifformaw xenqa għall-ħalib safi tal-kelma.” (1 Pietru 2:2) Tarbija tiddependi min-nutrimenti u tinsisti li tissodisfa dak il-bżonn. Bl-istess mod, aħna dipendenti mill-għarfien mingħand Alla. Għalhekk, ‘ifforma xenqa,’ jew xewqa qawwija, għall-Kelma tiegħu. Il-Bibbja hija ktieb taʼ tagħlim veru mingħand Alla. Agħmilha l-mira tiegħek li tistudjaha regolarment. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-komunità tiegħek huma lesti li jgħinuk tikseb l-aħjar mill-istudju tiegħek. Nistidnuk minn qalbna biex tikkuntattjahom, jew tistaʼ tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.
[Noti taʼ taħt]
a E.K. tfisser “Era Komuni,” spiss imsejjaħ A.D., għal Anno Domini, li tfisser “fis-sena tal-Mulej.” Q.E.K. tfisser “Qabel l-Era Komuni.”
b Jekk m’għandikx kopja persunali tal-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova minn qalbhom lesti li jagħtuk waħda.
c Il-kelma oriġinali tradotta “ħnejjet” f’Isaija 40:22 tistaʼ tinkiteb ukoll “sfera.” Ċerti traduzzjonijiet tal-Bibbja jgħidu, “id-dawra taʼ l-art” (Karm Żammit) u “d-dinja t-tonda.”—Moffatt.
d Dawn is-suġġetti huma diskussi fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
e Jingħad li l-iktar għanjiet antiki tal-Veda nkitbu kważi 3,000 sena ilu u għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm. P. K. Saratkumar, fil-ktieb tiegħu A History of India, qal: “Kien biss fir-rabaʼ seklu A.D. li l-Veda tniżżlet bil-miktub.”
f Ġeħova hu l-isem taʼ l-Alla tal-Bibbja. F’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja, bħalma hi l-verżjoni taʼ Karm Żammit, jinsab f’Salm 83:18.
[Stampa f’paġna 7]
‘Ifforma xenqa’ għall-Kelma t’Alla. Studja l-Bibbja regolarment
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
Ritratt taʼ NASA