LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pr sezzjoni 3 pp. 10-16
  • Sors Uniku taʼ Għerf Superjuri

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sors Uniku taʼ Għerf Superjuri
  • X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eqdem u l-​Iktar Ktieb Distribwit
  • Eżattezza Xjentifika
  • Eżattezza Storika
  • Konsistenza Ġewwinija u Onestà
  • L-​Iktar Fattur Distintiv Tagħha
  • Profeziji Mwettqin
  • Tagħti t-​Tweġiba
  • Tagħlim Veru li Jogħġob lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Jaqbel Dan il-​Ktieb max-​Xjenza?
    Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Veru Li L-Bibbja Ġejja Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Il-Ktieb li Jirrivela l-Għarfien Dwar Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
pr sezzjoni 3 pp. 10-16

Sezzjoni 3

Sors Uniku taʼ Għerf Superjuri

1, 2. Għala għandna neżaminawha l-​Bibbja?

1 Hija l-​Bibbja r-​rakkont bil-​miktub taʼ dak il-​għerf superjuri? Tistaʼ hi tagħtina t-​tweġibiet veri għall-​mistoqsijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-​iskop tal-​ħajja?

2 Hija ħaġa ċerta li l-​Bibbja jixirqilha li neżaminawha. Raġuni waħda hi peress li hi l-​iktar ktieb mhux tas-​soltu li qatt ġie miġbur flimkien, billi hu differenti ferm minn kull ktieb ieħor. Ikkunsidra dawn il-​fatti li ġejjin.

L-​Eqdem u l-​Iktar Ktieb Distribwit

3, 4. Kemm hi antika l-​Bibbja?

3 Il-​Bibbja hija l-​eqdem ktieb li qatt inkiteb, billi partijiet minnu nkitbu madwar 3,500 sena ilu. Hija bosta sekli eqdem minn kull ktieb ieħor li hu meqjus bħala sagru. L-​ewwel wieħed mis-​66 ktieb tagħha nkiteb madwar elf sena qabel Buddha u Konfuċju u xi elfejn sena qabel Mawmettu.

4 L-​istorja mniżżla bil-​miktub fil-​Bibbja tmur lura sal-​bidu tal-​familja umana u tispjega kif ġejna li nkunu hawn fuq l-​art. Teħodna saħansitra lura għaż-​żmien taʼ qabel ma nħalqu l-​bnedmin, billi tagħtina fatti dwar il-​formazzjoni tal-​art.

5. Kemm-il manuskritt antik tal-​Bibbja jeżisti, imqabbel maʼ kitbiet sekulari tal-​qedem?

5 Kotba relġjużi oħrajn, u dawk li m’humiex reliġjużi wkoll, għandhom biss ftit kopji tal-​manuskritti antiki tagħhom li għadhom jeżistu. Madwar 11,000 kopja tal-​Bibbja jew partijiet minnha miktubin bl-​idejn għadhom jeżistu bl-​Ebrajk u bil-​Grieg, u xi wħud minn dawn imorru lura sa data qrib taż-​żmien meta nkitbu oriġinalment. Dawn baqgħu jeżistu minkejja l-​attentati li saru kontra l-​Bibbja bl-​iktar ħruxija immaġinabbli.

6. Kemm ġiet iddistribwita l-​Bibbja?

6 Ukoll, il-​Bibbja hija bil-​wisq l-​iktar ktieb distribwit fl-​istorja. Tqassmu madwar tliet biljun Bibbja jew partijiet minnha f’madwar elfejn lingwa. Jintqal li 98 fil-​mija tal-​familja umana għandhom aċċess għall-​Bibbja fil-​lingwa tagħhom stess. Ebda ktieb ieħor ma joqrob lejn ċirkolazzjoni bħal dik.

7. X’jistaʼ jingħad dwar l-​eżattezza tal-​Bibbja?

7 Iktar minn hekk, l-​ebda ktieb antik ieħor ma jitqabbel mal-​Bibbja fl-​eżattezza. Ix-​xjenzati, il-​kittieba tal-​istorja, l-​arkeoloġisti, l-​istudjużi tal-​ġeografija, l-​esperti tal-​lingwi, u oħrajn kontinwament juru kemm huma veri r-​rakkonti tal-​Bibbja.

Eżattezza Xjentifika

8. Kemm hi eżatta l-​Bibbja f’materji tax-​xjenza?

8 Per eżempju, waqt li l-​Bibbja ma nkitbitx bħala ktieb taʼ studju fuq ix-​xjenza, hija fi qbil max-​xjenza vera meta tittratta materji xjentifiċi. Imma kotba oħrajn tal-​qedem li huma meqjusin bħala sagri fihom ħrejjef, ineżattezzi, u qerq sfaċċat f’dik li hija xjenza. Innota biss erbgħa mill-​ħafna eżempji tal-​eżattezza xjentifika tal-​Bibbja:

9, 10. Minflok ma rriflettiet il-​fehmiet mhux xjentifiċi taʼ żmienha, x’qalet il-​Bibbja dwar l-​appoġġ tal-​art?

9 Kif l-​art tinżamm fl-​ispazju. Fiż-​żminijiet tal-​qedem meta l-​Bibbja kienet qiegħda tinkiteb, kien hemm ħafna spekulazzjoni dwar kif l-​art kienet tinżamm fl-​ispazju. Xi wħud kienu jemmnu li l-​art kienet appoġġjata fuq dahar erbaʼ ljunfanti bil-​wieqfa fuq fekruna kbira tal-​baħar. Aristotile, filosfu Grieg u xjenzat tar-​rabaʼ seklu Q.E.K., għallem li l-​art qatt ma setgħet tiddendel fi spazju vojt. Minflok, hu għallem li l-​pjaneti kienu mwaħħlin mal-​wiċċ taʼ sferi solidi u trasparenti, b’kull sfera mkeffna ġo sfera oħra. Kien jissoponi li l-​art kienet fuq l-​isfera taʼ ġewwanett, u li fl-​isfera taʼ barranett kien hemm il-​kwiekeb.

10 Madankollu, minflok ma rriflettiet il-​fehmiet immaġinarji u mhux xjentifiċi taż-​żmien taʼ meta nkitbet, il-​Bibbja stqarret sempliċement (madwar is-​sena 1473 Q.E.K.): “ [Alla qiegħed] idendel l-​art fuq xejn.” (Ġob 26:7) Fl-​Ebrajk oriġinali, il-​kelma għal “xejn” kif inhi wżata hawn tfisser “l-​ebda ħaġa,” u din hi l-​unika darba li tidher fil-​Bibbja. L-​istampa li tippreżenta taʼ art imdawra bi spazju vojt hi rikonoxxuta mill-​istudjużi bħala viżjoni tal-​għaġeb għal żmienha. It-​Theological Wordbook of the Old Testament igħid: “Ġob 26:7 jagħti stampa li tolqtok tad-​dinja kif kienet magħrufa dak iż-​żmien bħala li mdendla fl-​ispazju, b’mod li jantiċipa l-​iskoperti xjentifiċi tal-​futur.”

11, 12. Il-​bnedmin meta bdew jifhmu l-​verità taʼ Ġob 26:7?

11 L-​istqarrija eżatta tal-​Bibbja nkitbet iktar minn 1,100 sena qabel Aristotile. Madankollu, il-​ħsibijiet taʼ Aristotile baqgħu jiġu mgħallmin bħala fatt għal madwar 2,000 sena wara mewtu! Sa fl-​aħħar, fl-​1687 E.K., Sir Isaac Newton ippubblika s-​sejbiet tiegħu li l-​art kienet miżmuma fl-​ispazju f’relazzjoni maʼ oġġetti oħrajn tas-​sema b’attrazzjoni lejn xulxin, jiġifieri, bil-​gravità. Imma dak kien kważi 3,200 sena wara li l-​Bibbja kienet stqarret b’sempliċità eleganti li l-​art hi mdendla “fuq xejn.”

12 Iva, kważi 3,500 sena ilu, il-​Bibbja nnotat b’mod korrett li l-​art ma għandha ebda appoġġ viżibbli, fatt li hu fi qbil mal-​liġijiet tal-​gravità u tal-​mozzjoni li l-​bniedem fehemhom fi żminijiet iktar riċenti. “Kif Ġob setaʼ jkun jaf il-​verità,” qal wieħed studjuż, “hija mistoqsija li mhix faċli li jsolvuha dawk li jiċħdu l-​ispirazzjoni tal-​Iskrittura Mqaddsa.”

13. In-​nies kif kienu jqisuha l-​għamla tal-​art sekli ilu, u x’biddlilhom ħsiebhom?

13 Il-​għamla tal-​art. The Encyclopedia Americana qalet: “L-​immaġini magħrufa l-​iktar bikrija li l-​bnedmin kellhom tal-​art kienet taʼ pjattaforma ċatta u riġida fiċ-​ċentru tal-​univers. . . . Il-​kunċett taʼ art sferika ma kienx aċċettat ferm sa Żmien ir-​Rinaxximent.” Xi navigaturi bikrin kienu saħansitra jibżgħu li forsi jbaħħru sat-​tarf tal-​art ċatta. Imma mbagħad l-​introduzzjoni tal-​kumpass u avanzi oħrajn għamluha possibbli li jsiru vjaġġi iktar fit-​tul fl-​oċeani. Dawn “il-​vjaġġi taʼ skoperta,” tispjega enċiklopedija oħra, “juru li d-​dinja kienet tonda, mhux ċatta bħalma kienu emmnu ħafna nies.”

14. Il-​Bibbja kif iddeskrivietha l-​għamla tal-​art, u meta?

14 Madankollu, ferm qabel vjaġġi bħal dawn, madwar 2,700 sena ilu, il-​Bibbja qalet: “Hemm Wieħed li qiegħed igħammar ’il fuq miċ-​ċirku tal-​art.” (Isaija 40:22) Il-​kelma Ebrajka hawn tradotta “ċirku” tistaʼ tfisser ukoll “sfera,” bħalma jinnotaw diversi xogħlijiet taʼ referenza. Traduzzjonijiet oħrajn tal-​Bibbja, għalhekk, igħidu, “il-​globu tal-​art” (Douay Version) u, “l-​art tonda.”​—Moffatt.

15. Il-​Bibbja għala ma kinetx influwenzata minn fehmiet mhux xjentifiċi dwar l-​art?

15 B’hekk, il-​Bibbja ma kinetx influwenzata mill-​fehmiet mhux xjentifiċi li kienu prevalenti f’dak iż-​żmien rigward l-​appoġġ tal-​art u l-​għamla tagħha. Ir-​raġuni hi sempliċi: L-​Awtur tal-​Bibbja hu l-​Awtur tal-​univers. Hu ħalaq l-​art, u għalhekk għandu jkun jaf kif inhi mdendla u x’inhi l-​għamla tagħha. Għalhekk, meta nebbaħ il-​Bibbja, hu ra li l-​ebda fehmiet mhux xjentifiċi ma kellhom ikunu inkorporati fiha, kienu kemm kienu jemmnu fihom nies oħrajn f’dak iż-​żmien.

16. Il-​kompożizzjoni tal-​affarijiet ħajjin kif taqbel mal-​istqarrija tal-​Bibbja?

16 Il-​kompożizzjoni t’affarijiet ħajjin. “Alla Jehovah issokta jsawwar lir-​raġel mit-​trab tal-​art,” jistqarr Ġenesi 2:7. The World Book Encyclopedia tgħid: “L-​elementi kimiċi kollha li minnhom huma magħmulin l-​affarijiet ħajjin jinsabu wkoll f’materja bla ħajja.” Mela l-​kimiċi bażiċi kollha li minnhom huma magħmulin l-​organiżmi ħajjin, inkluż il-​bniedem, jinstabu wkoll fl-​art infisha. Dan hu fi qbil mal-​istqarrija tal-​Bibbja li tidentifika l-​materjal li Alla uża biex joħloq lill-​bnedmin u lill-​affarijiet ħajjin l-​oħrajn kollha.

17. X’inhi l-​verità rigward kif l-​affarijiet ħajjin ġew fl-​eżistenza?

17 “Skond ix-​xorta tagħhom.” Il-​Bibbja tistqarr li Alla ħalaq lill-​ewwel koppja umana u li l-​bnedmin l-​oħrajn kollha huma dixxendenti tagħhom. (Ġenesi 1:​26-28; 30:2) Tgħid li affarijiet ħajjin oħrajn, bħalma huma l-​ħut, il-​għasafar, u l-​mammali, għamlu l-​istess, billi ħarġu “skond ix-​xorta tagħhom.” (Ġenesi 1:​11, 12, 21, 24, 25) Dan hu sewwa sew dak li x-​xjenzati sabu fil-​ħolqien naturali, li kull ħaġa ħajja ġejja minn ġenitur tal-​istess xorta. M’hemm ebda eċċezzjoni. F’dan ir-​rigward il-​fiżiċista Raymo osserva: “Il-​ħajja tagħmel il-​ħajja; dan jiġri l-​ħin kollu f’kull ċellola. Imma dak li hu bla ħajja kif għamel il-​ħajja? Hija waħda mill-​akbar mistoqsijiet li m’humiex imweġbin fil-​bijoloġija, u s’issa il-​bijoloġisti jistgħu joffru biss spekulazzjonijiet bl-​addoċċ. B’xi mod il-​materja bla ħajja rnexxielha torganizza lilha nfisha b’mod ħaj. . . . L-​awtur tal-​Ġenesi forsi kellu raġun, wara kollox.”

Eżattezza Storika

18. X’igħid wieħed avukat dwar l-​eżattezza storika tal-​Bibbja?

18 Il-​Bibbja fiha l-​iktar kitba storika antika eżatta fi kwalunkwe ktieb li jeżisti. Il-​ktieb A Lawyer Examines the Bible jenfasizza l-​eżattezza storika tagħha b’dan il-​mod: “Fil-​waqt li r-​rumanzi, il-​leġġendi u kull xiehda falza joqogħdu attenti biex ipoġġu l-​grajjiet f’xi post imbiegħed u f’xi żmien indefinit, b’mod li b’hekk jiksru l-​ewwel regoli li nitgħallmu aħna l-​avukati għal preżentazzjoni tajba fil-​qorti, li ‘d-​dikjarazzjoni trid tagħti l-​ħin u l-​post,’ in-​narrattiva tal-​Bibbja tagħtina d-​data u l-​post tal-​affarijiet relatati bl-​akbar preċiżjoni.”

19. Sors wieħed taʼ referenza x’jikkummenta fuq id-​dettalji storiċi tal-​Bibbja?

19 The New Bible Dictionary jikkummenta: “ [Il-kittieb tal-​Atti] jifrex ir-​rakkont tiegħu fil-​qafas tal-​istorja kontemporanja; il-​paġni tiegħu mimlijin referenzi għal maġistrati tal-​belt, gvernaturi provinċjali, slaten subordinati, u wħud hekk, u dawn ir-​referenzi darba wara l-​oħra juru li huma sewwa sew preċiż skond il-​post u l-​ħin li għandu x’jaqsam.”

20, 21. X’igħid wieħed studjuż tal-​Bibbja dwar ir-​rakkont storiku tal-​Bibbja?

20 Waqt li jikteb f’The Union Bible Companion, S. Austin Allibone jgħid: “Sir Isaac Newton . . . kien ukoll eminenti bħala kritiku tal-​kitbiet antiki, u eżamina b’reqqa kbira l-​Iskrittura Mqaddsa. X’inhu l-​verdett tiegħu dwar dan il-​punt? ‘Insib,’ huwa qal, ‘iktar marki żguri taʼ awtentiċità fit-​Testment il-​Ġdid minn kull kitba storika [sekulari] hi x’inhi.’ Dr. Johnson igħid li għandna iktar evidenza li Ġesù Kristu miet fuq il-​Kalvarju, kif inhu mistqarr fil-​Vanġeli, milli għandna li Ġulju Ċesri miet fil-​Kapitolju. Għandna, tabilħaqq, ferm iktar.”

21 Dan is-​sors iżid: “Staqsi lil kulmin igħid li jiddubita l-​verità tal-​kitba storika tal-​Vanġelu liema raġuni għandu hu għala jemmen li Ċesri miet fil-​Kapitolju, jew li l-​Imperatur Karlumanju kien inkurunat Imperatur tal-​Punent mill-​Papa Ljun III. fis-​sena 800? . . . Kif taf int li bniedem bħal Karlu I. [tal-​Ingilterra] qatt għex, u qatgħulu rasu, u li Oliver Cromwell sar il-​ħakkiem minfloku? . . . Sir Isaac Newton jingħad li skopra l-​liġi tal-​gravità . . . Aħna nemmnu dawn l-​asserzjonijiet li għadna kif għamilna dwar dawn l-​irġiel; u dan għaliex għandna evidenza storika tal-​verità tagħhom. . . . Jekk, wara li jinġiebu dawn il-​provi, xi ħadd xorta ma jemminx, aħna nwarrbuh jew bħala wieħed stupidu pervers jew bħala wieħed injorant bla tama.”

22. Xi wħud għala jirrifjutaw li jaċċettaw l-​awtentiċità tal-​Bibbja?

22 Imbagħad dan is-​sors jikkonkludi: “X’se ngħidu, allura, dwar dawk li, minkejja l-​evidenza abbundanti li hemm issa dwar l-​awtentiċità tal-​Iskrittura Mqaddsa, igħidu li m’humiex konvinti? . . . Żgur li rridu nikkonkludu li hija l-​qalb iktar milli r-​ras li qiegħda fl-​iżball;​—li ma jixtiqux jemmnu dak li jumilja l-​kburija tagħhom, u li se jġigħelhom igħixu ħajjiet differenti.”

Konsistenza Ġewwinija u Onestà

23, 24. Il-​konsistenza interna tal-​Bibbja għala tant mhix tas-​soltu?

23 Immaġina li ktieb beda jinkiteb matul żmien l-​Imperu Ruman, kompla jinkiteb matul il-​Medjuevu, u ġie komplut f’dan is-​seklu 20, b’ħafna kittieba differenti li taw sehemhom. Liema riżultati kont tistenna jekk il-​kittieba kienu tant differenti f’xogħolhom bħala suldati, slaten, qassisin, sajjieda, ragħajja, u tobba? Kont int tistenna li l-​ktieb ikun konsistenti u li jiftiehem? ‘Ma tantx!’ forsi tgħid. Sewwa, il-​Bibbja nkitbet taħt dawn iċ-​ċirkostanzi. Madankollu, hija konsistenti mill-​bidu sal-​aħħar, mhux biss fil-​kunċett sħiħ imma wkoll f’kull dettall żgħir ferm.

24 Il-​Bibbja hija ġabra taʼ 66 ktieb miktubin fuq medda taʼ 1,600 sena minn xi 40 kittieb differenti, li bdew fl-​1513 Q.E.K. u spiċċaw fis-​sena 98 E.K. Il-​kittieba ġew minn sfondi differenti tal-​ħajja, u ħafna minnhom ma kellhom ebda kuntatt bejniethom. Madankollu, il-​ktieb li ħareġ huwa wieħed li jsegwi tema ċentrali u li tiftiehem mill-​bidu sal-​aħħar, bħal qisu magħmul minn moħħ wieħed. U kuntrarju għat-​twemmin taʼ xi wħud, il-​Bibbja mhix xi prodott taċ-​ċivilizzazzjoni tal-​Punent, imma nkitbet minn nies Orjentali.

25. L-​onestà tal-​Bibbja li ma ħbiet xejn tagħti appoġġ lil liema stqarrija tal-​kittieba tal-​Bibbja?

25 Fil-​waqt li l-​maġġoranza tal-​kittieba tal-​qedem irrapportaw biss is-​suċċessi u l-​kwalitajiet sbieħ tagħhom, il-​kittieba tal-​Bibbja ammettew l-​iżbalji tagħhom stess, kif ukoll in-​nuqqasijiet tas-​slaten u tal-​mexxejja tagħhom. Numri 20:​1-13 u Dewteronomju 32:​50-52 iniżżlu bil-​miktub in-​nuqqasijiet taʼ Mosè, u kien hu li kiteb dawk il-​kotba. Ġona 1:​1-3 u 4:1 jagħtu lista tan-​nuqqasijiet taʼ Ġona, li kiteb dawk ir-​rakkonti. Mattew 17:​18-20; 18:​1-6; 20:​20-28; u 26:56 iniżżlu bil-​​miktub il-​kwalitajiet miżeri li wrew id-​​dixxipli taʼ Ġesù. B’hekk, l-​onestà tal-​kittieba tal-​Bibbja li ma ħbew xejn tagħti appoġġ lill-​istqarrija tagħhom li kienu mnebbħin minn Alla.

L-​Iktar Fattur Distintiv Tagħha

26, 27. Il-​Bibbja għala hi tant eżatta f’materji xjentifiċi u f’materji oħrajn?

26 Il-​Bibbja nfisha tirrivela għala hi tant eżatta xjentifikament, storikament, u f’materji oħrajn u għala hi tant konsistenti u onesta. Turi li l-​Esseri Suprem, dak Alla li jistaʼ kollox, il-​Ħallieq li kien l-​awtur tal-​univers, hu l-​Awtur tal-​Bibbja. Hu sempliċement uża lil kittieba umani tal-​Bibbja bħala dawk li jmexxu l-​pinna, billi qanqalhom permezz tal-​forza attiva u setgħana tiegħu biex iniżżlu dak li hu nebbaħhom biex jiktbu.

27 Fil-​Bibbja l-​​appostlu Pawlu jistqarr: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-​tagħlim, għat-​twiddib, biex tiddritta l-​affarijiet, biex tiddixxiplina fit-​tjieba, biex il-​bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, imgħammar bis-​sħiħ għal kull xogħol tajjeb.” U l-​appostlu Pawlu qal ukoll: “Meta rċevejtu l-​kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, aċċettajtuha, mhux bħala l-​kelma taʼ bnedmin, imma, sewwa sew bħalma verament hi, bħala l-​​kelma t’Alla.”​—2 Timotew 3:​16, 17; 1 Tessalonkin 2:13.

28. Minfejn, allura, tiġi l-​Bibbja?

28 B’hekk, il-​Bibbja ġejja minn moħħ taʼ Awtur wieħed​—Alla. U bil-​qawwa tal-​għaġeb tiegħu, kienet ħaġa sempliċi għalih li jagħmel ċert li l-​​integrità taʼ dak li nkiteb tiġi ppreservata sal-​​ġurnata tal-​lum. Dwar dan, wieħed li hu awtorità ewlenija fuq il-​manuskritti tal-​Bibbja, Sir Frederic Kenyon, fl-​1940, qal: “L-​aħħar bażi għal xi dubju li l-​Iskrittura ġiet għandna sostanzjalment kif inkitbet issa ġie mneħħi.”

29. L-​abbiltà t’Alla li jikkomunika kif tistaʼ tingħata stampa tagħha?

29 Il-​bnedmin għandhom l-​abbiltà li jibagħtu messaġġi bir-​radju u bit-​televiżjoni lejn l-​art minn eluf taʼ mili fl-​ispazju, saħansitra mill-​qamar. Spedizzjonijiet fl-​ispazju bagħtu lejn l-​art informazzjoni fiżika u stampi minn pjaneti li qegħdin mijiet taʼ miljuni taʼ mili ’l bogħod. Żgur li l-​Ħallieq tal-​bniedem, il-​Ħallieq tal-​frekwenzi tar-​radju, jistaʼ tal-​anqas jagħmel daqshom. Tabilħaqq, kienet ħaġa sempliċi għalih li juża l-​qawwa tiegħu li tistaʼ kollox biex jittrażmetti kliem u stampi fl-​imħuħ taʼ dawk li lilhom għażel biex jagħmlu l-​kitba tal-​Bibbja.

30. Irid Alla li l-​bnedmin isibu x’inhu l-​iskop tiegħu għalihom?

30 Iktar minn hekk, hemm ħafna affarijiet dwar l-​art u l-​ħajja fuqha li jixhdu l-​interess t’Alla fil-​bniedem. Għalhekk, wieħed jistaʼ jifhem li hu jkun irid li jgħin lill-​bnedmin isibu min hu u x’inhu l-​iskop tiegħu għalihom billi jesprimi dawn l-​affarijiet b’mod ċar fi ktieb​—dokument permanenti.

31. Messaġġ imnebbaħ li hu mniżżel bil-​miktub għala hu ferm iktar superjuri minn informazzjoni mgħoddija mingħand wieħed għal għand l-​ieħor bil-​fomm?

31 Ikkunsidra, ukoll, is-​superjorità taʼ ktieb li l-​awtur tiegħu hu Alla, meta tqabblu maʼ informazzjoni mgħoddija mill-​bnedmin mingħand wieħed għal għand l-​ieħor bil-​fomm biss. Il-​kelma bil-​fomm ma tantx tistaʼ toqgħod fuqha, għax in-​nies igħidu l-​messaġġ fi kliemhom u, fuq perijodu taʼ żmien, it-​tifsira tiegħu tiġi mċajpra. Huma jwasslu l-​messaġġ bil-​fomm skond kif ikunu fehmuh huma. Imma rakkont imnebbaħ minn Alla u mniżżel bil-​miktub b’mod permanenti għandu ferm inqas ċans li jkun fih l-​iżbalji. Ukoll, ktieb jistaʼ jiġi riprodott u tradott sabiex dawk li jaqraw b’lingwi differenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu. Mela m’huwiex raġonevoli li l-​Ħallieq tagħna uża mezz bħal dan biex jipprovdi l-​informazzjoni? Tabilħaqq, huwa ferm iktar minn raġonevoli, ladarba l-​Ħallieq igħid li hekk għamel.

Profeziji Mwettqin

32-34. X’għandha l-​Bibbja li l-​ebda ktieb ieħor ma għandu?

32 Jerġaʼ, il-​Bibbja għandha l-​marka taʼ ispirazzjoni divina b’mod li jispikka unikament: Hija ktieb taʼ profeziji li kellhom u għadhom qegħdin ikollhom twettieq li ma jiżżbaljax.

33 Per eżempju, il-​qerda taʼ Tir tal-​qedem, il-​waqgħa taʼ Babilonja, il-​bini mill-​ġdid taʼ Ġerusalemm, u l-​qawmien u l-​waqgħa tas-​slaten tal-​Medo-Persja u tal-​Greċja kienu mbassrin minn qabel b’dettall kbir fil-​Bibbja. Tant kienu eżatti l-​profeziji li xi kritiċi pprovaw, għalxejn, igħidu li dawn inkitbu wara li seħħew il-​ġrajjiet.​—Isaija 13:​17-19; 44:27–45:1; Eżekjel 26:​3-6; Danjel 8:​1-7, 20-22.

34 Il-​profeziji li Ġesù ta dwar il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. seħħew b’mod eżatt. (Luqa 19:​41-44; 21:​20, 21) U l-​profeziji dwar “l-​aħħar jiem” imgħotijin minn Ġesù u l-​appostlu Pawlu qegħdin jitwettqu bid-​dettall fi żmienna stess.​—2 Timotew 3:​1-5, 13; Mattew 24; Mark 13; Luqa 21.

35. Il-​profeziji tal-​Bibbja għala jistgħu jiġu biss mingħand il-​Ħallieq?

35 L-​ebda moħħ uman, hu kemm hu intelliġenti, ma setaʼ jbassar bil-​quddiem ġrajjiet futuri b’mod daqshekk eżatt. Dan jistaʼ jagħmlu biss il-​moħħ tal-​Ħallieq tal-​univers li għandu l-​qawwa kollha u l-​għerf kollu, bħalma naqraw fit-​2 Pietru 1:​20, 21: “Ebda profezija tal-​Iskrittura ma toħroġ minn xi interpretazzjoni privata. Għax il-​profezija f’ebda żmien ma nġiebet bir-​rieda tal-​bniedem, imma bnedmin tkellmu minn Alla waqt li kienu mqanqlin mill-​ispirtu qaddis.”

Tagħti t-​Tweġiba

36. Il-​Bibbja x’tgħidilna?

36 Għalhekk, b’ħafna modi, il-​Bibbja għandha l-​evidenza li hi l-​Kelma mnebbħa tal-​Esseri Suprem. Bħala talija, tgħidilna għala l-​bnedmin qegħdin fuq l-​art, għala hawn tant sofferenza, fejn sejrin, u kif il-​kundizzjonijiet se jinbidlu għall-​aħjar. Tirrivelalna li hemm Alla suprem li ħalaq lill-​bniedem u lil din l-​art bi skop u li l-​iskop tiegħu se jseħħ. (Isaija 14:24) Il-​Bibbja tirrivelalna wkoll liema hi r-​reliġjon il-​vera u kif nistgħu nsibuha. B’hekk, hija l-​uniku sors taʼ għerf superjuri li jistaʼ jgħidilna l-​verità dwar il-​mistoqsijiet importanti kollha tal-​ħajja.​—Salm 146:3; Proverbji 3:5; Isaija 2:​2-4.

37. X’irridu nistaqsu dwar il-​Kristjaneżmu?

37 Fil-​waqt li hemm provi abbundanti tal-​awtentiċità u tal-​verità tal-​Bibbja, isegwu t-​tagħlim tagħha dawk kollha li jgħidu li jaċċettawha? Ikkunsidra, per eżempju, il-​ġnus li jistqarru li jipprattikaw il-​Kristjanità, jiġifieri, il-​Kristjaneżmu. Dawk kellhom aċċess għall-​Bibbja għal bosta sekli. Imma l-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħhom verament jirriflettu l-​għerf superjuri t’Alla?

[Stampi f’paġna 11]

Sir Isaac Newton kien jemmen li l-​art kienet miżmuma fl-​ispazju f’relazzjoni maʼ oġġetti oħrajn fis-​sema permezz tal-​gravità

L-​istampa li l-​Bibbja tippreżenta taʼ art imdawra bi spazju vojt hi rikonoxxuta mill-​istudjużi bħala viżjoni tal-​għaġeb għal żmienha

[Stampa f’paġna 12]

Xi navigaturi bikrin saħansitra beżgħu jbaħħru sax-​xifer tal-​art ċatta

[Stampa f’paġna 13]

Hemm iktar evidenzi li Ġesù Kristu eżista milli hemm li għexu Ġulju Ċesri, l-​Imperatur Karlumanju, Oliver Cromwell, jew il-​Papa Ljun III

[Stampa f’paġna 15]

It-​twettieq tal-​profeziji li Ġesù ta dwar il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. hemm prova tiegħu fl-​Arkata taʼ Titus f’Ruma

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja