LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pe kap. 5 pp. 47-56
  • Veru Li L-Bibbja Ġejja Minn Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Veru Li L-Bibbja Ġejja Minn Alla?
  • Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • EBDA KTIEB IEĦOR BĦALL-​BIBBJA
  • KIF INKITBET IL-​BIBBJA
  • KIF IL-​BIBBJA ĠIET DISPONIBBLI GĦAL KULĦADD
  • ĠIET MIBDULA L-​BIBBJA?
  • HIJA L-​BIBBJA TASSEW VERA?
  • Dwar Xiex Inhi l-Bibbja?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Tagħlim Veru li Jogħġob lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ġeħova, l-Alla li jikkomunika
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Għala hawn ħafna Bibbji?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
Ara Iżjed
Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
pe kap. 5 pp. 47-56

Kapitlu 5

Veru Li L-​Bibbja Ġejja Minn Alla?

1. Għala huwa raġonevoli li temmen li Alla jagħtina tagħrif dwaru nnifsu?

TANA Alla Jehovah xi tagħrif fuqu nnifsu? Qalilna x’għamel u x’għad irid jagħmel? Missier li jħobb lil uliedu jgħidilhom ħafna affarijiet. U minn dak li rajna, Jehovah hu tassew missier taʼ mħabba.

2. (a) Liema huwa mod mill-​aħjar għal Jehovah biex jgħidilna dwaru nnifsu? (b) X’mistoqsijiet iqajjem dan?

2 Kif setaʼ Jehovah jagħti tagħrif lill-​bnedmin li jkunu qegħdin jgħixu f’ħafna nħawi taʼ l-​art u fi żminijiet differenti? Mod mill-​aħjar ikun li jkollu ktieb miktub u mbagħad jara li dan ikun disponibbli għal kulħadd. Hija l-​Bibbja Ktieb bħal dan mingħand Alla? Kif nistgħu nkunu nafu?

EBDA KTIEB IEĦOR BĦALL-​BIBBJA

3. Liema huwa mod wieħed li juri li l-​Bibbja hija ktieb eċċezzjonali?

3 Jekk il-​Bibbja tassew ġejja minn Alla, għandna nistennew li tkun l-​iktar ktieb prominenti li qatt inkiteb. Hija hekk? Iva, u għal ħafna raġunijiet. L-​ewwelnett, hija antika ħafna; int m’intix se tistenna li l-​Kelma t’Alla għall-​bnedmin kollha tkun miktuba ftit taʼ żmien ilu, hux tassew? Bdiet tinkiteb xi 3,500 sena ilu bil-​lingwa Ebrajka. Imbagħad, fuq 2,200 sena ilu, bdiet tiġi tradotta f’lingwi oħrajn. Illum kważi kulħadd fuq l-​art jistaʼ jaqra l-​Bibbja bil-​lingwa tiegħu stess.

4. In-numru taʼ Bibbji li jiġu stampati kif jipparaguna maʼ dak taʼ kotba oħrajn?

4 Ukoll, ebda ktieb ieħor ma jħabbatha mal-​Bibbja fin-​numru taʼ kopji li saru. Ktieb jistaʼ jissejjaħ “best seller” meta biss eluf taʼ kopji jiġu stampati. Madankollu kull sena ħafna miljuni taʼ Bibbji jiġu stampati. U matul is-​sekli eluf taʼ miljuni saru! Bil-​kemm tistaʼ ssib post fuq l-​art, imwarrab kemm ikun imwarrab, fejn ma tistax issib xi Bibbja. M’huwiex dan li tistenna minn ktieb li veru ġej minn Alla?

5. Liema sforzi saru biex tinqered il-​Bibbja?

5 Dak li jagħmel lil dan it-​tqassim kbir tal-​Bibbja saħansitra iktar jispikka huwa l-​fatt li xi għedewwa pprovaw jeqirduha. Imma m’għandniex aħna nistennew li ktieb mingħand Alla kellu jiġi attakkat minn aġenti tax-​Xitan? Dan ġara. Ħruq taʼ Bibbji darba kien komuni, u dawk li kienu jinqabdu jaqraw il-​Bibbja taʼ spiss kienu jiġu kkastigati bil-​mewt.

6. (a) Liema mistoqsijiet importanti twieġeb il-​Bibbja? (b) Il-​kittieba tal-​Bibbja minfejn isostnu li rċevew it-​tagħrif tagħhom?

6 Int kieku tistenna li ktieb mingħand Alla jiddiskuti kwistjonijiet importanti li aħna lkoll għandna nkunu rridu nafuhom. ‘Mnejn ġiet il-​​ħajja?’ ‘Għala qegħdin hawnhekk?’ ‘X’se jġib il-​futur?’ huma xi mistoqsijiet li dan iwieġeb. U b’mod ċar jgħid li t-​tagħrif li fih ġej minn Alla Jehovah. Kittieb tal-​Bibbja qal: “L-​ispirtu taʼ Jehovah kien li tkellem permezz tiegħi, u l-​kelma tiegħu kienet fuq ilsieni.” (2 Samwel 23:2) Ieħor kiteb: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Timotew 3:16) Ladarba l-​Bibbja tistqarr definittivament li hija l-​Kelma t’Alla, ma jkunx għaqli li teżaminaha biex tara hijiex hekk?

KIF INKITBET IL-​BIBBJA

7. (a) Min kiteb il-​Bibbja? (b) Kif, allura, jistaʼ jingħad li hija l-​Kelma t’Alla?

7 ‘Madankollu kif tistaʼ l-​Bibbja tkun mingħand Alla meta ġiet miktuba mill-​bnedmin?’ tistaʼ tistaqsi int. Veru, madwar 40 raġel ħadu sehem f’li jiktbu l-​Bibbja. Dawn l-​irġiel attwalment kitbu l-​Bibbja minbarra l-​Għaxar Kmandamenti, li nkitbu personalment minn Alla fuq twavel tal-​ġebel bl-​azzjoni diretta taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. (Eżodu 31:18) Madankollu, dan ma jfissirx li dak li kitbu ma kienx il-​Kelma t’Alla. Il-​Bibbja tispjega: “Bnedmin tkellmu minn Alla waqt li kienu mqanqlin mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Iva, bħalma Alla uża l-​ispirtu qaddis u qawwi tiegħu biex joħloq is-​smewwiet, l-​art u l-​ħlejjaq kollha, użah ukoll biex jidderieġi l-​kitba tal-​Bibbja.

8, 9. X’eżempji llum jistgħu jgħinuna nifhmu kif Alla ġiegħel li tinkiteb il-​Bibbja?

8 Dan ifisser li l-​Bibbja għandha biss awtur wieħed, Alla Jehovah. Hu uża rġiel biex jiktbu t-​tagħrif li tahom, bl-​istess mod bħalma negozjant juża segretarja biex jikteb ittra. Is-​segretarja tiktibha l-​ittra, imma l-​ittra fiha l-​ħsibijiet u l-​ideat tan-​negozjant. Mela hija l-​ittra tiegħu, mhux tas-​segretarja, saħansitra bħalma l-​Bibbja hija l-​Ktieb t’Alla, mhux il-​ktieb taʼ l-​irġiel li ntużaw biex jiktbuh.

9 Ladarba Alla ħalaq il-​moħħ, hu żgur li ma sabhiex bi tqila biex jikkuntattja maʼ l-​imħuħ tal-​qaddejja tiegħu sabiex jipprovdilhom it-​tagħrif li kellhom jiktbu. Saħansitra llum wieħed jistaʼ jpoġġi bil-​qiegħda f’daru u jirċievi messaġġi minn xi post ’il bogħod permezz tar-​radju jew tat-​televixin. L-​ilħna u l-​istampi jivvjaġġaw għal distanzi twal permezz tal-​liġijiet fiżiċi li Alla ħalaq. Huwa, għalhekk, faċli biex tifhem li Jehovah, mill-​post imbiegħed tiegħu fis-​smewwiet, setaʼ jidderieġi lil xi rġiel biex jiktbu t-​tagħrif li hu ried li l-​familja umana tkun taf.

10. (a) Kemm kotba jifformaw il-​Bibbja, u matul liema perijodu taʼ żmien inkitbu? (b) Liema tema prinċipali nsibu mill-​bidu sa l-​aħħar tal-​Bibbja?

10 Ir-riżultat kien Ktieb meraviljuż. Fil-​fatt, il-​Bibbja hija fformata minn 66 kotba ċkejknin. Il-​kelma Griega biblia, li minnha ġejja l-​kelma “Bibbja,” tfisser “kotba ċkejknin.” Dawn il-​kotba, jew ittri, inkitbu matul perijodu t’1,600 sena, mill-​1513 Q.E.K. sat-​98 E.K. Madankollu, peress li għandhom Awtur wieħed biss, dawn il-​kotba kollha tal-​Bibbja huma fi qbil bejniethom. L-​istess tema tinsab mill-​bidu sa l-​aħħar, jiġifieri, li Alla Jehovah se jġib lura kundizzjonijiet taʼ tjieba permezz tas-​saltna tiegħu. L-​ewwel ktieb, Ġenesi, jgħid dwar kif ġenna ntilfet minħabba rvell kontra Alla, u l-​aħħar ktieb, Rivelazzjoni, jiddeskrivi kif l-​art se terġaʼ tintgħamel ġenna permezz tal-​ħakma t’Alla.​—Ġenesi 3:​19, 23; Rivelazzjoni 12:10; 21:​3, 4.

11. (a) Liema lingwi ntużaw biex inkitbet il-​Bibbja? (b) F’liema żewġ partijiet prinċipali hija maqsuma l-​Bibbja, imma liema ħaġa turi l-​unità tagħhom?

11 L-ewwel 39 ktieb tal-​Bibbja nkitbu prinċipalment bil-​lingwa Ebrajka, u partijiet żgħar ferm bl-​Aramajk. L-​aħħar 27 ktieb inkitbu bil-​Grieg, il-​lingwa komuni tan-​nies taż-​żmien meta Ġesù u s-​segwaċi Kristjani tiegħu kienu fuq l-​art. Dawn iż-​żewġ partijiet prinċipali tal-​Bibbja huma msejħin kif jixraq l-​“Iskrittura Ebrajka” u l-​“Iskrittura Griega.” Biex turi kemm huma fi qbil bejniethom, l-​Iskrittura Griega tikkwota iktar minn 365 darba mill-​Iskrittura Ebrajka, u tagħmel madwar 375 referenza oħra għaliha.

KIF IL-​BIBBJA ĠIET DISPONIBBLI GĦAL KULĦADD

12. Jehovah għala ġiegħel li jsiru kopji tal-​Bibbja?

12 Kieku l-​kitbiet oriġinali biss kienu disponibbli, kif setaʼ kulħadd jaqra l-​Kelma t’Alla? Ma setgħux. Mela Jehovah irranġa biex isiru kopji tal-​kitbiet oriġinali bl-​Ebrajk. (Dewteronomju 17:18) Ir-​raġel Eżra, per eżempju, hu msejjaħ “wieħed li kkopja b’sengħa l-​liġi taʼ Mosè, li Jehovah dak Alla taʼ Iżrael kien ta.” (Eżra 7:6) Ukoll, saru ħafna eluf taʼ kopji taʼ l-​Iskrittura Griega.

13. (a) X’kien meħtieġ biex il-​biċċa l-​kbira tan-​nies setgħu jaqraw il-​Bibbja? (b) Meta saret l-​ewwel traduzzjoni tal-​Bibbja?

13 Taqra int bl-​Ebrajk jew bil-​Grieg? Jekk le, ma tistax taqra l-​kopji bikrin tal-​Bibbja li nkitbu bl-​id u li xi wħud minnhom għadhom jeżistu. Għalhekk, biex int tkun tistaʼ taqra l-​Bibbja, xi ħadd kellu jpoġġi l-​kliem f’lingwa li int taf. Dan l-​ittradottar minn lingwa għal oħra għamilha possibbli biex iktar nies jaqraw il-​Kelma t’Alla. Per eżempju, madwar 300 sena qabel Ġesù għex fuq l-​art, il-​Grieg sar il-​lingwa li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies bdew jitkellmu. Mela l-​Iskrittura Ebrajka nqalbet għall-​Grieg, b’seħħ mis-​sena 280 Q.E.K. Din it-​traduzzjoni bikrija kienet imsejħa s-​“Settwaġinta.”

14. (a) Xi mexxejja reliġjużi għala ġġieldu biex iżommu l-​Bibbja milli tiġi tradotta? (b) Liema ħaġa turi li dawn tilfu l-​ġlieda?

14 Iktar tard, il-​Latin sar il-​lingwa komuni taʼ ħafna nies, u għalhekk il-​Bibbja ġiet tradotta għal-​Latin. Imma, mal-​mogħdija tas-​sekli, inqas u inqas nies kienu jitkellmu l-​Latin. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies kienu jitkellmu lingwi oħrajn, bħalma huma l-​Għarbi, il-​Franċiż, l-​Ispanjol, il-​Portugiż, it-​Taljan, il-​Ġermaniż u l-​Ingliż. Għal xi żmien il-​mexxejja reliġjużi Kattoliċi ġġieldu biex iżommu l-​Bibbja milli titpoġġa fil-​lingwa tan-​nies komuni. Saħansitra ħarqu maʼ xi arblu lil nies li kellhom il-​Bibbja fil-​pussess tagħhom. Dan għamluh għax il-​Bibbja kienet tikxef it-​tagħlim falz u l-​prattiċi ħżiena tagħhom. Imma, maż-​żmien, dawn il-​mexxejja reliġjużi tilfu l-​ġlieda, u l-​Bibbja bdiet issir f’ħafna lingwi u bdiet titqassam f’għadd kbir. Illum il-​Bibbja tistaʼ tinqara, kollha jew parti minnha, f’iktar minn 1,700 lingwa!

15. Għala huwa tajjeb li jkollok traduzzjonijiet ġodda tal-​Bibbja?

15 Mal-mogħdija tas-​snin, ħafna traduzzjonijiet differenti tal-​Bibbja bdew isiru fl-​istess lingwa. Per eżempju, bl-​Ingliż biss hemm traduzzjonijiet tal-​Bibbja bit-​tużżani. Għala? Waħda m’hijiex biżżejjed? Sewwa, matul iż-​żmien lingwa titbiddel ħafna. Mela kieku kellek tqabbel traduzzjonijiet antiki tal-​​Bibbja m’oħrajn riċenti, tinnota li hemm xi bidliet fil-​lingwa. Fil-​waqt li huma kważi dejjem jagħtu l-​istess ħsieb, tinnota li t-​traduzzjonijiet stampati fi snin iktar riċenti huma ġeneralment eħfef biex tifhimhom. Mela nistgħu nkunu grati għal traduzzjonijiet ġodda tal-​Bibbja, ladarba jpoġġu l-​Kelma t’Alla fil-​lingwa komuni u faċli biex tifhimha tal-​ġurnata.

ĠIET MIBDULA L-​BIBBJA?

16. Xi nies għala jemmnu li l-​Bibbja ġiet mibdula?

16 Imma tistaʼ tistaqsi: ‘Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​Bibbji tagħna llum għandhom l-​istess tagħrif li l-​kittieba tal-​Bibbja rċevew mingħand Alla?’ Bl-​ikkopjar tal-​Bibbja għal darba wara l-​oħra matul mijiet u saħansitra eluf taʼ snin, ma daħlux xi żbalji? Iva, imma dawn l-​iżbalji nstabu u ġew ikkorreġuti fit-​traduzzjonijiet moderni tal-​Bibbja. Illum it-​tagħrif huwa l-​istess bħalma Alla pprovdieh lil dawk li kitbuh fil-​bidu. Xi prova hemm taʼ dan?

17. Liema xiehda hemm li l-​Bibbja ma tbiddlitx?

17 Sewwa, bejn l-​1947 u l-​1955 instabu dawk li huma magħrufin bħala r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet. Dawn ir-​rombli qodma jinkludu kopji taʼ kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Imorru lura 100 jew 200 sena qabel twieled Ġesù. Wieħed mir-​rombli huwa kopja tal-​ktieb taʼ Isaija. Qabel instab dan, l-​iktar kopja qadima tal-​ktieb taʼ Isaija disponibbli bl-​Ebrajk kienet waħda li kienet saret kważi 1,000 sena wara li twieled Ġesù. Meta ġew imqabblin dawn iż-​żewġ kopji taʼ Isaija, kien hemm biss differenzi żgħar ħafna fihom, li fil-​parti l-​kbira kienu varjazzjonijiet żgħar fil-​mod kif wieħed jispelli! Dan ifisser li f’iktar minn 1,000 sena taʼ kkopjar ma kienet saret l-​ebda bidla sostanzjali!

18. (a) Kif ġew ikkorreġuti xi żbalji tal-​kopjisti? (b) X’jistaʼ jingħad dwar l-​eżattezza taʼ l-​Iskrittura Griega?

18 Hemm iktar minn 1,700 kopja antiki tal-​partijiet differenti taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Billi dawn il-​​ħafna kopji antiki ferm jiġu mqabblin bir-​reqqa, saħansitra l-​ftit żbalji li saru minn dawk li kkopjaw jistgħu jinstabu u jiġu kkorreġuti. Ukoll, hemm eluf taʼ kopji antiki ħafna taʼ l-​Iskrittura Griega, li ftit minnhom imorru lura kważi sa żmien Ġesù u l-​appostli tiegħu. B’hekk, bħalma qal Sir Frederic Kenyon: “L-​aħħar bażi għal xi dubju li l-​Iskrittura ġiet għandna sostanzjalment bħalma nkitbet issa ġie mneħħi.”​—The Bible and Archaeology, paġni 288, 289.

19. (a) Liema huwa eżempju wieħed t’attentat biex iżidu mal-​Bibbja? (b) L-​ewwel Ġwann 5:7 bħalma jidher f’ċerti verżjonijiet tal-​Bibbja għala m’hemmx postu fil-​Bibbja?

19 Dan ma jfissirx li ma sarux attentati biex ibiddlu l-​Kelma t’Alla. Kien hemm. Eżempju taʼ min jinnotah huwa 1 Ġwann 5:7. Fil-​King James Version taʼ l-​1611 dan jinqara: “Għax tlieta huma dawk li jixhdu fis-​smewwiet, il-​Missier, il-​Kelma u l-​Ispirtu s-​Santu: u dawn it-​tlieta huma wieħed.” Madankollu dawn il-​kelmiet ma jidhru fl-​ebda waħda mill-​kopji bikrin ferm tal-​Bibbja. Ġew miżjudin minn xi ħadd li kien qiegħed jipprova jappoġġja t-​tagħlim tat-​Trinità. Ladarba huwa ċar li dawn il-​kelmiet m’humiex tassew parti mill-​Kelma t’Alla, saru korrezzjonijiet u l-​kelmiet ma jidhrux f’Bibbji iktar riċenti.

20. Għala nistgħu nkunu żguri li l-​Bibbja nżammet fi stat safi?

20 Mela min jgħid li l-​Bibbja ma fihiex l-​istess tagħrif bħal meta nkitbet fil-​bidu sempliċement ma jafx il-​fatti. Alla Jehovah ħa ħsieb li l-​Kelma tiegħu tiġi mħarsa mhux biss minn xi żbalji taʼ dawk li kkopjaw imma wkoll minn xi attentati t’oħrajn biex iżidu magħha. Il-​Bibbja nfisha fiha l-​wegħda t’Alla li l-​Kelma tiegħu tinżamm fi stat pur għalina llum.​—Salm 12:​6, 7; Danjel 12:4; 1 Pietru 1:​24, 25; Rivelazzjoni 22:​18, 19.

HIJA L-​BIBBJA TASSEW VERA?

21. Ġesù kif kien iqisha l-​Kelma t’Alla?

21 Ġesù Kristu qal f’talba ’l Alla: “Kelmtek hija verità.” (Ġwann 17:17) Imma l-​fatti jappoġġjawh dan? Meta neżaminaw il-​Bibbja bir-​reqqa, insibu li tassew hija l-​verità? Studenti taʼ l-​istorja li studjaw il-​Bibbja taʼ spiss jistagħġbu bl-​eżattezza tagħha. Il-​Bibbja fiha ismijiet u dettalji speċifiċi li jistgħu jkunu kkonfermati. Ikkunsidra xi eżempji.

22-25. Liema huma xi ftit eżempji li juru li l-​Bibbja fiha storja vera?

22 Ħares lejn l-​istampi u l-​​kitba fuq dan il-​ħajt tat-​ tempju f’Karnak, l-​Eġittu. Jitkellmu dwar ir-​​rebħa, kważi 3,000 sena ilu, tal-​Farawni Xixak fuq is-​saltna taʼ Ġuda matul il-​​ħakma taʼ bin Salamun, Reħoboam. Il-​​Bibbja titkellem dwar l-​​istess ġrajja.​—1 Slaten 14:​25, 26.

23 Ħares ukoll lejn il-​Ġebla Moabita. Wieħed jistaʼ jara l-​oriġinal fil-​Mużew Louvre ġo Pariġi, Franza. Il-​kitba titkellem dwar l-​irvell tas-​Sultan Mexa taʼ Moab kontra Iżrael. Din il-​ġrajja hija wkoll irrapportata fil-​Bibbja.​—2 Slaten 1:1; 3:​4-27.

24 L-Għadira taʼ Siloam u d-​daħla taʼ mina għall-​ilma twila 1,749 pied (533 metru) f’Ġerusalemm jidhru hawnhekk fil-​lemin estrem. Ħafna viżitaturi taʼ żmienna li marru f’Ġerusalemm imxew fl-​ilma taʼ din il-​mina. L-​eżistenza tagħha hija prova oħra li l-​Bibbja hija vera. Dan kif? Għaliex il-​Bibbja tispjega li s-​Sultan Ħeżekija bena din il-​mina iktar minn 2,500 sena ilu biex iħares il-​provista tiegħu taʼ l-​ilma minn armata li setgħet tinvadih.​—2 Slaten 20:20; 2 Kronaki 32:​2-4, 30.

25 Fil-“British Museum” viżitatur jistaʼ jara l-​Kronaka taʼ Nabonidus, li kopja tagħha tidher fuq il-​lemin. Din tiddeskrivi l-​waqgħa taʼ Babilonja tal-​qedem, saħansitra bħalma l-​Bibbja tagħmel ukoll. (Danjel 5:​30, 31) Imma l-​Bibbja tgħid li Belxażżar dak iż-​żmien kien is-​sultan taʼ Babilonja. Madankollu l-​Kronaka taʼ Nabonidus lanqas biss issemmih lil Belxażżar. Fil-​fatt, kien hemm żmien li l-​kitbiet antiki magħrufin kollha qalu li Nabonidus kien l-​aħħar sultan taʼ Babilonja. Mela xi wħud li qalu li l-​Bibbja m’hijiex vera sostnew li Belxażżar qatt m’eżista u li l-​Bibbja kienet żbaljata. Imma fi snin riċenti nstabu kitbiet antiki li identifikaw lil Belxażżar bħala bin Nabonidus u mexxej flimkien maʼ missieru f’dak iż-​żmien f’Babilonja! Iva, il-​Bibbja hija tassew vera, bħalma juru ħafna u ħafna eżempji.

26. Liema evidenza hemm li l-​Bibbja hija xjentifikament eżatta?

26 Madankollu l-​Bibbja mhux storja vera biss fiha. Kulma tgħid huwa veru. Saħansitra meta tolqot kwistjonijiet taʼ xjenza, hija eżatta b’mod taʼ l-​għaġeb. Biex nagħtu biss żewġ eżempji: Fl-​antik kien komuni t-​twemmin li l-​art kellha xi appoġġ viżibbli, li kienet tistrieħ fuq xi ħaġa, bħal per eżempju fuq ġgant. Madankollu bi qbil perfett maʼ l-​evidenza xjentifika, il-​Bibbja tirrapporta li Alla qiegħed “idendel l-​art fuq xejn.” (Ġob 26:7) U minflok ma tgħid li l-​art hija ċatta, bħalma ħafna emmnu fl-​imgħoddi, il-​Bibbja tgħid li Alla “qiegħed jgħammar ’il fuq miċ-​ċirku taʼ l-​art.”​—Isaija 40:22.

27. (a) Liema hija l-​akbar prova li l-​Bibbja ġejja minn Alla? (b) L-​Iskrittura Ebrajka liema affarijiet verament bassret dwar l-​Iben t’Alla?

27 Imma l-​akbar prova li l-​Bibbja tassew hija minn Alla hija l-​fama perfetta li kisbet f’li tbassar il-​futur. L-​ebda ktieb mill-​bniedem ma jirrapporta bi preċiżjoni l-​istorja qabel isseħħ; madankollu l-​Bibbja hekk tagħmel. Hija mimlija bi profeziji preċiżi, iva, taʼ storja attwalment miktuba minn qabel. Xi wħud mill-​iktar taʼ l-​għaġeb minn dawn huma dwar il-​miġja fuq l-​art taʼ l-​Iben t’Alla. L-​Iskrittura Ebrajka bassret b’mod preċiż mijiet taʼ snin minn qabel li dan il-​Wieħed Imwiegħed kellu jitwieled f’Betlehem, li kellu jitwieled minn verġni, li kellu jiġi ttradut għal 30 biċċa tal-​fidda, li kellu jitqies mal-​midinbin, li lanqas għadma minn ġismu ma kellha tinkiser, li kellha tintefaʼ x-​xorti għal ħwejġu, u ħafna u ħafna dettalji oħrajn.​—Mikea 5:2; Mattew 2:​3-9; Isaija 7:14; Mattew 1:​22, 23; Żakkarija 11:​12, 13; Mattew 27:​3-5; Isaija 53:12; Luqa 22:​37, 52; 23:​32, 33; Salm 34:20; Ġwann 19:36; Salm 22:18; Mattew 27:35.

28. (a) Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li saħansitra dawk il-​profeziji tal-​Bibbja li għadhom ma twettqux se jseħħu? (b) Dwar liema ħaġa se tikkonvinċi ruħek jekk tkompli tistudja l-​Bibbja?

28 Bħalma ntqal fl-​ewwel kapitlu taʼ dan il-​ktieb, il-​Bibbja tbassar ukoll li din is-​sistema t’affarijiet qadima dalwaqt tintemm u li sistema ġdida taʼ tjieba se tiġi flokha. (Mattew 24:​3-14; 2 Pietru 3:​7, 13) Nistgħu aħna noqogħdu fuq profeziji bħal dawn li għad iridu jitwettqu? Sewwa, jekk xi ħadd għal mitt darba qallek il-​verità, tibda int f’daqqa waħda tiddubitah meta jgħidlek xi ħaġa ġdida? Jekk qatt ma qbadtu fi żball, se tibda issa tiddubitah? Kemm tkun ħaġa bla raġuni! Bl-​istess mod, m’hemmx raġuni għalina biex niddubitaw kwalunkwe ħaġa li Alla jwiegħed fil-​Bibbja. Il-​Kelma tiegħu tistaʼ tafdaha! (Titus 1:2) Billi tkompli tistudja l-​Bibbja, int, ukoll, se ssir iktar u iktar konvint mill-​fatti li l-​Bibbja verament ġejja minn Alla.

[Stampa f’paġna 49]

Alla uża rġiel biex jiktbu l-​Bibbja bl-​istess mod bħalma negozjant juża segretarja biex jikteb ittra

[Stampa f’paġna 50]

Xi mexxejja reliġjużi ġġieldu biex iżommu l-​Bibbja min-​nies komuni, saħansitra billi ħarqu m’arbli lil dawk li kellhom pussess tagħha

[Stampa f’paġna 52, 53]

Ir-​Romblu tal-​Baħar il-​Mejjet taʼ Isaija

[Stampa f’paġna 54, 55]

Il-​​ħajt tat-​tempju f’Karnak, l-​Eġittu

[Stampa f’paġna 55]

Il-​Ġebla Moabita

[Stampa f’paġna 55]

Il-​Kronaka taʼ Nabonidus

[Stampa f’paġna 55]

Id-​daħla tal-​Mina taʼ Ħeżekija u l-​Għadira taʼ Siloam

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja