Jaqbel Dan il-Ktieb max-Xjenza?
Ir-reliġjon mhux dejjem ħarset lejn ix-xjenza bħala l-ħabiba tagħha. F’sekli taʼ l-imgħoddi xi teologi rreżistew sejbiet xjentifiċi meta ħassew li dawn ipperikolaw l-interpretazzjoni tagħhom tal-Bibbja. Imma hija x-xjenza tassew l-għadu tal-Bibbja?
LI KIEKU l-kittieba tal-Bibbja ħaddnu l-iktar opinjonijiet xjentifiċi popolari taʼ żmienhom, ir-riżultat kien ikun ktieb taʼ ineżattezzi xjentifiċi lampanti. Madankollu l-kittieba ma ressqux fehmiet xjentifiċi żbaljati bħal dawn. Għall-kuntrarju, huma niżżlu għadd taʼ stqarrijiet li mhux biss huma sodi xjentifikament imma wkoll li kkontradew direttament l-opinjonijiet li kienu aċċettati dak iż-żmien.
X’Sura Għandha L-Art?
Dik il-mistoqsija kienet qanqlet il-kurżità tal-bnedmin għal eluf taʼ snin. L-opinjoni ġenerali fl-antik kienet li l-art kienet ċatta. Il-Babilonjani, per eżempju, kienu jemmnu li l-univers kien kaxxa jew kamra bl-art bħala l-paviment tagħha. Il-qassisin Vediċi taʼ l-Indja immaġinaw li l-art kienet ċatta u li naħa waħda biss minnha kienet abitata. Tribù primittiv fl-Asja kien jimmaġina l-art bħala gabarrè enormi.
Sa minn kmieni fis-sitt seklu Q.E.K., il-filosfu Grieg Pitagora tteorizza li ladarba l-qamar u x-xemx huma sferiċi, l-art trid tkun sfera wkoll. Aristotile (ir-rabaʼ seklu Q.E.K.) iktar tard qabel miegħu, billi spjega li l-isferiċità taʼ l-art hija pprovata mill-eklissi tal-qamar. Id-dell taʼ l-art fuq il-qamar ġej fit-tond.
Madankollu, il-kunċett taʼ art ċatta (bin-naħa taʼ fuq tagħha biss abitata) ma sparixxiex kompletament. Xi wħud ma setgħux jaċċettaw l-implikazzjoni loġika taʼ art tonda—il-kunċett taʼ l-antipodi.a Lactantius, apoloġista Kristjan tar-rabaʼ seklu E.K., irredikola dik l-idea. Hu rraġuna: “Hemm xi ħadd daqshekk bla sens li jemmen li hemm nies li l-passi tagħhom huma ogħla minn rashom? . . . li l-uċuħ tar-rabaʼ u s-siġar jikbru ’l isfel? li x-xita, u l-borra, u s-silġ jaqgħu ’l fuq?”2
Il-kunċett taʼ l-antipodi kien taʼ dilemma għal xi ftit teologi. Ċerti teoriji kienu jsostnu li jekk kien hemm in-nies jgħixu fuq in-naħat opposti taʼ l-art, dawn ma setgħu jkollhom ebda konnessjoni affattu maʼ bnedmin li kienu jafu bihom, jew minħabba li l-baħar kien wiesaʼ wisq biex setaʼ jiġi navigat, jew minħabba li kien hemm żona taħraq ħafna u li ħadd ma setaʼ jaqsamha mad-dawra taʼ l-ekwatur. Mela mnejn setgħu ġew xi antipodjani? Perplessi, xi teologi ppreferew jemmnu li ma setaʼ jkun hemm ebda antipodjan, jew saħansitra, bħalma argumenta Lactantius, li l-art assolutament ma setgħetx tkun sfera!
Minkejja dan, il-kunċett taʼ art sferika baqaʼ prevalenti, u eventwalment ġie aċċettat kullimkien. Kien biss maż-żerniq taʼ l-era taʼ l-ispazju fis-seklu 20, madankollu, li sar possibbli għall-bnedmin li jivvjaġġaw ’il bogħod biżżejjed fl-ispazju biex jivverifikaw permezz t’osservazzjoni diretta li l-art hija globu.b
U l-Bibbja x’parti lagħbet f’din il-kwestjoni? Fit-tmien seklu Q.E.K., meta l-opinjoni prevalenti kienet li l-art kienet ċatta, sekli sħaħ qabel ma l-filosfi Griegi ħarġu bit-teorija li l-art x’aktarx li kienet sferika, u eluf taʼ snin qabel ma l-bnedmin raw l-art bħala globu mill-ispazju, il-profeta Ebrajk Isaija stqarr b’sempliċità li ma bħala: “Hu jgħammar ’il fuq minn ħnejjet l-art.” (Korsiv tagħna.) (Isaija 40:22) Il-kelma Ebrajka chugh, hawnhekk tradotta “ħnejjet,” tistaʼ wkoll tingħata bħala “sfera.”3 Traduzzjonijiet oħrajn tal-Bibbja jinqraw, “il-globu taʼ l-art” (Verżjoni Douay) u “l-art tonda.”—Moffatt.c
Isaija, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, evita l-ħrejjef komuni dwar l-art. Minflok, hu kiteb stqarrija li ma kinitx mhedda mill-avvanzi tas-sejbiet xjentifiċi.
X’Inhu Li Jżomm L-Art Wieqfa?
Fiż-żminijiet tal-qedem, il-bnedmin kienu mħawdin minħabba kwestjonijiet oħrajn dwar il-kosmo: Fuq x’hiex qiegħda sserraħ l-art? X’inhu dak li jżomm lix-xemx, lill-qamar, u lill-istilel? Ma kellhom ebda għarfien dwar il-liġi tal-gravità universali, ifformulata minn Isaac Newton u ppubblikata fl-1687. L-idea li oġġetti fis-sema jinsabu, fil-fatt, imdendlin fi spazju vojt u fuq ix-xejn ma kinux midħla tagħha. B’hekk l-ispjegazzjonijiet tagħhom spiss kienu jissuġġerixxu li oġġetti jew sustanzi tanġibbli kienu qegħdin iżommu fl-għoli l-art u l-oġġetti l-oħrajn tas-sema.
Per eżempju, teorija antika, li x’aktarx oriġinat minn nies li għexu fuq gżira, kienet li l-art kienet imdawra bl-ilma u li kienet tifflowtja f’dawn l-ilmijiet. Il-Ħindu kellhom l-idea li l-art kellha diversi pedamenti, wieħed fuq l-ieħor. Kienet tistrieħ fuq erbaʼ ljunfanti, l-iljunfanti kienu weqfin fuq fekruna enormi, il-fekruna kienet wieqfa fuq serpent ġgantesk, u s-serpent li kien imkebbeb kien jifflowtja fuq ilmijiet universali. Empedocles, filosfu Grieg tal-ħames seklu Q.E.K., kien jemmen li l-art kienet tistrieħ fuq tromba tar-riħ u li din it-tromba kienet il-kaġun taċ-ċaqliq taʼ l-oġġetti fis-sema.
Fost l-iktar veduti influwenti kien hemm dawk t’Aristotile. Għalkemm itteorizza li l-art hija sfera, hu ċaħad li din qatt setgħet tkun imdendla fl-ispazju vojt. Fil-kompożizzjoni tiegħu On the Heavens (Dwar is-Smewwiet), meta rrifjuta l-idea li l-art tistrieħ fuq l-ilma, hu qal: “M’hijiex in-natura taʼ l-ilma, daqs kemm m’hijiex taʼ l-art, li joqgħod imdendel fl-arja: irid ikollu fuq xiex iserraħ.”4 Mela, fuq xiex “isserraħ” l-art? Aristotile għallem li x-xemx, il-qamar, u l-istilel kienu mwaħħlin mal-wiċċ taʼ sferi solidi u trasparenti. Sfera kienet tkun imdaħħla ġo sfera oħra, bl-art—immobbli—fiċ-ċentru. Hekk kif l-isferi kienu jduru waħda ġo l-oħra, l-oġġetti taʼ fuqhom—ix-xemx, il-qamar, u l-pjaneti—kienu jimxu minn naħa għal oħra tas-sema.
L-ispjegazzjoni t’Aristotile kienet tidher loġika. Jekk l-oġġetti fis-sema ma kinux imwaħħlin sew maʼ xi ħaġa, kif mela setgħu jibqgħu hemm fuq? Il-veduti t’Aristotile, li kien igawdi l-istima tan-nies, kienu aċċettati bħala fatti għal xi 2,000 sena. Skond The New Encyclopædia Britannica, fis-sekli 16 u 17 it-tagħlim tiegħu “laħaq l-istatus taʼ domma reliġjuża” f’għajnejn il-knisja.5
Bl-invenzjoni tat-teleskopju, l-astronomi bdew jiddubitaw it-teorija t’Aristotile. Xorta waħda, ir-risposta baqgħet taħrabilhom sakemm Sir Isaac Newton spjega li l-pjaneti jinsabu mdendlin fl-ispazju, miżmumin fl-orbiti tagħhom permezz taʼ forza inviżibbli—il-gravità. Dan kien jidher inkredibbli, u xi wħud mill-kollegi taʼ Newton sabuha diffiċli biex jemmnu li l-ispazju setaʼ jkun baħħ, fil-biċċa l-kbira nieqes mis-sustanza.d6
Il-Bibbja x’għandha x’tgħid fuq din il-kwestjoni? Kważi 3,500 sena ilu, il-Bibbja stqarret b’ċarezza straordinarja li l-art hija mdendla “fuq ix-xejn.” (Ġob 26:7) Bl-Ebrajk oriġinali, il-kelma għal “xejn” (beli-mahʹ) użata hawnhekk litteralment tfisser “mingħajr xejn.”7 Il-Contemporary English Version tuża l-espressjoni, “fuq spazju vojt.”
Pjaneta mdendla “fuq spazju vojt” ma kellha xejn x’taqsam maʼ kif il-biċċa l-kbira tan-nies taʼ dak iż-żmien kienu jaħsbuha dwar l-art. Madankollu, ferm avanzat għal żmienu, il-kittieb tal-Bibbja ddokumenta stqarrija li hija soda xjentifikament.
Il-Bibbja u X-Xjenza Medika—Jaqblu?
Ix-xjenza medika moderna għallmitna ħafna dwar it-tixrid u l-prevenzjoni tal-mard. Avvanzi fil-mediċina fis-seklu 19 wasslu għall-introduzzjoni taʼ l-antisepsis fil-prattika medika—indafa biex jitnaqqsu l-infezzjonijiet. Ir-riżultat kien drammatiku. Kien hemm tnaqqis sinjifikanti f’infezzjonijiet u mwiet prematuri.
It-tobba tal-qedem, madankollu, ma fehmux għalkollox kif jinxtered il-mard, lanqas ma rrealizzaw l-importanza tas-sanità fil-prevenzjoni tal-mard. Mhux taʼ b’xejn li ħafna mill-prattiċi mediċi tagħhom huma meqjusin bħala barbari skond il-livelli moderni.
Waħda mill-eqdem kitbiet mediċi disponibbli llum hija l-Papiru Ebers, ġabra t’għarfien mediku Eġizzjan, li tmur lura għal madwar l-1550 Q.E.K. Dan l-iskroll fih xi 700 rimedju għal diversi afflizzjonijiet “li jvarjaw minn gdim tal-kukkudrilli sa wġigħ fid-dwiefer tas-swabaʼ tas-saqajn.”8 The International Standard Bible Encyclopaedia tistqarr: “L-għarfien mediku taʼ dawn it-tobba kien ibbażat purament fuq l-esperjenza, kien fil-biċċa l-kbira maġiku u xejn ma kien xjentifiku għal kollox.”9 Il-biċċa l-kbira tar-rimedji ma kienu effettivi xejn, imma xi wħud minnhom kienu perikolużi għall-aħħar. Għall-kura taʼ ferita, waħda mill-preskrizzjonijiet irrikmandat li wieħed japplika taħlita komposta minn eskrementi umani mħalltin maʼ sustanzi oħrajn.10
Din is-silta taʼ rimedji mediċinali Eġizzjani nkitbet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien taʼ l-ewwel kotba tal-Bibbja, li kienu jinkludu l-Liġi Mosajka. Mosè, li twieled fis-sena 1593 Q.E.K., trabba fl-Eġittu. (Eżodu 2:1-10) Bħala membru tad-dar tal-Fargħun, hu kien “trawwem fl-għerf kollu taʼ l-Eġizzjani.” (Atti 7:22) Kien familjari mat-“tobba” taʼ l-Eġittu. (Ġenesi 50:1-3) Il-prattiċi mediċi ineffettivi jew perikolużi tagħhom influwenzawh fil-kitbiet tiegħu?
Le. Għall-kuntrarju, il-Liġi Mosajka kienet tinkludi regolamenti sanitarji li kienu ferm avanzati għal żmienhom. Per eżempju, liġi rigward kampijiet militari kienet tesiġi li l-eskrementi jindifnu ’l bogħod mill-kamp. (Dewteronomju 23:13) Din kienet miżura preventiva ferm avanzata. Għenet biex l-ilma jinżamm ħieles mill-kontaminazzjoni u pprovdiet protezzjoni mid-disenterija u mardiet oħrajn li jikkaġunaw id-dijarrea u li normalment jinġarru mid-dubbien, u li għadhom sal-lum jaħsdu miljuni taʼ ħajjiet kull sena f’artijiet fejn il-kundizzjonijiet sanitarji huma deplorevoli.
Il-Liġi Mosajka kien fiha regolamenti sanitarji oħrajn li kienu jissalvagwardjaw lil Iżrael kontra t-tixrid taʼ mard li jittieħed. Xi ħadd li kellu jew li kien issuspettat li kellu mard li setaʼ jiġi mgħoddi lil ħaddieħor kien jitqiegħed fi kwarantina. (Levitiku 13:1-5) Ħwejjeġ jew oġġetti li jkunu ġew f’kuntatt maʼ xi annimal li jkun miet waħdu (forsi b’xi marda) kellhom jew jinħaslu qabel ma jerġgħu jintużaw jew jinqerdu. (Levitiku 11:27, 28, 32, 33) Kull min kien imiss maʼ xi ġisem mejjet, kien jitqies bħala mhux nadif u kellu jgħaddi minn proċedura taʼ tindif li kienet tinkludi l-ħasil taʼ ħwejġu u taʼ persuntu. Matul il-perijodu taʼ sebat ijiem li fih wieħed kien ikun meqjus mhux nadif, dan kellu jevita kuntatt fiżiku m’oħrajn.—Numri 19:1-13.
Din il-kodiċi sanitarja tirrivela għerf li t-tobba tal-ġnus taʼ madwarhom ma kellhomx bħalu dak iż-żmien. Eluf taʼ snin qabel ma x-xjenza medika tgħallmet dwar il-modi li bihom jinxtered il-mard, il-Bibbja kienet tirrikmanda miżuri preventivi raġonevoli bħala salvagwardji kontra l-mard. Mhux taʼ b’xejn li Mosè setaʼ jitkellem dwar l-Iżraeliti inġenerali taʼ żmienu bħala li kienu jgħixu sa 70 jew 80 sena.e—Salm 90:10.
Int għandek mnejn tirrikonoxxi li l-istqarrijiet Bibliċi li għadna kif ikkunsidrajna huma korretti xjentifikament. Imma hemm stqarrijiet oħrajn fil-Bibbja li ma jistgħux jiġu pprovati xjentifikament. Ifisser dan allura li l-Bibbja tikkontradixxi lix-xjenza?
Naċċettaw Dak Li Ma Jistax Jiġi Pprovat
Stqarrija li ma tistax tiġi pprovata m’hijiex neċessarjament falza. Evidenza xjentifika hija limitata mill-abbiltà tal-bniedem li jiskopri evidenza biżżejjed u jinterpreta l-informazzjoni b’mod korrett. Imma xi veritajiet ma jistgħux jiġu pprovati għaliex ebda evidenza ma ġiet ippreservata, l-evidenza hija mċajpra jew għadha ma nstabitx, jew il-kapaċitajiet u l-espertiżmu xjentifiċi m’humiex suffiċjenti biex tkun tistaʼ tintlaħaq konklużjoni indisputabbli. Jistaʼ dan japplika għal ċerti stqarrijiet Bibliċi li għalihom m’hemmx evidenza fiżika indipendenti?
Per eżempju, ir-referenza tal-Bibbja għal qasam inviżibbli abitat minn persuni spirti ma tistax tiġi pprovata vera—jew mhux vera—xjentifikament. L-istess jistaʼ jingħad dwar ġrajjiet mirakolużi msemmijin fil-Bibbja. M’hemmx biżżejjed evidenza ġeoloġika ċara għad-Dilluvju globali taʼ żmien Noè biex tissodisfa lil xi nies. (Ġenesi, kapitlu 7) Irridu aħna nikkonkludu li dan ma ġarax? Ġrajjiet storiċi jistgħu jisfaw misturin biż-żmien u bil-bidliet. Mela ma jistax ikun li eluf taʼ snin t’attività ġeoloġika ħassret ħafna mill-evidenza tad-Dilluvju?
Veru, il-Bibbja fiha stqarrijiet li ma jistgħux jiġu pprovati veri jew le mill-evidenza fiżika disponibbli. Imma għandu dan jissorprendina? Il-Bibbja m’hijiex xi ktieb tax-xjenza. Hija, madankollu, ktieb taʼ verità. Aħna diġà kkunsidrajna evidenza qawwija li l-kittieba tagħha kienu nies taʼ integrità u onestà. U meta jolqtu kwestjonijiet relatati max-xjenza, kliemhom hu eżatt u ħieles għalkollox minn teoriji “xjentifiċi” antiki li wrew li ma kinux ħlief ħrejjef. Ix-xjenza b’hekk m’hijiex għadu tal-Bibbja. Hemm kull raġuni li wieħed jiżen dak li tgħid il-Bibbja b’moħħ miftuħ.
[Noti taʼ taħt]
a “L-antipodi . . . huma żewġ reġjuni li huma eżattament opposti għal xulxin fuq il-globu. Linja dritta bejniethom kienet tgħaddi minn ġoċ-ċentru taʼ l-art. Il-kelma antipodi tfisser sieq maʼ sieq bil-Grieg. Żewġ persuni weqfin fuq l-antipodi jkunu l-eqreb taʼ xulxin fil-qiegħ taʼ saqajhom.”1—The World Book Encyclopedia.
b Teknikament, l-art hija sferojda oblata; kemmxejn ċatta fil-poli.
c Barra minn dan, huwa biss oġġett sferiku li jidher bħala ċirku minn kull angolu tal-vista. Diska ċatta kieku iktar tidher bħala xi ħaġa ovali, u mhux ċirku.
d Opinjoni popolari fi żmien Newton kienet li l-univers kien mimli b’likwidu—“soppa” kosmika—u li belligħat f’dan il-likwidu kienu jġagħlu lill-pjaneti jduru.
e Fl-1900, it-tul tal-ħajja f’bosta pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti kien taʼ inqas minn 50 sena. Minn dak in-nhar ’l hawn, dan żdied drammatikament mhux biss minħabba l-progress mediku f’li jiġi kkontrollat il-mard imma wkoll minħabba kundizzjonijiet aħjar taʼ sanità u t’għajxien.
[Kumment f’paġna 21]
Stqarrija li ma tistax tiġi pprovata m’hijiex neċessarjament falza
[Stampa f’paġna 18]
Eluf taʼ snin qabel ma l-bnedmin raw l-art bħala globu mill-ispazju, il-Bibbja rreferiet għal “ħnejjet l-art”
[Stampi f’paġna 20]
Sir Isaac Newton spjega li l-pjaneti huma miżmumin fl-orbiti tagħhom permezz tal-gravità