Ix-Xjenza u l-Bibbja—Veru li Jikkontradixxu lil Xulxin?
IŻ-ŻRIERAGĦ tal-konflitt bejn Galileo u l-Knisja Kattolika ġew miżrugħin sekli qabel ma twieldu Copernicus u Galileo. Il-konċett ġeoċentriku, jew l-idea li d-dinja kienet iċ-ċentru taʼ l-univers, kien adottat mill-Griegi taʼ l-antik u sar magħruf permezz t’Aristotele (384-322 Q.E.K.) li kien filosfu, u wkoll permezz taʼ Ptolomew li kien astronomu u astrologu (it-tieni seklu E.K.).a
Il-konċett t’Aristotele dwar l-univers kien influwenzat mill-mod kif kien jaħseb il-matematiku u l-filosfu Grieg Pythagoras (is-sitt seklu Q.E.K.). Minħabba li Aristotele adotta l-idea taʼ Pythagoras li ċ-ċirku u l-isfera huma forom perfetti, hu kien jemmen li s-smewwiet kienu serje taʼ sferi ġo sferi, bħal saffi taʼ basla. Kull saff kien magħmul mill-kristall, u d-dinja kienet fiċ-ċentru. L-istilel kienu jimxu f’forma taʼ ċirku u l-moviment tagħhom kien jiddependi mill-isfera taʼ barranett, fejn kien hemm qawwa sopranaturali. Aristotele kien jemmen ukoll li x-xemx u l-oġġetti ċelestjali l-oħra kienu perfetti, li la kellhom marki jew tbajjaʼ u lanqas kienu jinbidlu.
Il-konċett grandjuż t’Aristotele kien prodott tal-filosofija u mhux tax-xjenza. Hu ħass li ma kienx jagħmel sens li temmen li l-art kienet tiċċaqlaq. Hu rrifjuta wkoll l-idea li kien hemm xi vojt, jew spazju, għax kien jemmen illi kieku l-art kienet tiċċaqlaq, din kienet se tiġi effettwata mill-frizzjoni u tieqaf tiċċaqlaq, jekk ma tiġix applikata l-istess forza. Minħabba li l-konċett t’Aristotele deher li kien loġiku meta mqabbel maʼ l-għarfien taʼ dak iż-żmien, in-nies in ġenerali bażikament qablu maʼ l-idea t’Aristotele għal kważi 2,000 sena. Anki lejn l-aħħar tas-seklu 16, il-filosfu Franċiż Jean Bodin tkellem dwar din l-idea popolari meta qal: “Ebda individwu f’sensih, jew li għandu l-iċken idea tal-fiżika, m’hu qatt se jaħseb li d-dinja, tant tqila u goffa . . . , iddur . . . fuq l-assi tagħha u madwar ix-xemx; għax kieku maʼ l-iċken ċaqliqa taʼ l-art, naraw bliet u fortizzi, villaġġi u muntanji jiġġarrfu.”
L-Idea t’Aristotele Adottata mill-Knisja
Ħaġa oħra li wasslet għall-konflitt bejn Galileo u l-knisja seħħet fis-seklu 13 u kienet tinvolvi lil Thomas Aquinas (1225-74) li kellu awtorità fil-Knisja Kattolika. Aquinas kien jirrispettah ħafna lil Aristotele; fil-fatt kien jirreferi għalih bħala l-Filosfu. Aquinas qattaʼ ħames snin jissielet biex jgħaqqad il-filosofija t’Aristotele mat-tagħlim tal-knisja. Skond ma qal Wade Rowland fil-ktieb tiegħu Galileo’s Mistake, sa żmien Galileo l-ideat t’Aristotele mħalltin mat-teoloġija t’Aquinas kienu saru l-bażi tad-domma tal-Knisja Rumana. Ukoll, irridu nżommu f’moħħna li f’dawn il-jiem ma kien hemm ebda komunità xjentifika indipendenti. L-edukazzjoni kienet fil-biċċa l-kbira f’idejn il-knisja. Ġeneralment, il-knisja kienet l-unika awtorità fuq ir-reliġjon u x-xjenza.
Dan kollu wassal għall-konfront bejn il-knisja u Galileo. Saħansitra qabel ma involva lilu nnifsu fl-astronomija, Galileo kien kiteb artiklu formali fuq il-moviment (motion). Dan sfida ħafna mis-suppożizzjonijiet t’Aristotele, li kien rispettat ħafna. Madankollu, Galileo tant appoġġa l-konċett eljoċentriku u sostna li dan kien jaqbel maʼ l-Iskrittura li minħabba f’hekk kellu jgħaddi ġuri mill-Inkwiżizzjoni fl-1633.
Waqt li beda jiddefendi lilu nnifsu, Galileo qal li kellu fidi soda li l-Bibbja kienet il-Kelma ispirata t’Alla. Qal ukoll li l-Iskrittura kienet miktuba għan-nies ordinarji u meta l-Bibbja tidher li qed tirreferi għall-moviment tax-xemx ma kellhiex tittieħed b’mod letterali. L-argumenti tiegħu ma swew għal xejn. Minħabba li Galileo rrifjuta l-interpretazzjoni taʼ l-Iskrittura bbażata fuq il-filosofija Griega, hu ġie kundannat! Kien biss fl-1992 li l-Knisja Kattolika ammettiet uffiċjalment l-iżball li ħadet meta ġġudikat lil Galileo.
Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu
X’nistgħu nitgħallmu minn dawn il-ġrajjiet? L-ewwelnett, Galileo ma kellu ebda dubju dwar il-Bibbja. Minflok, hu ddubita t-tagħlim tal-knisja. Wieħed kittieb dwar ir-reliġjon osserva li minn Galileo nitgħallmu li l-Knisja ma kinitx żammet wisq mal-veritajiet tal-Bibbja, anzi għall-kuntrarju bilkemm żammet magħhom. Billi ħalliet il-filosofija Griega tinfluwenza t-teoloġija, il-knisja ċediet għat-tradizzjoni minflok ma segwiet it-tagħlim tal-Bibbja.
Dan kollu jfakkarna fit-twissija tal-Bibbja: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.”—Kolossin 2:8.
Anki llum, ħafna fil-Kristjaneżmu jkomplu jħaddnu t-teoriji u l-filosofiji li jikkontradixxu l-Bibbja. Eżempju taʼ dan hu t-teorija taʼ Darwin dwar l-evoluzzjoni, li huma aċċettaw minflok ir-rakkont tal-ħolqien li nsibu fil-Ġenesi. Meta għamlu din il-bidla, il-knejjes fil-fatt għamlu lil Darwin bħala l-Aristotele taʼ llum u poġġew il-fidi tagħhom fl-evoluzzjoni.b
Ix-Xjenza Vera f’Armonija mal-Bibbja
Dak li ntqal qabel m’għandu b’ebda mod jiskuraġġixxi l-interess fix-xjenza. Anzi, il-Bibbja stess tistidinna nitgħallmu mill-għemejjel t’Alla u nagħrfu x’inhuma l-kwalitajiet mill-aqwa tiegħu minn dak li naraw. (Isaija 40:26; Rumani 1:20) M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja ma ssostnix li tgħallem ix-xjenza. Minflok, hi turina l-livelli t’Alla, l-aspetti tal-personalità tiegħu li ma nistgħux naraw fil-ħolqien, u l-iskop li għandu għall-umanità. (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]; 2 Timotju 3:16) Madankollu, meta l-Bibbja ssemmi fenomeni naturali, hi dejjem korretta. Galileo nnifsu qal: “Kemm l-Iskrittura Mqaddsa u kemm in-natura saru permezz tal-Kelma Divina . . . Żewġ veritajiet qatt ma jistgħu jikkontradixxu lil xulxin.” Ikkunsidra l-eżempji li ġejjin.
Konċett iktar bażiku minn dak tal-moviment taʼ l-istilel u l-pjaneti hu li dak kollu li hemm fl-univers huwa gvernat minn liġijiet, bħal per eżempju l-liġi tal-gravità. Leqdem referenza għal-liġijiet fiżiċi barra l-Bibbja saret minn Pythagoras, li kien jemmen li l-univers setaʼ jiġi spjegat permezz tan-numri. Finalment, elfejn sena wara, Galileo, Kepler, u Newton taw prova li l-affarijiet fiżiċi huma gvernati minn liġijiet loġiċi.
L-eqdem referenza li nsibu fil-Bibbja għal-liġijiet naturali tinsab fil-ktieb taʼ Ġob. Madwar l-1600 Q.E.K., Alla staqsa lil Ġob: “Taf hekk sewwa l-liġijiet tas-sema, li tikteb għall-art l-ordni tagħhom?” (Ġob 38:33) Il-ktieb taʼ Ġeremija, li nkiteb fis-sebaʼ seklu Q.E.K., jirreferi għal Ġeħova bħala l-Ħallieq li għamel “il-qamar u l-kwiekeb b’liġijiethom” u li għamel “il-liġijiet tas-sema u l-art.” (Ġeremija 31:35; 33:25, korsiv tagħna.) Meta qies dawn l-istqarrijiet, il-kummentatur tal-Bibbja G. Rawlinson osserva li l-kittieba tal-Bibbja u x-xjenza moderna ċertament jaqblu li fid-dinja fiżika jeżistu ħafna liġijiet.
Per eżempju, l-istqarrija li nsibu f’Ġob intgħamlet madwar elf sena qabel ma Pythagoras kiteb dwar il-liġijiet li jiggvernaw l-oġġetti fl-univers. Ftakar li l-objettiv tal-Bibbja m’huwiex biss li turi l-fatti fiżiċi imma li tenfasizzalna primarjament li Ġeħova hu l-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha—il-wieħed li jistaʼ joħloq il-liġijiet fiżiċi.—Ġob 38:4, 12; 42:1, 2.
Eżempju ieħor li nistgħu nikkunsidraw hu li l-ilmijiet taʼ l-art jgħaddu minn ċiklu msejjaħ iċ-ċiklu taʼ l-ilma, jew iċ-ċiklu idroloġiku. Fi ftit kliem, l-ilma jevapora mill-baħar, jifforma fi sħab, jinżel fuq l-art bħala xita jew silġ, u mbagħad jerġaʼ jmur fil-baħar. L-eqdem kitbiet li baqgħu jeżistu minbarra l-Bibbja u li jagħmlu referenza għal dan iċ-ċiklu huma mir-rabaʼ seklu Q.E.K. Imma l-istqarrijiet tal-Bibbja jerġaʼ huma mijiet taʼ snin eqdem minn dawn. Per eżempju, fis-seklu 11 Q.E.K., is-Sultan Salamun taʼ Iżrael kiteb: “Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.”—Koħèlet 1:7.
Bl-istess mod, madwar is-sena 800 Q.E.K., il-profeta Għamos, ragħaj u bidwi umli, kiteb li Ġeħova huwa l-Wieħed li “jsejjaħ ilmijiet il-baħar, u jsawwabhom fuq wiċċ l-art.” (Għamos 5:8) Mingħajr m’użaw kliem komplikat u tekniku, kemm Salamun u kemm Għamos iddeskrivew b’mod eżatt iċ-ċiklu taʼ l-ilma, kull wieħed minnhom minn perspettiva kemxejn differenti.
Il-Bibbja tirreferi wkoll għal Alla bħala li qed iżomm “l-art imdendla fuq ix-xejn.” (Ġob 26:7) Meta tqis l-għarfien li kellhom fl-1600 Q.E.K., li bejn wieħed u ieħor kien iż-żmien meta ntqal dan il-kliem, ried ikun verament raġel straordinarju biex jgħid li oġġett solidu jistaʼ jibqaʼ mdendel fl-ispazju mingħajr ebda appoġġ minn xi oġġett fiżiku. Bħalma ssemma qabel, Aristotele nnifsu ċaħad lidea li hemm l-ispazju, u hu għex iktar minn 1,200 sena wara!
Ma taqbilx li hija verament xi ħaġa taʼ lgħaġeb li l-Bibbja tagħmel stqarrijiet eżatti bħal dawn—speċjalment meta tikkunsidra li minħabba l-ideat żbaljati taʼ dak iż-żmien kien jidher loġiku li tirraġuna b’dak il-mod? Għal uħud li jirraġunaw, din hija evidenza oħra li l-Bibbja hija ispirata minn Alla. Għalhekk, huwa għaqli li ma nħallux lilna nfusna niġu influwenzati minn tagħlim jew teoriji li jikkontradixxu l-Kelma t’Alla. Bħalma wriet l-istorja għal darba wara l-oħra, il-filosofiji umani, anki dawk taʼ l-iktar nies intelletwali, jiġu u jmorru, imma min-naħa l-oħra “l-kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:25.
[Noti taʼ taħt]
a Fit-tielet seklu Q.E.K., Grieg bl-isem t’Aristarku taʼ Samoa ppreżenta l-ipotesi li x-xemx hija ċ-ċentru tal-kosmos, imma l-ideat tiegħu kienu rifjutati minħabba l-irraġunar t’Aristotele.
b Għal diskussjoni dettaljata dwar dan is-suġġett, ara l-kapitlu 15, “Why Do Many Accept Evolution?” fil-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
L-Attitudni tal-Protestanti
Il-mexxejja tar-Riforma Protestanta wkoll tkellmu kontra l-idea li x-xemx hi fiċ-ċentru taʼ l-univers. Fost dawn kien hemm Luteru (1483-1546), Philipp Melanchthon (1497-1560), u Kalvinu (1509-64). Luteru qal fuq Copernicus: “Dan l-iblah irid ibiddel ix-xjenza kollha taʼ l-astronomija.”
Ir-Riformisti bbażaw l-argumenti tagħhom fuq l-interpretazzjoni letterali taʼ xi skritturi, bħalma hu r-rakkont taʼ Ġożwè kapitlu 10, li jgħid li x-xemx u l-qamar ‘waqfu.’c Ir-Riformisti għala żammew daqshekk maʼ din l-idea? Il-ktieb Galileo’s Mistake jispjega li għalkemm ir-Riforma Protestanta nqatgħet mill-Knisja Kattolika Rumana hi ma ħelsitx mill-awtorità fundamentali t’Aristotele u taʼ Thomas Aquinas, li l-ħarsa tagħhom kienet aċċettata kemm mill-Kattoliċi u kemm mill-Protestanti.
[Nota taʼ taħt]
c Fejn tidħol ix-xjenza, m’huwiex korrett meta ngħidu “telgħet ix-xemx” u “niżlet ix-xemx.” Imma fid-diskors taʼ kuljum, dawn il-frażijiet huma kemm aċċettabbli kif ukoll eżatti, meta niħduhom mill-perspettiva tagħna fuq l-art. Bl-istess mod, Ġożwè ma kienx qed jitkellem fuq l-astronomija; hu sempliċement kien qed jirrapporta l-ġrajjiet li ra.
[Stampi]
Luteru
Kalvinu
[Sors]
Mill-ktieb Servetus and Calvin, 1877
[Stampa f’paġna 4]
Aristotele
[Sors]
Mill-ktieb A General History for Colleges and High Schools, 1900
[Stampa f’paġna 5]
Thomas Aquinas
[Sors]
Mill-ktieb Encyclopedia of Religious Knowledge, 1855
[Stampa f’paġna 6]
Isaac Newton
[Stampa f’paġna 7]
Madwar 3,000 sena ilu, il-Bibbja ddeskriviet iċ-ċiklu taʼ l-ilma tad-dinja