Ktieb Prattiku għall-Ħajja fi Żmienna
Kotba li joffru l-pariri huma popolari ħafna fid-dinja tal-lum. Imma għandhom it-tendenza li jsiru antikwati u malajr jiġu riveduti jew mibdulin. Xi ngħidu għall-Bibbja? Din tlestiet kważi 2,000 sena ilu. Madankollu, il-messaġġ oriġinali tagħha għadu qatt ma sarlu titjib jew ġie aġġornat. Huwa possibbli li ktieb bħal dan ikun fih gwida prattika għal żmienna?
XI WĦUD jgħidu le. “Ħadd m’hu se jirrikmanda li ktieb tal-kimika li jkun inħareġ fl-1924 jintuża fi klassi moderna tal-kimika,” kiteb Dr. Eli S. Chesen, waqt li spjega għala kien iħoss li l-Bibbja hija antikwata.1 Mid-dehra, dan l-argument jagħmel sens. Wara kollox, il-bniedem tgħallem ħafna dwar is-saħħa mentali u l-imġiba umana minn mindu nkitbet il-Bibbja. Għalhekk ktieb antik bħal dan kif qatt jistaʼ jkun relevanti għall-ħajja fi żmienna?
Prinċipji Għal Kull Żmien
Waqt li huwa veru li ż-żminijiet inbidlu, il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem baqgħu l-istess. In-nies matul l-istorja kellhom bżonn imħabba u affezzjoni. Riedu li jkunu kuntenti u li jgħaddu ħajjiet bi skop. Kellhom bżonn pariri fuq kif ikampaw maʼ pressjonijiet ekonomiċi, kif ikollhom suċċess fiż-żwieġ, u kif irawmu valuri morali u etiċi tajbin f’uliedhom. Il-Bibbja fiha pariri li jittrattaw maʼ dawk il-ħtiġijiet bażiċi.—Koħèlet 3:12, 13; Rumani 12:10; Kolossin 3:18-21; 1 Timotju 6:6-10.
Il-pariri tal-Bibbja jirriflettu konoxxenza akuta tan-natura umana. Ikkunsidra xi ftit eżempji tal-prinċipji speċifiċi tagħha li ma jispiċċaw qatt u li huma prattiċi għall-ħajja fi żmienna.
Gwida Prattika Għaż-Żwieġ
Il-familja, tgħid il-UN Chronicle, “hija l-iktar entità qadima u bażika taʼ l-organizzazzjoni umana; l-iktar ħolqa kruċjali bejn il-ġenerazzjonijiet.” Din il-“ħolqa kruċjali,” madankollu, qiegħda tinħall b’rata allarmanti. “Fid-dinja tal-lum,” tinnota l-Chronicle, “bosta familji jiffaċċjaw sfidi tremendi li jheddu l-abbiltà tagħhom li jiffunzjonaw u, tabilħaqq, li jsalvaw.”2 Liema parir toffri l-Bibbja biex tgħin ħalli tiġi salvata l-familja?
Biex nibdew, il-Bibbja għandha ħafna x’tgħid dwar kif l-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom jittrattaw lil xulxin. Fejn jikkonċerna lill-irġiel, per eżempju, din tgħid: “L-irġiel [għandhom] iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu.” (Korsiv tagħna.) (Efesin 5:28, 29) Il-mara ġiet mogħtija l-parir biex “[i]ġġib rispett lil żewġha.” (Korsiv tagħna.)—Efesin 5:33.
Ikkunsidra x’hemm involut f’li jiġu applikati pariri bħal dawn mill-Bibbja. Raġel li jħobb lil martu ‘bħallikieku ġismu stess’ ma jobgħodhiex u m’huwiex brutali magħha. Ma jsawwathiex fiżikament, u lanqas ma jabbużaha verbalment jew emozzjonalment. Minflok, hu juriha l-istess stima u konsiderazzjoni li juri miegħu nnifsu. (1 Pietru 3:7) Martu b’hekk tħoss li hija maħbuba u protetta fiż-żwieġ tagħha. Hu b’hekk jipprovdi lil uliedu eżempju tajjeb taʼ kif għandhom jiġu ttrattati n-nisa. Mill-banda l-oħra, mara li ġġib “rispett” lil żewġha ma tneżżgħux mid-dinjità tiegħu billi tikkritikah il-ħin kollu jew tumiljah. Minħabba li hi tirrispettah, hu jħossu fdat, aċċettat, u apprezzat.
Huwa parir bħal dan prattiku f’din id-dinja moderna? Huwa interessanti li dawk li l-karriera tagħhom hija li jistudjaw il-familji, illum waslu għal konklużjonijiet simili. Waħda amministratriċi taʼ programm taʼ għoti taʼ pariri lill-familji nnotat: “L-iktar familji sani li naf bihom huma dawk li fihom l-omm u l-missier għandhom relazzjoni b’saħħitha taʼ mħabba bejniethom. . . . Din ir-relazzjoni primarja b’saħħitha donnha li trawwem is-sigurtà fit-tfal.”3
Mal-medda tas-snin, il-pariri tal-Bibbja dwar iż-żwieġ urew li huma ferm iktar taʼ min jorbot fuqhom mill-pariri taʼ numru bla għadd taʼ kunsillieri tal-familja b’intenzjoni tajba. Wara kollox, m’ilux xi żmien twil li ħafna esperti kienu qegħdin jirrikmandaw id-divorzju bħala soluzzjoni pronta u faċli għal żwieġ spjaċevoli. Illum, ħafna minnhom iħeġġu lin-nies biex kemm jistaʼ jkun jaraw li ż-żwieġ tagħhom jirnexxi. Imma din il-bidla ġiet biss wara li laħqet saret ħafna ħsara.
B’kuntrast, il-Bibbja tagħti pariri bilanċjati taʼ min jorbot fuqhom fuq is-suġġett taż-żwieġ. Din tirrikonoxxi li xi ċirkostanzi estremi jippermettu d-divorzju. (Mattew 19:9) Fl-istess ħin, din tikkundanna divorzji fuq il-ħmerijiet. (Malakija 2:14-16) Tikkundanna wkoll l-infedeltà fiż-żwieġ. (Lhud 13:4) Iż-żwieġ, tgħid hi, jinvolvi obbligu: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.”a (Korsiv tagħna.)—Ġenesi 2:24; Mattew 19:5, 6.
Il-pariri tal-Bibbja fuq iż-żwieġ huma daqstant relevanti llum daqs kemm kienu meta nkitbet il-Bibbja. Meta raġel u mara jittrattaw lil xulxin b’imħabba u rispett u jqisu ż-żwieġ bħala relazzjoni esklussiva, iż-żwieġ iktar ikollu ċans li jirnexxi—u miegħu l-familja.
Gwida Prattika Għall-Ġenituri
Bosta għaxriet taʼ snin ilu ħafna ġenituri—imqanqlin minn “ideat ġodda” dwar it-taħriġ tat-tfal—kienu jaħsbu li kien “ipprojbit li tipprojbixxi.”8 Kienu jibżgħu li jekk jimponu limiti fuq it-tfal, dan kien se jikkaġuna trawma u qtigħ il-qalb. Kunsillieri b’intenzjoni tajba fuq it-trobbija tat-tfal kienu qegħdin jinsistu li l-ġenituri ma jagħtux ħlief forsi xi korrezzjoni żgħira lil uliedhom. Imma ħafna minn dawn l-esperti issa qegħdin jikkunsidraw mill-ġdid l-irwol tad-dixxiplina, u ġenituri inkwetati qegħdin ifittxu għal xi forma taʼ gwida ċara fuq dan is-suġġett.
Madankollu, il-Bibbja dejjem offriet pariri ċari u raġonevoli dwar it-trobbija tat-tfal. Kważi 2,000 sena ilu, din qalet: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) In-nom Grieg tradott “dixxiplina” jfisser “trobbija, taħriġ, struzzjoni.”9 Il-Bibbja tgħid li dixxiplina, jew struzzjoni bħal din, hija evidenza taʼ l-imħabba tal-ġenituri. (Proverbji 13:24) It-tfal jiffjorixxu fuq linji taʼ gwida morali ċari u sens żviluppat taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Id-dixxiplina tgħidilhom li l-ġenituri jimpurtahom minnhom u dwar x’tip taʼ persuna qegħdin isiru.
Imma l-awtorità tal-ġenituri—“[i]l-ħatar tat-twiddib”—m’għandha qatt tkun abbużiva.b (Proverbji 22:15; 29:15, Karm Żammit) Il Bibbja twissi lill-ġenituri: “La ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.” (Kolossin 3:21) Din tirrikonoxxi wkoll li l-kastig fiżiku normalment m’huwiex l-iktar metodu effettiv taʼ tagħlim. Proverbji 17:10 jgħid: “Ċanfira waħda tolqot aktar lill-għaqli, minn mitt daqqa lill-iblah.” Barra minn hekk, il-Bibbja tirrikmanda dixxiplina preventiva. F’Dewteronomju 11:19 il-ġenituri huma mħeġġin jieħdu vantaġġ minn mumenti każwali biex inaqqxu valuri morali fit-tfal tagħhom.—Ara wkoll Dewteronomju 6:6, 7.
Il-parir etern tal-Bibbja lill-ġenituri huwa ċar. It-tfal għandhom bżonn taʼ dixxiplina konsistenti u ħanina. L-esperjenza prattika turi li parir bħal dan jiffunzjona tassew.c
Negħlbu L-Ostakli Li Jifirdu Lin-Nies
In-nies illum huma maqsumin ħtija taʼ fruntieri razzjali, nazzjonali, u etniċi. Ħitan artifiċjali bħal dawn ikkontribwew għat-tbiċċir taʼ bnedmin innoċenti fi gwerer madwar id-dinja. Jekk nieħdu l-istorja bħala indikazzjoni, il-prospett li rġiel u nisa taʼ razez u ġnus differenti jqisu u jittrattaw lil xulxin bħala ugwali huwa tabilħaqq remot. “Is-soluzzjoni,” jgħid wieħed statista Afrikan, “hija fi qlubna.”11 Imma li jiġu ttrasformati qlub il-bnedmin m’huwiex faċli. Ikkunsidra, iżda, kif il-messaġġ tal-Bibbja jappella għall-qalb u jinkuraġġixxi attitudnijiet t’ugwaljanza.
It-tagħlim tal-Bibbja li Alla “minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin” ma jħalli lok għal ebda idea taʼ superjorità razzjali. (Atti 17:26) Dan juri li fir-realtà hemm biss razza waħda—ir-razza umana. Il-Bibbja tinkuraġġina wkoll biex ‘nixbhu lil Alla,’ li dwaru tgħid: “[Hu] ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Efesin 5:1; Atti 10:34, 35) Għal dawk li jieħdu l-Bibbja bis-serjetà u li verament ifittxu li jgħixu mat-tagħlim tagħha, dan l-għarfien għandu effett li jgħaqqad. Jaħdem fuq l-iktar livell profond, fil-qalb umana, billi jxolji l-ostakli maħluqin mill-bniedem li jifirdu lin-nies. Ikkunsidra eżempju wieħed.
Meta Hitler kien qiegħed jiggwerra maʼ l-Ewropa kollha, kien hemm grupp wieħed taʼ Kristjani—Xhieda taʼ Jehovah—li għall-ebda raġuni ma riedu jingħaqdu miegħu fit-tbiċċir taʼ bnedmin innoċenti. Huma ma kinux se ‘jerfgħu x-xabla’ kontra għajrhom. Ħadu din il-waqfa minħabba x-xewqa tagħhom li jogħġbu ’l Alla. (Isaija 2:3, 4; Mikea 4:3, 5) Huma emmnu verament dak li tgħallem il-Bibbja—li ebda ġens jew razza m’huma aħjar minn oħrajn. (Galatin 3:28) Minħabba l-waqfa tagħhom sforz l-imħabba għall-paċi, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu fost l-ewwel nies li ġew internati fil-kampijiet taʼ konċentrament.—Rumani 12:18.
Imma mhux kull min kien jistqarr li qiegħed isegwi l-Bibbja ħa din il-waqfa. Ftit wara t-II Gwerra Dinjija, Martin Niemöller, qassis Protestant Ġermaniż, kiteb: “Kull min irid jitfaʼ l-ħtija fuq Alla għall-[gwerer] ma jafx, jew ma jridx ikun jaf, il-kelma t’Alla. . . . Il-knejjes Kristjani, matul iż-żminijiet, ripetutament ikkommettew ruħhom biex ibierku l-gwerer, it-truppi, u l-armamenti u . . . talbu b’mod li xejn ma kien Kristjan għall-qerda taʼ l-għedewwa tagħhom fil-gwerra. Dan kollu huwa t-tort tagħna u taʼ missirijietna, imma Alla ma jaħti bl-ebda mod. U aħna l-Kristjani tal-lum għandna għalfejn nistħu quddiem dik li jsejħulha setta bħalma hi dik taʼ l-Istudenti Serji tal-Bibbja [Ix-Xhieda taʼ Jehovah], li bil-mijiet u bl-eluf marru fil-kampijiet taʼ konċentrament u [saħansitra] mietu għax m’aċċettawx servizz militari u rrifjutaw li jisparaw fuq il-bnedmin.”12
Sal-ġurnata tal-lum, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew għall-fratellanza tagħhom, li tgħaqqad Għarab u Lhud, Kroati u Serbi, Ħutu u Tutsi. Madankollu, ix-Xhieda jirrikonoxxu bla tlaqliq li din l-unità hija possibbli, mhux għax huma aħjar minn oħrajn, imma għax huma mmotivati bil-qawwa tal-messaġġ tal-Bibbja.—1 Tessalonikin 2:13.
Gwida Prattika Li Tippromwovi Saħħa Mentali Tajba
Is-saħħa fiżika taʼ persuna spiss tiġi effettwata mill-istat tas-saħħa mentali u emozzjonali tagħha. Per eżempju, studji xjentifiċi stabbilew l-effetti dannużi tar-rabja. “Il-biċċa l-kbira taʼ l-evidenza li għandna tissuġġerixxi li nies ostili qegħdin f’riskju akbar taʼ mard kardjovaskulari (kif ukoll mard ieħor) għal bosta raġunijiet diversi, li jinkludu nuqqas taʼ ħbieb, żjieda f’reazzjonijiet bijoloġiċi meta wieħed ikun mgħaddab, u żjieda f’li wieħed jingħata għal imġiba riskjuża għas-saħħa,” jgħidu Dr. Redford Williams, Direttur tar-Riċerka fuq l-Imġiba fid-Duke University Medical Center, u martu, Virginia Williams, fil-ktieb tagħhom Anger Kills.13
Eluf taʼ snin qabel dawn l-istudji xjentifiċi, il-Bibbja, b’termini sempliċi imma ċari, għamlet konnessjoni bejn l-istat emozzjonali tagħna u s-saħħa fiżika tagħna: “Mistrieħ il-moħħ hu ħajja għall-ġisem, imma l-għira tħassarlu l-għadam.” (Proverbji 14:30; 17:22) B’mod għaqli, il-Bibbja tat il-parir: “Ħallik mill-korla u la tirrabjax,” u “Tħallix il-korla tikbes malajr f’qalbek.”—Salm 37:8; Koħèlet 7:9.[19]
Il-Bibbja fiha wkoll pariri sensibbli biex titrażżan ir-rabja. Per eżempju, Proverbji 19:11 jgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.” Il-kelma Ebrajka għal “għaqal” hija meħuda minn verb li jiġbed l-attenzjoni lejn “għarfien tar-raġuni” għal xi ħaġa.14 Il-parir għaqli huwa: “Aħseb qabel ma taġixxi.” Li wieħed jipprova jifhem ir-raġunijiet bażiċi għala oħrajn jitkellmu jew jaġixxu b’ċerta manjiera jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex ikun iktar tolleranti—u inqas inklinat għar-rabja.—Proverbji 14:29.
Daqsxejn taʼ parir prattiku ieħor jinsab f’Kolossin 3:13, li jgħid: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin.” Irritazzjonijiet żgħar huma parti mill-ħajja. L-espressjoni “stabru b’xulxin” tissuġġerixxi li nittolleraw l-affarijiet li nobogħdu f’oħrajn. “Aħfru” tfisser li ma nibqgħux iffastidjati. Xi drabi jkun għaqli li nwarrbu sentimenti ħorox minflok ma nżommuhom ġewwa fina; li nibqgħu mgħaddbin jistaʼ biss iżid mat-tagħbija tagħna.—Ara l-kaxxa “Gwida Prattika Għal Relazzjonijiet Umani.”
Illum, hemm bosta sorsi taʼ pariri u gwida. Imma l-Bibbja hija tassew unika. Il-pariri tagħha m’humiex sempliċement teoriji, u lanqas m’huma l-pariri tagħha qatt se jaħdmu għad-detriment tagħna. Minflok, l-għerf tagħha wera biċ-ċar li kien ‘taʼ min joqgħod fuqu.’ (Salm 93:5) Iktar minn hekk, il-pariri tal-Bibbja huma għal kull żmien. Għalkemm tlestiet kważi 2,000 sena ilu, il-kliem tagħha għadu japplika sal-lum. U japplika bl-istess effett minkejja l-kulur tal-ġilda tagħna jew il-pajjiż fejn ngħixu. Il-kliem tal-Bibbja għandu wkoll il-qawwa—il-qawwa li jbiddel lin-nies għall-aħjar. (Lhud 4:12) Li taqra dak il-ktieb u tapplika l-prinċipji tiegħu jistaʼ b’hekk iżewwaq il-kwalità taʼ ħajtek.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Ebrajka da·vaqʹ, hawn tradotta “jingħaqad,” “iġġorr is-sens taʼ li wieħed jaqbad maʼ xi ħadd b’affezzjoni u lealtà.”4 Bil-Grieg, il-kelma tradotta “jingħaqad” f’Mattew 19:5 hija relatata mal-kelma li tfisser “tinkolla,” “tgħaqqad bis-siment,” “twaħħal sew maʼ xulxin.”5
b Fi żminijiet Bibliċi, il-kelma “ħatar” (Ebrajk, sheʹvet) kienet tfisser “għasluġ” jew “bastun,” bħal dak użat minn ragħaj.10 F’dan il-kuntest il-ħatar taʼ l-awtorità jissuġġerixxi gwida ħanina, mhux brutalità ħarxa.—Qabbel Salm 23:4.
c Ara l-kapitli “Ħarreġ Lit-Tfal Tiegħek Mill-Infanzja,” “Għin Lill-Adolexxent Tiegħek Biex Jiffjorixxi,” “Hemm Xi Ribell Fid-Dar?”, u “Ipproteġi Lill-Familja Tiegħek Minn Influwenzi Distruttivi” fil-ktieb Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kumment f’paġna 24]
Il-Bibbja toffri pariri ċari u raġonevoli fuq il-ħajja tal-familja
[Kaxxa f’paġna 23]
Karatteristiċi taʼ Familji f’Saħħithom
Bosta snin ilu wieħed edukatur u speċjalista tal-familja kkonduċa stħarriġ estensiv li fih iktar minn 500 persuna professjonali li jaħdmu mal-familji ntalbu biex jikkummentaw fuq ix-xejriet li kienu osservaw ġo familji “f’saħħithom.” Kienet ħaġa taʼ interess li fost l-iktar xejriet komuni li tniżżlu fil-lista kien hemm affarijiet li kienu ġew irrikmandati fil-Bibbja żmien twil ilu.
Drawwiet tajbin taʼ komunikazzjoni kienu fil-quċċata tal-lista, u dawn kienu jinkludu metodi effettivi taʼ kif kienu jittranġaw id-differenzi. Regola komuni li nstabet ġo familji f’saħħithom hija li “ħadd ma jmur jorqod irrabjat għal ħaddieħor,” innotat l-awtriċi taʼ dan l-istħarriġ.6 Madankollu, ’il fuq minn 1,900 sena ilu, il-Bibbja tat il-parir: “Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.” (Efesin 4:26) Fi żminijiet Bibliċi l-ġranet kienu jitqiesu minn inżul ix-xemx sa nżul ix-xemx. Mela, ferm qabel ma l-esperti moderni studjaw il-familji, il-Bibbja b’għaqal wissiet: Irranġaw malajr kwestjonijiet li joħolqu l-frid—qabel ma jintemm il-jum u jibda ieħor.
Familji f’saħħithom “ma jaqilgħux suġġetti taʼ natura splussiva dlonk qabel ma joħorġu jew qabel ma jorqdu,” skopriet l-awtriċi. “Għal darba wara l-oħra kont nismaʼ l-frażi ‘l-waqt.’”7 Dawn il-familji mingħajr ma jafu kienu qegħdin jidwu l-proverbju tal-Bibbja ddokumentat iktar minn 2,700 sena ilu: “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.” (Korsiv tagħna.) (Proverbji 15:23; 25:11) Din it-tixbieha tistaʼ qed talludi għal ornamenti tad-deheb f’għamla taʼ tuffieħ imqiegħed fuq platti kbar tal-fidda li jkunu ġew inċiżi—oġġetti sbieħ u taʼ valur fi żminijiet Bibliċi. Din iġġorr l-idea tas-sbuħija u l-valur taʼ kliem imlissen f’waqtu. F’ċirkostanzi stressanti, il-kliem xieraq li jintqal fil-waqt xieraq m’hemmx prezzu.—Proverbji 10:19.
[Kaxxa f’paġna 26]
Gwida Prattika Għal Relazzjonijiet Umani
“Triegħdu bil-biżaʼ [“kunu aġitati,” “NW”], u la tidinbux; aħsbu f’qalbkom billejl, u isktu!” (Salm 4:5 [4:4, “NW”]) Fil-biċċa l-kbira tal-każi li jinvolvu offiżi żgħar, għandu mnejn ikun għaqli li wieħed iliġġem ilsienu, u b’hekk tiġi evitata konfrontazzjoni emozzjonali.
“Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Aħseb qabel titkellem. Kliem mhux maħsub jistaʼ jweġġaʼ lil oħrajn u joqtol il-ħbiberiji.
“Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla, kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Proverbji 15:1) Li wieħed iwieġeb bil-ħlewwa jirrikjedi li jikkontrolla lilu nnifsu, imma korsa bħal din spiss twitti l-problemi, u tippromwovi relazzjonijiet paċifiċi.
“Il-bidu tal-ġlied bħal żbroff taʼ l-ilma, warrab qabel tibda xi ġlieda.” (Proverbji 17:14) Ikun għaqli li twarrab minn sitwazzjoni provokanti qabel ma titlef it-tempra.
“Tħallix il-korla tikbes malajr f’qalbek, għax f’qalb il-boloh tbejjet il-korla.” (Koħèlet 7:9) L-emozzjonijiet spiss jiġu qabel l-azzjonijiet. Min jgħaġġel biex jiffastidja ruħu huwa iblah, għax il-korsa tiegħu tistaʼ twassal għal kliem jew azzjonijiet bl-addoċċ.
[Stampa f’paġna 25]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu fost l-ewwel nies internati fil-kampijiet taʼ konċentrament