Il-Kontenut tal-Ktieb
Persuna li tidħol f’librerija għall-ewwel darba għandha mnejn tistagħġeb bil-fillieri sħaħ taʼ kotba. Imma bi ftit taʼ spjegazzjoni dwar kif inhuma rranġati l-kotba, malajr issir taf kif tistaʼ ssib l-affarijiet. Bl-istess mod, li ssir midħla tal-Bibbja jkun iktar faċli meta tifhem kif inhu mqassam il-kontenut tagħha.
IL-KELMA “Bibbja” ġejja mill-kelma Griega bi·bliʹa, li tfisser “rombli tal-papiru” jew “kotba.”1 Il-Bibbja hija attwalment kollezzjoni—librerija—taʼ 66 ktieb individwali, li l-kitba tagħhom kellha medda taʼ madwar 1,600 sena, mis-sena 1513 Q.E.K. sa madwar is-sena 98 E.K.
L-ewwel 39 ktieb, madwar tliet kwarti mill-kontenut tal-Bibbja, huma magħrufin bħala l-Iskrittura Ebrajka, ladarba nkitbu fil-biċċa l-kbira b’dik il-lingwa. Dawn il-kotba jistgħu ġeneralment jinqasmu fi tliet gruppi: (1) Storiċi, Ġenesi sa Ester, 17-il ktieb; (2) Poetiċi, Ġob sa L-Għanja taʼ l-Għanjiet, 5 kotba; u (3) Profetiċi, Isaija sa Malakija, 17-il ktieb. L-Iskrittura Ebrajka tkopri l-istorja bikrija taʼ l-art u tal-bniedem kif ukoll l-istorja tal-ġens antik taʼ Iżrael mit-twaqqif tiegħu sal-ħames seklu Q.E.K.
Is-27 ktieb li fadal huma magħrufin bħala l-Iskrittura Griega Kristjana, għax inkitbu bil-Grieg, il-lingwa internazzjonali taʼ dak iż-żmien. Bażikament huma rranġati skond is-suġġetti: (1) il-5 kotba storiċi—il-Vanġeli u l-Atti, (2) il-21 ittra, u (3) l-Apokalissi (Rivelazzjoni). L-Iskrittura Griega Kristjana tiffoka fuq it-tagħlim u l-attivitajiet taʼ Ġesù Kristu u d-dixxipli tiegħu fl-ewwel seklu E.K.