LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 1 pp. 5-13
  • Il-Messaġġi taʼ Ġeħova għall-Imgħoddi u għal-Lum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Messaġġi taʼ Ġeħova għall-Imgħoddi u għal-Lum
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • HUMA L-“PROFETI Ż-ŻGĦAR” TASSEW INQAS IMPORTANTI?
  • F’LIEMA SENS HUMA PROFETIĊI?
  • KIF TIBBENEFIKA
  • Kun Af lil Ġeħova u Aqdih
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Alla Jistaʼ Jgħinek Tipprepara għall-Jum il-Kbir Tiegħu
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Il-Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 1 pp. 5-13

KAPITLU WIEĦED

Il-Messaġġi taʼ Ġeħova għall-Imgħoddi u għal-Lum

1, 2. Xi wħud kif fittxew għal teżori moħbijin, imma x’jistaʼ jgħinek biex ikollok ħajja pjaċevoli?

MATUL is-snin, ħafna nies ħolmu li jsibu teżori moħbijin. Qatt qrajt rakkonti storiċi dwar esploraturi, arkeoloġi, u oħrajn li fittxew fir-realtà għal dan it-tip taʼ teżori? Waqt li int forsi m’intix se tagħmel personalment tfittxija bħal din, xi ngħidu kieku kellek tassew issib teżor? Kemm ikun premjanti li kieku dan it-teżor ikun jistaʼ jtejjiblek ħajtek jew jagħmilhielek iktar pjaċevoli u taʼ suċċess!

2 Ħafna nies qatt ma jmorru jfittxu teżori letterali, imma huma għandhom mnejn ifittxu l-hena billi jiġru wara l-flus, jistinkaw biex ikollhom saħħa tajba u żwieġ hieni, teżori li ma tistax issibhom billi tħaffer fl-art. Lanqas m’hemm mappa letterali li turik mnejn għandek tgħaddi biex issib dawn it-teżori. Bħalma taf sew, hemm bżonn li jsir sforz biex dawn jinkisbu. Dan hu għala ħafna jħossuhom grati meta jingħataw pariri prattiċi dwar kif jistgħu jilħqu l-miri tagħhom u jagħmlu ħajjithom iktar pjaċevoli u waħda li tirnexxi.

3, 4. Fejn tistaʼ ssib gwida prattika dwar kif għandek tgħix?

3 Fil-fatt int għandek disponibbli għalik sors taʼ pariri utli, gwida li diġà għenet lil oħrajn ikunu kuntenti. Il-Bibbja toffri l-aqwa pariri dwar il-ħajja, bħalma rrealizzaw ħafna wħud. Charles Dickens, awtur Ingliż, innota dwar il-Bibbja: “Hija l-aqwa ktieb li qatt eżista jew li qatt jistaʼ jeżisti fid-dinja . . . għaliex jgħallmek l-aqwa tagħlim li bih kwalunkwe ħolqien uman . . . jistaʼ jiġi gwidat.”

4 Dan il-kliem żgur li ma jissorprendix lil dawk kollha li jqisu l-Bibbja bħala li hija ispirata minn Alla. X’aktarx li int taċċetta l-assiguranza li naqraw fit-​2 Timotju 3:16: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa.” Fi kliem ieħor, il-Bibbja fiha informazzjoni tassew utli li tistaʼ turi lin-nies kif għandhom jgħixu minkejja l-problemi komplikati tad-dinja taʼ llum. Dawk li jimxu skond dak li tgħid il-Bibbja jistgħu jaslu biex ikollhom ħajja li hija verament iktar pjaċevoli u taʼ suċċess.

5-7. F’liema partijiet mill-Bibbja għandek mnejn tfittex għal gwida li tistaʼ tibbenefika minnha?

5 Madankollu, liema partijiet mill-Bibbja jiġuk f’moħħok bħala dawk li fihom tistaʼ ssib pariri prattiċi? Xi wħud tiġihom f’moħħhom il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, li fiha Ġesù ta pariri prattiċi dwar diversi aspetti tal-ħajja taʼ kuljum. Oħrajn se jiftakru fil-kitbiet taʼ l-appostlu Pawlu. U kulħadd jistaʼ jsib pariri utli fil-kotba tas-Salmi u tal-Proverbji—kotba mimlijin għerf. Fir-realtà, dejjem skond is-sitwazzjoni tiegħek jew l-isfidi li tkun qed tiffaċċja, kwalunkwe ktieb fil-Bibbja jistaʼ jkun utli, anki l-kotba Bibliċi li fil-maġġor parti huma storiċi, bħall-kotba minn Ġożwè sa Ester. L-istorja tagħhom fiha lezzjonijiet taʼ twissija għal kulmin qed jipprova jkun hieni hu u jaqdi lil Alla. (1 Korintin 10:11) Iva, dawn il-kotba fihom pariri li tistaʼ tużahom biex jiggwidawlek il-passi tiegħek u jġibulek suċċess f’ħajtek. Ftakar f’din l-istqarrija vera: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.”—Rumani 15:4; Ġożwè 1:8; 1 Kronaki 28:8, 9.

6 Madankollu, hemm sezzjoni fil-Bibbja li tistaʼ tgħid li ħafna qatt m’eżaminawha u li fiha jistgħu jinstabu ħafna teżori. Dawn it-12-il ktieb bħala grupp spiss jissejħu l-Profeti ż-Żgħar. Dawn ġeneralment issibhom wara l-kotba Bibliċi akbar t’​Eżekjel u Danjel imma qabel l-Evanġelju taʼ Mattew. (Ħafna Bibbji għandhom it-12-il ktieb f’dan l-ordni: Ħosea, Ġoel, Għamos, Għobadija, Ġona, Mikea, Naħum, Ħabakkuk, Sofonija, Ħaggaj, Żakkarija, u Malakija.) Bħalma rajna, il-Bibbja hija ispirata minn Alla, u hija utli biex tgħallem u biex turi lin-nies kif għandhom jgħixu. Nistgħu ngħidu l-istess dwar dawn il-kotba?

7 Dażgur li iva! Fil-fatt, l-hekk imsejħin Profeti ż-Żgħar fihom teżori li huma tassew utli biex juruna kif għandna ngħixu llum. Biex tifhem għala xi wħud ma jeżaminawx dawn il-kotba, ikkunsidra t-titlu li jingħataw dawn it-12-il ktieb f’ħafna lingwi: il-Profeti ż-Żgħar. Jistaʼ jkun li dan it-terminu fih innifsu jeffettwa l-mod kif in-nies iħarsu lejn dawn il-kotba? Huwa possibbli li dan it-titlu b’xi mod jew ieħor effettwa saħansitra l-ħarsa tiegħek?

HUMA L-“PROFETI Ż-ŻGĦAR” TASSEW INQAS IMPORTANTI?

8. (a) Liema hu mezz importanti li permezz tiegħu Ġeħova pprovda direzzjoni? (b) Spiss it-12-il ktieb li qed niddiskutu x’jissejħu, imma t-terminu xi jfisser?

8 L-appostlu Pawlu beda l-ittra tiegħu lill-​Ebrej: “Alla, li żmien twil ilu kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna modi permezz tal-profeti, fi tmiem dan iż-żmien kellem lilna permezz taʼ Iben.” (Ebrej 1:1, 2) Ladarba Alla kien qed juża lill-profeti umani biex iwassal il-messaġġi tiegħu, aħna żgur li m’għandniex inqisuhom bħala taʼ ftit importanza dawk il-messaġġiera jew dak li kitbu. Minkejja dan, it-titlu “Profeti ż-Żgħar” wassal lil xi wħud biex iħarsu lejn il-kontenut tal-kotba bħala li hu inqas importanti. Oħrajn ikkonkludew li l-messaġġi f’dawn il-kotba għandhom inqas awtorità minn kotba oħrajn fil-Bibbja. Però, fir-realtà l-isem “Profeti ż-Żgħar”a kif jintuża f’ħafna lingwi jirreferi sempliċement għall-fatt li dawn it-12-il ktieb huma iqsar minn oħrajn.

9. Għala t-tul taʼ ktieb Bibliku ma jindikax il-valur tiegħu?

9 Il-fatt li ktieb Bibliku huwa qasir ma jindikax l-importanza jew il-valur tiegħu għalik. Il-ktieb taʼ Rut huwa ħafna iqsar mill-kotba taʼ qablu u taʼ warajh, però, kemm tistaʼ ssib informazzjoni fih li tmiss il-qalb! Dan il-ktieb qasir jenfasizza l-lealtà li għandu jkollna lejn il-qima vera, juri kemm Alla japprezza bil-kbir lin-nisa, u jipprovdi dettalji vitali dwar id-dixxendenza taʼ Ġesù. (Rut 4:17-22) Biex inġibu eżempju ieħor, lejn l-aħħar tal-Bibbja ssib il-ktieb taʼ Ġuda. Dan il-ktieb tant hu qasir li f’xi Bibbji stampati lanqas jimla paġna waħda. Xorta waħda, fih issib informazzjoni u gwida imprezzabbli: il-mod kif Alla ttratta maʼ l-anġli l-ħżiena, twissijiet dwar irġiel korrotti li jidħlu baxx baxx fil-kongregazzjoni, u inkuraġġiment biex nitqabdu sew għall-fidi! Bl-istess mod, tistaʼ tibqaʼ ċert li l-kotba taʼ l-hekk imsejħin “Profeti ż-Żgħar,” għalkemm huma qosra, la huma inqas importanti fil-kontenut u lanqas m’huma taʼ inqas valur għalik.

F’LIEMA SENS HUMA PROFETIĊI?

10, 11. (a) Xi wħud dwar xiex jaħsbu meta jisimgħu t-terminu “profeti”? (b) Skond il-Bibbja, min kienu l-profeti, u x’għamlu?

10 Aspett ieħor li għandu jiġi kunsidrat jinvolvi t-termini “profeti” u “profetiċi.” Dan il-kliem jistaʼ jġiblek f’moħħok it-tbassir dwar il-futur. Ħafna nies jimmaġinaw li profeta huwa biss xi ħadd li jbassar xi jkun ġej fil-futur, forsi bi kliem misterjuż li jistaʼ jiġi interpretat b’ħafna modi. Dan jeffettwa kif xi wħud iħarsu lejn dawn it-12-il ktieb.

11 Huwa minnu li hekk kif taqra dawn it-12-il ktieb, malajr se tara li fihom ħafna tbassir, u ħafna minnu jittratta dwar il-miġja tal-jum il-kbir taʼ Ġeħova. Dan jaqbel mas-sens bażiku tal-kelma “profeta.” Profeta kien wieħed li kellu relazzjoni intima m’Alla u li spiss kien jikxef dak li jkun se jseħħ. Minn Enok ’il quddiem kien hemm ħafna profeti Bibliċi li bassru l-futur.—1 Samwel 3:1, 11-14; 1 Slaten 17:1; Ġeremija 23:18; Atti 3:18; Ġuda 14, 15.

12. Kif tistaʼ turi li l-fatt li wieħed ikun profeta kien ifisser iktar milli sempliċement ibassar x’se jiġri?

12 Iżda tajjeb li niftakru li l-irwol tal-profeti taʼ Ġeħova ma kienx biss li jlissnu tbassir divin. Alla spiss uża l-profeti bħala kelliema biex jgħidu lil oħrajn x’kienet ir-rieda tiegħu. Per eżempju, għandna mnejn ma naħsbux dwar Abraham, Iżakk, u Ġakobb bħala wħud li bassru l-futur, imma Salm 105:9-15 jgħid li huma profeti. Kultant, Alla użahom biex jikxef xi ħaġa dwar il-futur, bħal meta Ġakobb bierek lil uliedu. Imma dawn il-patrijarki kienu wkoll qed jagħmluha taʼ profeti meta informaw lill-familji tagħhom dwar dak li qal Ġeħova rigward l-irwol tagħhom fl-iskop Tiegħu. (Ġenesi 20:7; 49:1-28) Indikazzjoni oħra tat-tifsir tat-terminu Bibliku “profeta” hi l-fatt li Aron qeda bħala profeta għal Mosè. Aron wettaq l-irwol taʼ profeta billi kien kelliemi, jew “fomm,” għal Mosè.—Eżodu 4:16; 7:1, 2; Luqa 1:17, 76.

13, 14. (a) Uri kif il-profeti għamlu iktar milli sempliċement qalu xi tbassir. (b) Kif tistaʼ tibbenefika mill-fatt li tkun taf li l-profeti taw iktar minn sempliċi tbassir?

13 Aħseb ukoll dwar il-profeti Samwel u Natan. (2 Samwel 12:25; Atti 3:24; 13:20) Ġeħova użahom it-tnejn biex jiddikjara dak li kien se jiġri fil-futur, imma hu użahom ukoll bħala profeti b’modi oħrajn. Bħala profeta, Samwel ħeġġeġ lill-Israelin biex jabbandunaw il-qima taʼ l-idoli u jerġgħu jibdew jipprattikaw il-qima pura. U hu ddikjara l-ġudizzju t’Alla kontra s-Sultan Sawl, li minnu nistgħu nitgħallmu li Ġeħova japprezza l-ubbidjenza iktar mis-sagrifiċċji materjali. Iva, il-fatt li Samwel kien profeta inkluda li jgħid x’inhi l-ħarsa t’Alla dwar il-mod xieraq kif wieħed għandu jgħix. (1 Samwel 7:3, 4; 15:22) Il-profeta Natan bassar li Salamun kien se jibni t-tempju u li s-saltna tiegħu kienet se tkun stabbilita fis-sod. (2 Samwel 7:2, 11-16) Imma Natan kien qed jaġixxi wkoll taʼ profeta meta ġibed l-attenzjoni taʼ David għad-dnub tiegħu maʼ Batseba u kontra Urija. Min jistaʼ jinsa kif Natan kixef l-adulterju taʼ David—it-tixbiha taʼ raġel għani li ħa l-ħarufa maħbuba u unika taʼ raġel fqir? Ukoll, Natan kellu rwol f’li jorganizza l-qima vera fis-santwarju t’Alla.—2 Samwel 12:1-7; 2 Kronaki 29:25.

14 Il-punt hu li m’għandniex inħarsu lejn il-messaġġi f’dawn il-kotba profetiċi bħala li huma tbassir biss—tbassir dwar il-futur. Dawn fihom kliem divin dwar ħafna affarijiet oħrajn, inkluż dehen mill-aqwa dwar kif il-poplu t’Alla suppost li kellu jgħix dak iż-żmien u dwar kif aħna għandna ngħixu llum. Fil-fatt, aħna żgurati li dak li nsibu fil-Bibbja, inkluż dawn it-12-il ktieb, huwa tassew utli u prattiku, u jgħin lin-nies jaraw liema hu l-aħjar mod kif jgħixu. Dawn il-kotba ispirati joffrulna gwida taʼ valur li tistaʼ tgħinna “ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema.”—Titu 2:12.

KIF TIBBENEFIKA

15, 16. (a) Liema element figurattiv tistaʼ ssib fit-terminu l-“Profeti ż-Żgħar”? (b) Liema deskrizzjonijiet profetiċi jinsabu f’dawn il-kotba?

15 Hemm ħafna modi kif nistgħu nibbenefikaw meta naqraw il-Kelma ispirata t’Alla. Xi kotba tal-Bibbja jgħidulna x’seħħ f’ċertu żmien, u oħrajn huma poetiċi, kull wieħed b’valur uniku għalih. F’kotba Bibliċi oħrajn jispikka l-element figurattiv, jew simboliku, bħalma hu l-każ taʼ dawn it-12-il ktieb. Per eżempju, Ġesù rrefera għal ġrajjiet imniżżlin fil-ktieb taʼ Ġona meta qal: “Ġenerazzjoni mill-agħar u adultera tibqaʼ tfittex sinjal, imma ebda sinjal ma jingħatalha ħlief dak tal-profeta Ġona. Għax bħalma Ġona dam tlett ijiem u tliet iljieli f’żaqq ħuta kbira, hekk Bin il-bniedem idum tlett ijiem u tliet iljieli fil-qalba taʼ l-art. L-irġiel taʼ Ninwe jqumu fil-ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u jikkundannawha; għax huma nidmu għal dak li ppriedka Ġona, imma, ara, xi ħadd akbar minn Ġona qiegħed hawn.”—Mattew 12:39-41.

16 Jidher ċar li fil-ktieb taʼ Ġona, Ġesù ra ħafna iktar minn sempliċi dokumentazzjoni storika tal-mod kif Alla ttratta maʼ Ġona, l-attività tal-profeta f’Ninwe, u r-riżultat meta Ġona xandar il-messaġġ taʼ twissija t’Alla. Ġesù rrealizza li l-profeta Ġona kellu rwol figurattiv, li pponta lejn Ġesù, lejn mewtu, u l-irxoxt tiegħu fit-tielet jum. Iktar minn hekk, ir-reazzjoni tan-Ninwin ippreżentat kuntrast—kuntrast maʼ kif wieġbu ħafna Lhud għall-ippridkar u l-għemejjel taʼ Ġesù. (Mattew 16:4) Għalhekk, aħna nifhmu li dawn it-12-il ktieb fihom deskrizzjonijiet jew korrispondenzi profetiċi dwar kif Alla jittratta mal-poplu tiegħu llum. Studju bħal dan huwa tassew interessanti u taʼ valur.b

17. Dan il-ktieb b’liema mod jiddiskuti t-12-il ktieb?

17 Madankollu, il-metodu użat f’dan il-ktieb m’huwiex studju tas-sinifikat figurattiv, jew simboliku, tal-ktieb taʼ Ġona u lanqas tal-11-il ktieb l-ieħor. Lanqas m’aħna se nistudjaw dan il-ktieb billi neżaminaw il-kotba vers b’vers. Minflok, l-enfasi hi primarjament fuq l-informazzjoni li tinsab f’dawn il-kotba u li nistgħu napplikawha fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Staqsi lilek innifsek: ‘F’dawn it-12-il ktieb, liema parir utli jew divin jipprovdili Ġeħova? Kif jistgħu dawn il-kotba jgħinuni “ngħix sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema”? X’jgħallmuni dwar il-ħajja u l-moralità Kristjana, il-ħajja tal-familja, u l-attitudnijiet f’dawn iż-żminijiet kritiċi, ladarba “ġej il-jum taʼ Ġeħova, għax hu qrib”?’ (Titu 2:12; Ġoel 2:1; 2 Timotju 3:1) Hekk kif issib tweġibiet sodisfaċenti, x’aktarx li se tiskopri versi li se tgħożż, versi li ma kontx tużahom qabel meta turi pariri Bibliċi lil ħaddieħor. B’dan il-mod, żgur li se tkabbar il-ħażna tiegħek taʼ siltiet Bibliċi taʼ valur.—Luqa 24:45.

18. Kif inhu mħejji dan il-ktieb, u kif tistaʼ tibbenefika minn dak li fih?

18 Il-kapitli taʼ dan il-ktieb huma miġburin f’erbaʼ sezzjonijiet. Ipprova ħu idea taʼ kull sezzjoni malli tibdieha. F’kull wieħed mit-13-il kapitlu taʼ wara dan, se ssib żewġ kaxxi mħejjijin apposta biex jgħinuk tiftakar dak li tkun tgħallimt. Il-mistoqsijiet f’dawn il-kaxxi se jippermettulek timmedita dwar dak li qrajt u tirrifletti dwar il-valur tiegħu u kif tistaʼ tapplikah. L-ewwel kaxxa tinsab lejn in-nofs tal-kapitlu. Meta tasal għal din il-kaxxa, ikkunsidra l-mistoqsijiet li fiha. Jekk tagħmel dan se tiġi megħjun biex iddaħħal fil-fond taʼ qalbek dak li tkun għadek kif studjajt. (Mattew 13:8, 9, 23; 15:10; Luqa 2:19; 8:15) It-tieni kaxxa se tippermettilek tirrifletti dwar dak li qrajt fl-aħħar parti tal-kapitlu u taħżnu sew fil-memorja tiegħek. Għalhekk, warrab il-ħin biex tistudja dawn il-kaxxi. Dawn jistgħu verament ikunu għodod li juruk liema huma xi modi prattiċi li bihom tistaʼ tibbenefika minn dak li tkun qed tikkunsidra.

19. X’għandek iżżomm f’moħħok l-ewwel dwar it-12-il ktieb?

19 Biex tħejji ruħek għal dak li ġej, staqsi lilek innifsek x’taf dwar il-kontenut taʼ kull wieħed minn dawn it-12-il ktieb. Alla permezz taʼ min ipprovda dawn il-messaġġi, u x’tip taʼ rġiel kienu? F’liema perijodi differenti taʼ żmien għexu, u f’liema sitwazzjonijiet qdew bħala profeti? (Il-linja kronoloġika f’paġni 20 u 21 se tkun t’għajnuna kbira; irreferi għaliha spiss int u tistudja l-kapitli li jmiss.) X’kien il-messaġġ jew kif kien japplika meta nkitbu dawn il-kotba, u l-fatt li tkun taf dan kif jistaʼ jgħinek tara l-materjal fil-kuntest? Il-kapitlu li jmiss se jgħinek twieġeb dawn il-mistoqsijiet fundamentali.

a L-Encyclopaedia Judaica tgħid li dan it-terminu “donnu li huwa bbażat fuq it-terminu Latin li ntuża fil-Vulgata (Prophetae Minores). L-aġġettiv ‘żgħar’ fit-titlu l-‘Profeti ż-Żgħar’ m’huwiex paragun bejn l-importanza tat-12-il profeta u bejn il-profeti Isaija, Ġeremija, u Eżekjel, imma minflok jirreferi għad-daqs tagħhom li huwa ħafna iżgħar.”—It-12-il Volum, paġna 49.

b Bħala eżempju, ara kif Alla ttratta mal-poplu fi żmien Ħaggaj u Żakkarija fil-ktieb Paradise Restored to Mankind—By Theocracy! pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat.

BENEFIĊĊJI GĦALIK

  • Liema ideat żbaljati rigward il-“Profeti ż-Żgħar” għandek tevita?—Rumani 15:4.

  • Għala tistaʼ tistenna li tibbenefika jekk teżamina t-12-il ktieb profetiku?—2 Timotju 3:16.

  • Lejn xiex tistaʼ tħares ’il quddiem int u tikkunsidra dawn il-kotba?—1 Tessalonikin 2:13.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja