LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 2 pp. 14-28
  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • 12-IL PROFETA FI ŻMIENHOM
  • JISSIELTU BIEX ISALVAW ĠNUS STINATI
  • JANTIĊIPAW KRIŻI LI RIESQA
  • MESSAĠĠI LI JIMMOTIVAW, IFARRĠU, U JWISSU
  • JISTENNA L-​MESSIJA
  • Il-Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Ġeħova—L-Alla li Jbassar u Jwettaq
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • “Xandru Dan Fost il-Ġnus”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Slaten Tajbin u Slaten Ħżiena
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 2 pp. 14-28

Kapitlu Tnejn

Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna

1. Għala għandek tkun interessat fit-​12-il profeta li kitbu l-​aħħar kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka?

TIXTIEQ issir midħla taʼ 12-il messaġġier t’Alla? Dawn it-​12-il messaġġier partikulari għexu qabel ma Ġesù għex fuq l-​art, u għalhekk ma tistax tiltaqaʼ magħhom wiċċ imbwiċċ. Xorta waħda, int tistaʼ ssir tafhom billi tinnota kif żammew moħħhom iffokat sew fuq “il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova.” U dak li se titgħallem huwa verament importanti għal kull Kristjan li b’mod għaqli qed jistinka biex iżomm f’moħħu l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova.—Sofonija 1:14; 2 Pietru 3:12.

2, 3. Liema xebh hemm bejn l-​esperjenzi tat-​12-il profeta u ħajjitna?

2 Fl-​Iskrittura hemm għexieren taʼ rġiel li jissejħu profeti—ħafna mill-​kotba tal-​Bibbja jissemmew b’isem il-​profeti. Bħalma hu l-​każ dwar profeti oħrajn, it-​12-il raġel li se nikkunsidraw huma eżempji taʼ fedeltà u kuraġġ. Xi wħud minnhom esperjenzaw hena kbir minħabba li raw il-​messaġġ tagħhom ibiddel il-​qlub u l-​imħuħ, u b’hekk in-​nies reġgħu lura lejn Alla. Oħrajn esperjenzaw diżappunt kbir meta raw lil uħud stinati jmorru kontra l-​livelli taʼ Ġeħova u jopponu r-​rieda tiegħu. Xi wħud minn dawn it-​12 ħassew il-​frustrazzjoni li tiġi minħabba l-​apatija li wrew dawk taʼ madwarhom li suppost kienu aduraturi taʼ Ġeħova u minħabba li dawn l-​uħud kienu moħħhom biss li jpaxxu lilhom infushom.

3 Bħalna, dawn it-​12-il profeta għexu fi żmien taʼ inkwiet politiku, taqlib soċjali, u falliment reliġjuż. Ladarba huma kienu rġiel “b’sentimenti bħal tagħna,” żgur li huma wkoll iffaċċjaw biżaʼ u sfidi. (Ġakbu 5:17) Madankollu, huma ħallewlna eżempju tajjeb, u l-​messaġġi tagħhom għandhom jiġu kunsidrati bis-​serjetà, ladarba dawn tniżżlu bil-​miktub f’“dak li kitbu l-​profeti” għall-​benefiċċju tagħna, “għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.”—Rumani 15:4; 16:26; 1 Korintin 10:11.

12-IL PROFETA FI ŻMIENHOM

4. Xi nnotajt rigward l-​ordni taʼ meta għexu t-​12-il profeta, u liema minnhom kienu l-​ewwel uħud li ġew maħturin minn Ġeħova biex iwissu u jqanqlu lill-​poplu tiegħu?

4 Forsi taħseb li s-​sekwenza tal-​kotba minn Ħosea sa Malakija kif tidher fil-​Bibbja tiegħek tirrifletti l-​ordni kronoloġiku taż-​żmien li fih għexu dawn il-​profeti. Imma dan m’huwiex il-​każ. Per eżempju, il-​profeti Ġona, Ġoel, Għamos, Ħosea, u Mikea kollha għexu fid-​disaʼ u t-​tmien sekli Q.E.K.a Matul dan il-​perijodu, ħafna mis-​slaten ma kinux leali, kemm fis-​saltna taʼ Ġuda fin-​nofsinhar u kemm fis-​saltna taʼ Israel fit-​tramuntana. U s-​sudditi tagħhom għamlu bħalhom, u b’hekk ġabu fuqhom il-​korla t’Alla. Kien f’dan iż-​żmien li l-​Assirjani u iktar tard il-​Babiloniżi pprovaw jieħdu d-​dinja taħt idejhom. L-​Israelin xejn ma rrealizzaw li Ġeħova kien se jinqeda b’dawn iż-​żewġ qawwiet dinjin biex jagħmel ġudizzju! Madankollu, int taf li Alla kien wissa kontinwament lil Israel u lil Ġuda permezz taʼ profeti leali.

5. Liema grupp taʼ profeti xandar il-​ġudizzju taʼ Ġeħova meta Ġuda u Ġerusalemm kienu se jinqerdu?

5 Hekk kif beda joqrob iktar iż-​żmien tiegħu biex jesegwixxi ġudizzju fuq Ġuda u Ġerusalemm, Ġeħova inkariga grupp ieħor taʼ kelliema mimlijin ħeġġa. Min kien hemm f’dan il-​grupp? Il-​profeti Sofonija, Naħum, Ħabakkuk, u Għobadija. Huma lkoll kienu attivi matul is-​sebaʼ seklu Q.E.K. L-​iktar ġrajjiet traġiċi li seħħew matul dan il-​perijodu kienu l-​qerda taʼ Ġerusalemm mill-​Babiloniżi fis-​sena 607 Q.E.K. u l-​eżilju tal-​Lhud. Għal darb’oħra, kien eżatt kif kien wissa Alla fil-​profeziji li tlissnu minn xi wħud minn dawn l-​istess irġiel li hu kien bagħat bħala kelliema tiegħu. Huma pprovaw iwissu lin-​nies dwar prattiki li kienu ħżiena, bħas-​sokor u l-​vjolenza, imma n-​nies ma ridux jitbiddlu.—Ħabakkuk 1:2, 5-7; 2:15-17; Sofonija 1:12, 13.

6. Ġeħova kif qanqal lill-​fdal li ġie lura mill-​eżilju?

6 Wara li l-​poplu t’Alla ġie lura mill-​eżilju, kellu bżonn tmexxija kapaċi kif ukoll faraġ u twissijiet sabiex jibqaʼ ffokat fuq il-​qima vera. Grupp ieħor taʼ profeti—Ħaggaj, Żakkarija, u Malakija—issodisfa dan il-​bżonn. Huma qdew fis-​sitt u l-​ħames sekli Q.E.K. Hekk kif titgħallem iktar dwar dawn it-​12-il difensur sod tas-​sovranità taʼ Ġeħova u dwar xogħolhom, int se ssib lezzjonijiet importanti li tistaʼ tapplika fil-​ministeru tiegħek matul iż-​żminijiet perikolużi tagħna. Ejja issa nikkunsidraw lil dawn il-​profeti bl-​ordni kronoloġiku li qdew.

JISSIELTU BIEX ISALVAW ĠNUS STINATI

7, 8. L-​esperjenzi taʼ Ġona kif jistgħu jinkuraġġuna biex inkampaw maʼ kwalunkwe nuqqas taʼ fiduċja?

7 Qatt esperjenzajt żmien meta naqsitlek il-​fiduċja, forsi ħassejt li l-​fidi tiegħek qed tiddgħajjef? Jekk inhu hekk, l-​esperjenzi taʼ Ġona huma taʼ valur speċjali għalik. Ġona kien jgħix fid-​disaʼ seklu Q.E.K. X’aktarx li int taf li Alla inkariga lil Ġona biex imur Ninwe, il-​belt kapitali taʼ l-​Imperu Assirjan li kien qed jespandi. Ġona kellu jħabbar kundanna fuq il-​ħażen tan-​Ninwin. Madankollu, minflok ma mar lejn l-​inkarigu tiegħu—xi 900 kilometru lejn il-​grigal taʼ Ġerusalemm—Ġona telaʼ fuq bastiment li kien sejjer lejn port li x’aktarx kien jinsab fi Spanja. Iva, hu kien sejjer 3,500 kilometru ’l bogħod fid-​direzzjoni opposta! X’taħseb dwar dan? Kien Ġona mqanqal mill-​biżaʼ, minn dgħjufija temporanja fil-​fidi tiegħu, jew saħansitra kellu stmerrija għall-​fatt li n-​Ninwin setgħu jindmu u mbagħad setgħu jesprimu r-​rabja tagħhom kontra Israel? Il-​Bibbja ma tgħidilniex b’mod speċifiku. Imma nistgħu naraw għala għandna noqogħdu attenti biex ma nħallux lil ħsibijietna jiżvijaw mit-​triq it-​tajba.

8 Int taf kif irreaġixxa Ġona għat-​twiddiba li tah Ġeħova. Meta Ġona kien f’“ħuta kbira” li belgħetu, hu rrikonoxxa: “Is-​salvazzjoni hi taʼ Ġeħova.” (Ġona 1:17; 2:1, 2, 9) Ladarba ġie salvat b’mod mirakoluż, Ġona wettaq l-​inkarigu tiegħu, imma spiċċa diżappuntat għall-​aħħar meta Ġeħova żamm lura milli jeqred lin-​Ninwin minħabba li taw kas il-​messaġġ taʼ Ġona u nidmu. Għal darb’oħra, Ġeħova bi mħabba kkoreġa lill-​profeta li kien konċernat biss dwaru nnifsu. U avolja xi wħud għandhom mnejn jiffokaw fuq l-​iżbalji taʼ Ġona, Alla kkunsidrah denju bħala qaddej ubbidjenti u leali.—Luqa 11:29.

9. Liema benefiċċji tistaʼ tikseb mill-​messaġġ profetiku taʼ Ġoel?

9 Qatt ħassejtek imdejjaq minħabba li n-​nies ikkritikaw il-​messaġġ Bibliku tiegħek billi qalu li dan ibeżżaʼ lil oħrajn għalxejn? Il-​messaġġ tal-​profeta Ġoel, li ismu jfisser “Ġeħova Hu Alla,” kien meqjus b’dan il-​mod min-​nies taʼ pajjiżu. X’aktarx li hu niżżel bil-​miktub il-​profeziji tiegħu f’Ġuda madwar is-​sena 820 Q.E.K., fi żmien is-​Sultan Użżija. Ġoel u Ġona donnhom li qdew fl-​istess perijodu taʼ żmien. Ġoel tkellem dwar kastig taʼ ġurati qerridin li kellhom jiġu bħal mewġ biex iħarbtu l-​art. Iva, il-​jum t’Alla li jqanqal il-​biżaʼ kien fil-​qrib. Madankollu, se ssib li l-​messaġġ taʼ Ġoel ma kienx wieħed taʼ kundanna biss. Huwa inkuraġġanti li ninnotaw li hu indika li l-​leali kienu se ‘jkunu maħrubin.’ (Ġoel 2:32) Min hu niedem jistaʼ jifraħ minħabba l-​barka u l-​maħfra taʼ Ġeħova. Kemm għandu jqawwilna qalbna dan il-​fatt jekk inżommu f’moħħna li dan hu parti mill-​messaġġ tagħna wkoll! Ġoel bassar li l-​forza attiva t’Alla, l-​ispirtu qaddis tiegħu, kienet se titferraʼ “fuq kull xorta taʼ bnedmin.” Tara int kif tinsab involut f’din il-​profezija? U Ġoel enfasizza l-​uniku mod kif nistgħu niġu salvati: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.”—Ġoel 2:28, 32.

10. Ġeħova kif uża raġel umli li kien jaħdem fl-​għelieqi skond l-​istaġuni?

10 Jekk kultant tissorprendi ruħek dwar is-​serjetà tal-​messaġġ li rridu nxandru lil nies li ġeneralment ma jridux jisimgħu, mela tistaʼ tissimpatizza m’Għamos. Għamos la kien iben taʼ xi profeta u lanqas kien parti minn grupp taʼ profeti; hu kien biss jieħu ħsieb in-​nagħaġ u ħaddiem fl-​għelieqi skond l-​istaġuni. Hu pprofetizza matul iż-​żmien tas-​Sultan Użżija taʼ Ġuda, lejn l-​aħħar tad-​disaʼ seklu Q.E.K. Minkejja li kien ġej minn familja umli, Għamos (li ismu jfisser “Huwa Tagħbija; Iġorr Tagħbija”) kellu messaġġi importanti dwar Ġuda, Israel, u l-​ġnus taʼ madwarhom. Ma tħossokx inkuraġġit mill-​fatt li bis-​saħħa taʼ Ġeħova raġel komuni jkun jistaʼ jagħmel xogħol daqshekk importanti?

11. Ħosea sa liema punt kien lest li jasal biex jagħmel ir-​rieda t’Alla?

11 Qatt staqsejt lilek innifsek, ‘Liema sagrifiċċji lest li nagħmel sabiex inwettaq ir-​rieda taʼ Ġeħova?’ Aħseb f’Ħosea, li għex fi żmien Isaija u Mikea u li qeda bħala profeta għal xi 60 sena. Ġeħova ta istruzzjoni lil Ħosea biex jiżżewweġ lil Gomer, “mara li se tiżni.” (Ħosea 1:2) Mit-​tliet ulied li Gomer kellha iktar tard, milli jidher wieħed biss kien taʼ Ħosea. Ġeħova għala talab lil xi ħadd biex jissaporti l-​esperjenza umiljanti taʼ l-​infedeltà fiż-​żwieġ? Ġeħova kien qed jgħallem lezzjoni f’dik li hi lealtà u maħfra. Is-​saltna tat-​tramuntana kienet ittradiet lil Alla bħalma tagħmel mara li tiżni kontra żewġha. Xorta waħda, Ġeħova kien se juri mħabbtu għall-​poplu tiegħu u jipprova jgħinu jindem, u din żgur li hi xi ħaġa li tqawwilna qalbna meta nikkunsidrawha.

12. Kif tistaʼ tibbenefika meta tikkunsidra l-​eżempju taʼ Mikea u l-​effetti taʼ l-​ipprofetizzar tiegħu?

12 Ma taqbilx int li ż-​żminijiet kritiċi taʼ llum jagħmluhielek diffiċli biex tiżviluppa l-​qlubija u tiddependi għalkollox minn Ġeħova? Jekk turi dawn il-​kwalitajiet, int se tkun bħal Mikea. Mikea, li għex fl-​istess żmien taʼ Ħosea u Isaija, xandar messaġġi kontra l-​ġnus taʼ Ġuda u Israel matul ir-​renju taʼ Ġotam, Aħaż, u Ħeżekija, li kienu slaten taʼ Ġuda fit-​tmien seklu Q.E.K. Korruzzjoni morali u idolatrija estremi niġġsu lis-​saltna taʼ Israel fit-​tramuntana li ġarrbet qerda meta s-​Samarija waqgħet f’idejn l-​Assirjani fis-​sena 740 Q.E.K. Ġuda kienet indeċiża bejn l-​ubbidjenza u n-​nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova. Minkejja l-​ġrajjiet tal-​biżaʼ li bassar, Mikea setaʼ jitfarraġ meta ra li l-​messaġġ tiegħu mogħti minn Alla waqqaf lil Ġuda għal ftit żmien milli tiddeterjora permezz taʼ korruzzjoni spiritwali li tirriżulta f’diżastru. Kemm hu taʼ faraġ għalina li naraw lil xi wħud iwieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tagħna taʼ salvazzjoni!

JANTIĊIPAW KRIŻI LI RIESQA

13, 14. (a) L-​eżempju taʼ Sofonija kif jistaʼ jgħinek fil-​qima tiegħek? (b) L-​attività taʼ Sofonija għenet biex iġġib liema riforma spiritwali?

13 Hekk kif il-​qawwiet dinjin taʼ l-​Eġizzjani u l-​Assirjani bdew jiddgħajfu, Babilonja kienet qed issir iktar prominenti. Il-​qawwa tagħha li dejjem tiżdied dalwaqt kien se jkollha effetti drammatiċi fuq il-​ġens taʼ Ġuda. Il-​profeti t’Alla kienu qed jagħmlu xogħolhom biex iwissu u jwiddbu lill-​aduraturi taʼ Ġeħova. Ikkunsidra lil xi wħud minn dawn il-​profeti, waqt li żżomm f’moħħok li llum il-​Kristjani b’mod simili jippridkaw messaġġ taʼ twissija.

14 Jekk kellek tissepara ruħek minn tradizzjonijiet tal-​familja biex tagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova, int tistaʼ tifhem lil Sofonija. Jistaʼ jkun li s-​Sultan Ħeżekija kien il-​bużbużnannu tiegħu u li s-​Sultan Ġosija kien jiġi minnu—b’hekk setaʼ kien membru tal-​familja rjali taʼ Ġuda. Però, Sofonija b’ubbidjenza ħabbar messaġġ taʼ kundanna kontra t-​tmexxija korrotta taʼ Ġuda. Ismu jfisser “Ġeħova Ħeba.” Hu enfasizza li huwa biss bil-​ħniena t’Alla li wieħed ‘jistaʼ jinħeba f’jum ir-​rabja taʼ Ġeħova.’ (Sofonija 2:3) B’ferħ, ix-​xandir qalbieni taʼ Sofonija kien effettiv. Is-​sultan żagħżugħ Ġosija ġab riforma spiritwali, billi neħħa l-​idoli, sewwa t-​tempju, u ġedded il-​qima pura. (It-2 Slaten, kapitli 22-23) Sofonija u l-​profeti sħabu (Naħum u Ġeremija) żgur li kellhom irwol importanti biex jgħinu jew jagħtu parir lis-​sultan. B’sogħba, ħafna mil-​Lhud ma nidmux sinċerament. Wara li Ġosija miet f’battalja, reġgħu daru għall-​idolatrija. Ma tantx damu ma ttieħdu fil-​jasar f’Babilonja.

15. (a) Ninwe għala kien jistħoqqilha l-​messaġġ taʼ kundanna li wasslilha Naħum? (b) X’tistaʼ titgħallem minn dak li ġara lil Ninwe?

15 Għandek mnejn tħoss li m’intix xi persuna importanti, li ma tantx tingħata attenzjoni. Il-​Kristjani għandhom il-​privileġġ grandjuż li jkunu “ħaddiema sħab” m’Alla, imma personalment ħafna minnhom ma tantx huma prominenti. (1 Korintin 3:9) B’mod simili, aħna ma nafu xejn iktar dwar il-​profeta Naħum ħlief li kien ġej minn raħal żgħir bl-​isem t’Elkos, li x’aktarx kien jinsab f’Ġuda. Però, il-​messaġġ tiegħu kien sinifikanti u importanti. Kif? Naħum ipprofetizza kontra Ninwe, il-​belt kapitali taʼ l-​Imperu Assirjan. In-​nies taʼ din il-​belt kienu wieġbu b’mod pożittiv għax-​xogħol taʼ Ġona, imma wara ftit reġgħu bdew jaġixxu bħal qabel. Xi tinqix fil-​ġebel fil-​post fejn kienet Ninwe tal-​qedem juri li din kienet, bħalma qal Naħum, “belt li xxerred id-​demm.” (Naħum 3:1) Dan it-​tinqix jagħti stampa tal-​mod aħrax kif kienu jiġu trattati l-​priġunieri tal-​gwerra. B’lingwaġġ drammatiku li jagħti deskrizzjoni dettaljata, Naħum bassar il-​qerda totali taʼ Ninwe. Il-​messaġġ tiegħu twettaq, bħalma se jitwettaq il-​messaġġ li nxerrdu aħna llum.

16, 17. Jekk l-​istennijiet tagħna dwar it-​tmiem għadhom ma twettqux għalkollox, x’nistgħu nitgħallmu mill-​każ taʼ Ħabakkuk?

16 Matul is-​sekli, xi qarrejja tal-​Bibbja kellhom stennijiet li ma twettqux dwar il-​jum taʼ Ġeħova. Oħrajn forsi jħossuhom imdejqin minħabba li l-​ġudizzju t’Alla donnu qed idum biex jasal. Int kif tħossok? Ħabakkuk esprima l-​inkwiet raġunevoli tiegħu meta staqsa: “O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-​għajnuna, u int ma tismax? . . . It-​tħarbit u l-​vjolenza għala huma quddiemi?”—Ħabakkuk 1:2, 3.

17 Ħabakkuk ipprofetizza matul żmien taʼ taqlib fl-​istorja tal-​Lhudija, wara r-​renju tas-​sultan tajjeb Ġosija imma qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. L-​inġustizzja u l-​vjolenza kont tarahom kullimkien. Ħabakkuk wissa li jekk Ġuda żżomm maʼ l-​Eġittu, hi ma kinitx se teħlisha minn taħt idejn il-​Babiloniżi li kienu għatxana għad-​demm. L-​istil tal-​kitba tiegħu hu ħaj u qawwi, u jnissel ħsieb taʼ faraġ li “l-​ġust permezz tal-​fedeltà tiegħu jibqaʼ jgħix.” (Ħabakkuk 2:4) Dan il-​kliem huwa tassew importanti għalina, ladarba l-​appostlu Pawlu kkwotah fi tliet kotba taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana. (Rumani 1:17; Galatin 3:11; Ebrej 10:38) Barra minn hekk, permezz taʼ Ħabakkuk, Ġeħova jagħtina l-​assiguranza: “Il-​viżjoni qed tistenna ż-​żmien stabbilit tagħha . . . Mhix se tkun tard.”—Ħabakkuk 2:3.

18. Ġeħova għala dderieġa lil Għobadija biex jipprofetizza kontra Edom?

18 Il-​profeta Għobadija jispikka bħala li kiteb l-​iqsar ktieb taʼ l-​Iskrittura Ebrajka—b’21 vers biss. Kulma nafu dwaru hu li pprofetizza kontra Edom. L-​Edomin kienu dixxendenti taʼ ħu Ġakobb, u b’hekk kienu ‘ħut’ l-​Israelin. (Dewteronomju 23:7) Imma n-​nies t’Edom żgur li ma ttrattawx lill-​poplu t’Alla bħala ħuhom. Fis-​sena 607 Q.E.K., madwar iż-​żmien meta Għobadija kiteb il-​ktieb tiegħu, huma għalqu t-​toroq u lil-​Lhud li kienu qed jaħarbu tawhom f’idejn l-​għedewwa Babiloniżi. Ġeħova bassar li Edom kienet se ssir ħerba totali, profezija li twettqet. Bħal fil-​każ taʼ Naħum, huwa minnu li ma tantx nafu dwar Għobadija, imma kemm hu inkuraġġanti li nirrealizzaw li Alla jistaʼ juża wħud li jidhru li huma insinifikanti biex ikunu l-​messaġġiera Tiegħu!—1 Korintin 1:26-29.

MESSAĠĠI LI JIMMOTIVAW, IFARRĠU, U JWISSU

19. Ħaggaj kif ta daqqa t’id biex jinkuraġġixxi lill-​poplu t’Alla?

19 Ħaggaj hu l-​ewwel wieħed minn tliet profeti li qeda wara li fdal leali ġie lura mill-​eżilju f’Babilonja fis-​sena 537 Q.E.K. Jistaʼ jkun li Ħaggaj kien fl-​ewwel grupp taʼ wħud li marru lura. Mal-​Gvernatur Żerubbabel u l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè u b’kooperazzjoni mal-​profeta Żakkarija, Ħaggaj ipprova jqanqal lil-​Lhud biex jegħlbu l-​oppożizzjoni taʼ ġens barrani u l-​apatija tagħhom stess li kienet konnessa mal-​materjaliżmu. Kien meħtieġ li huma jwettqu dak li kienu marru lura għalih: il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju taʼ Ġeħova. L-​erbaʼ messaġġi diretti taʼ Ħaggaj, mogħtijin fis-​sena 520 Q.E.K., enfasizzaw l-​isem u s-​sovranità taʼ Ġeħova. Int u taqra l-​ktieb, se ssib l-​espressjoni “Ġeħova taʼ l-​armati” 14-il darba. Il-​messaġġi qawwijin taʼ Ħaggaj qanqlu lin-​nies biex jerġgħu jibdew jibnu t-​tempju. M’intix inkuraġġit b’mod simili minħabba li taf li Ġeħova għandu qawwa bla limitu bħala l-​Ħakkiem Sovran u li hu għandu fil-​kontroll tiegħu armati kotrana taʼ ħlejjaq spirti?—Isaija 1:24; Ġeremija 32:17, 18.

20. Żakkarija kontra liema attitudni persistenti kellu jissara?

20 Kultant għandek mnejn taqtaʼ qalbek minħabba n-​nuqqas taʼ żelu li juru xi wħud li qdew lil Alla. F’dan il-​każ tistaʼ tifhem lill-​profeta Żakkarija. L-​istess bħal Ħaggaj li pprofetizza fl-​istess żmien, hu ffaċċja l-​isfida biex jinkuraġġixxi lil aduraturi sħabu ħalli jibqgħu jaħdmu sakemm jitlesta t-​tempju. Żakkarija ħadem iebes biex isaħħaħ lin-​nies ħalli jidħlu għal din il-​biċċa xogħol tassew kbira. Meta ffaċċja l-​attitudni tan-​nies taʼ madwaru li riedu jpaxxu biss lilhom infushom, hu stinka biex jinkuraġġihom jiżviluppaw fidi qawwija u biex juruha bl-​għemejjel tagħhom. U rnexxielu. Żakkarija niżżel bil-​miktub diversi profeziji dwar il-​Kristu. Aħna wkoll nistgħu nissaħħu bil-​messaġġ li “Ġeħova taʼ l-​armati” mhux se jinsa lil dawk li jfittxu l-​favur tiegħu.—Żakkarija 1:3.

JISTENNA L-​MESSIJA

21. (a) Għala l-​messaġġ taʼ Malakija kien meħtieġ ħafna? (b) Il-​ktieb taʼ Malakija b’liema assiguranza jagħlaq l-​Iskrittura Ebrajka?

21 L-​aħħar wieħed mit-​12-il profeta, Malakija, għex fi qbil mat-​tifsira taʼ ismu, jiġifieri, “Il-​Messaġġier Tiegħi.” Ma tantx nafu affarijiet dwar dan il-​profeta li għex f’nofs il-​ħames seklu Q.E.K. Madankollu, mill-​profezija li lissen nafu li hu kien kelliemi li ma jibżax u li ċanfar lill-​poplu t’Alla minħabba d-​dnubiet u l-​ipokrisija tiegħu. Il-​kundizzjonijiet li ddeskriva Malakija huma simili ħafna għal dawk li ddeskriva Neħemija, li x’aktarx kien jgħix fl-​istess żmien taʼ Malakija. Il-​messaġġ taʼ Malakija għala kien meħtieġ ħafna? Iż-​żelu u l-​entużjażmu li l-​profeti Żakkarija u Ħaggaj kienu qanqlu għaxriet taʼ snin qabel kienu majnaw. Il-​qagħda spiritwali tal-​Lhud kienet batuta tabilħaqq! Malakija tkellem bil-​qlubija kontra l-​qassisin suppervi u ipokriti, u kkritika lin-​nies għall-​qima u s-​sagrifiċċji b’nofs qalb li bdew joffru. Madankollu, sewwasew bħalma l-​Kelma t’Alla tiżgurana li għandna futur sabiħ quddiemna, hekk ukoll Malakija bassar il-​miġja taʼ dak li kellu jiġi qabel il-​Messija, Ġwanni l-​Battista, u wara taʼ Kristu nnifsu. Il-​messaġġ taʼ Malakija jwassal għall-​għeluq taʼ l-​Iskrittura Ebrajka fuq nota pożittiva, waqt li jwegħedna li “se tiddi x-​xemx tas-​sewwa” għal dawk li jibżgħu minn isem Alla.—Malakija 4:2, 5, 6.

22. X’osservajt rigward il-​personalità u l-​messaġġ tat-​12-il profeta?

22 Int tistaʼ tara li l-​irġiel li kitbu l-​aħħar 12-il ktieb taʼ l-​Iskrittura Ebrajka kellhom il-​fidi u l-​konvinzjoni. (Ebrej 11:32; 12:1) L-​eżempju u l-​messaġġ tagħhom jistgħu jgħallmuna lezzjonijiet taʼ valur hekk kif inħarsu ’l quddiem bil-​ħerqa lejn il-​“jum taʼ Ġeħova.” (2 Pietru 3:10) Issa kkunsidra kif dawn il-​messaġġi profetiċi jistgħu jeffettwaw il-​futur etern tiegħek!

[Nota taʼ taħt]

a Qabbel dan mal-​linja kronoloġika li tinsab f’paġni 20 u 21. Per eżempju, minnha se tara li kemm Mikea u kemm Ħosea qdew f’perijodu meta Isaija kien profeta t’Alla f’Ġerusalemm.

KIF TISTAʼ TIBBENEFIKA?

• Xi nnotajt dwar il-​mod kif it-​12-il profeta huma mniżżlin fil-​Bibbja?

• Kif tistaʼ tibbenefika mill-​esperjenzi taʼ profeti bħal Ġona u Għamos? —Ebrej 11:32, 33, 39, 40.

• X’kien lest li jagħmel Ħosea sabiex iwettaq ir-​rieda taʼ Ġeħova?—Mattew 16:24.

PUNTI LI TISTAʼ TUŻA

• Bħal fil-​każ taʼ Sofonija, liema effett jistaʼ jkollhom il-​qaddejja t’Alla fuq oħrajn?

• Il-​messaġġ taʼ Ħabakkuk għala japplika b’mod speċjali għal-​lum?—2 Pietru 3:12.

• Il-​ħlewwa taʼ Ġeħova lejn l-​umli kif inhi murija fil-​każ taʼ xi profeti?—Salm 113: 1, 6, 7; Isaija 57:15.

[Tabella f’paġna 20, 21]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

12-il Profeti Kontemporanji Slaten Slaten taʼ

Profeta Kontemporanji Oħrajn taʼ Ġudab Israelc

Amażija

850 Q.E.K.

Ġerobogħam II

1. ĠONA

Użżija

(Għażarija)

825

2. ĠOEL

3. GĦAMOS

4. ĦOSEA

Żakkarija

800

Menaħem

Isaija

Pekaħ

5. MIKEA

Ġotam

Aħaż

Ħosegħa

750

Ħeżekija

740, Waqgħa tas-​Samarija

725

Manasse

700

675

6. SOFONIJA

Ġosija

7. NAĦUM

650

Ġeremija

632, Qerda taʼ Ninwe

8. ĦABAKKUK

Ġeħojakim

Danjel

9. GĦOBADIJA

Eżekjel

Sedekija

607, Qerda taʼ Ġerusalemm

600

575

550

Danjel

539, Waqgħa taʼ Babilonja

537, Ritorn taʼ l-​Eżiljati

525

10. ĦAGGAJ

11. ŻAKKARIJA

515, Tempju Mibni mill-​Ġdid

500

Esdra

Neħemija

455, Swar Mibnijin mill-​Ġdid

450

12. MALAKIJA

425

400

[Nota taʼ taħt]

b Slaten li ħakmu għal iktar minn sentejn

c Slaten li ħakmu għal iktar minn sentejn

[Mappa f’paġna 19]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Baħar Mediterran (Il-Baħar il-​Kbir)

Damasku

Saltna taʼ Israel fit-​Tramuntana (Efrajm, jew is-​Samarija)

EFRAJM

Sidon

Sarefat

Tir

Dan

BASAN

Il-​Baħar tal-​Galilija

Il-​Mt. Karmel

Il-​Mt. Tabor

Megiddo

Ġeżragħel

Ħadadrimmon

SAMARIJA

Sikem

GILEGĦAD

Mispa

Gilgal

Rabba

Betel

Sittim

Xmara Ġordan

Saltna taʼ Ġuda fin-​Nofsinhar (Ġuda u Benjamin)

ĠUDA

Asdod

Askelon

Gaża

Għekron

Gat

Moreset

Lakis

Għadullam

Akżib

Maresa(h)

Safir

Betlehem

Tekogħa

ĠERUSALEMM (SIJON)

Gibegħa

Rama

Gilgal

Rimmon

Bir-​xeba

GĦAMMON

MOWAB

Il-​Baħar il-​Mielaħ

Sodoma?

EDOM

Bosra

[Mappa f’paġna 22]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

GREĊJA

KRETA

ASSIRJA

Ninwe

BABILONJA

Babilonja

SIRJA

Ħamat

Damasku

GĦAMMON

MOWAB

EDOM

Il-​Mt. Ħoreb

EĠITTU

Memfi

Sidon

Tir

Rabba

ĠERUSALEMM

[Stampa f’paġna 17]

ĠONA

[Stampa f’paġna 18]

ĠOEL

[Stampa f’paġna 18]

GĦAMOS

[Stampa f’paġna 21]

ĦOSEA

[Stampa f’paġna 22]

MIKEA

[Stampa f’paġna 23]

SOFONIJA

[Stampa f’paġna 24]

NAĦUM

[Stampa f’paġna 25]

ĦABAKKUK

[Stampa f’paġna 25]

GĦOBADIJA

[Stampa f’paġna 26]

ĦAGGAJ

[Stampa f’paġna 27]

ŻAKKARIJA

[Stampa f’paġna 27]

MALAKIJA

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja