LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 4 pp. 43-55
  • Ġeħova—L-Alla li Jbassar u Jwettaq

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova—L-Alla li Jbassar u Jwettaq
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SOVRAN KOLLU MĦABBA LI GĦANDU KONTROLL SĦIĦ
  • DAK LI JŻOMM IL-​WEGĦDI TIEGĦU U LI TISTAʼ TAFDAH
  • MISSIER LI JIMPURTAH
  • IL-​MAĦFRA TIFTAĦ IT-​TRIQ GĦAS-​SALVAZZJONI
  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Il-Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • “X’Qed Jitlob Minnek Ġeħova?”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • “Xita taʼ Barkiet Sakemm Ma Jkun Jonqoskom Xejn Iktar”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 4 pp. 43-55

Kapitlu Erbgħa

Ġeħova—L-​Alla li Jbassar u Jwettaq

1, 2. (a) Xi wħud għala għandhom mnejn iħossu li ħadd m’għad għandu kontroll? (b) It-​12-il profeta kif jiddeskrivu l-​personalità taʼ Ġeħova?

ĦAFNA nies iħossu li qed jitilfu l-​kontroll fuq ħajjithom stess. U mir-​rapporti taʼ l-​aħbarijiet li jaqraw, huma jikkonkludu li r-​razza umana kollha kemm hi qed issir dejjem iktar bla tama. L-​isforzi li qed isiru biex l-​inkwiet tad-​dinja jiġi solvut donnhom sempliċement qed jikkomplikaw is-​sitwazzjoni bla tama. Taʼ min jinnota li xi wħud mit-​12-il profeta li qed nikkunsidraw iffaċċjaw inkwiet simili, u huma pprovdew messaġġi taʼ tama li aħna stess nistgħu nibbenefikaw minnhom u li nistgħu nużawhom biex infarrġu lil oħrajn.—Mikea 3:1-3; Ħabakkuk 1:1-4.

2 Punt fundamentali li se ssib f’dawn il-​kotba profetiċi hu li Ġeħova, is-​Sovran taʼ l-​univers, għandu kontroll sħiħ fuq l-​affarijiet tal-​bnedmin u għandu interess ħerqan fil-​benesseri tagħna. Fil-​fatt, kull wieħed minna jistaʼ jgħid, “Hu juri interess fil-​benesseri tiegħi.” It-​12-il profeta jagħtuna stampa sabiħa taʼ “Ġeħova taʼ l-​armati.” Alla jistaʼ “jmiss l-​art, sabiex iddub,” u madankollu hu jiżgura lill-​poplu tiegħu: “Dak li qed imisskom qed imiss il-​mimmi t’għajnejja.” (Żakkarija 2:8; Għamos 4:13; 9:5) Ma tqawwix qalbek meta taqra siltiet li juru kif Alla jittratta lil oħrajn bi mħabba u kif juri l-​ħniena u l-​maħfra tiegħu? (Ħosea 6:1-3; Ġoel 2:12-14) Huwa minnu li l-​kitbiet taʼ dawn il-​profeti ma jeżaminawx kull aspett tal-​personalità t’Alla; għandek bżonn is-​66 ktieb kollha tal-​Bibbja biex tagħmel dan. Xorta waħda, dawn it-​12-il profeta jipprovdulna dehen mill-​aqwa dwar il-​personalità sabiħa t’Alla u dwar il-​mod kif jittratta m’oħrajn.

3. Kif jintwera biċ-​ċar minn dak li kitbu t-​12-il profeta li Ġeħova huwa Alla taʼ skop?

3 Il-​kitbiet tat-​12-il profeta jistgħu jsaħħu l-​fiduċja tagħna għaliex juruna li nistgħu nafdaw lil Ġeħova bħala l-​Wieħed li jbassar il-​futur u l-​Wieħed li qatt ma jonqos milli jwettaq l-​iskop tiegħu. Dawn jikkonfermaw li fl-​aħħar mill-​aħħar hu se jġib ġenna taʼ l-​art taħt ħakma divina. (Mikea 4:1-4) Xi wħud minn dawn il-​profeti jiddeskrivu kif Ġeħova ħejja t-​triq għall-​miġja tal-​Messija u għall-​fidwa li kienet se teħles lill-​umanità mid-​dnub u l-​mewt. (Malakija 3:1; 4:5) Għala huwa vitali li nkunu nafu dan kollu?

SOVRAN KOLLU MĦABBA LI GĦANDU KONTROLL SĦIĦ

4, 5. (a) Liema verità fundamentali dwar Alla jenfasizzaw it-​12-il profeta? (b) Kif int effettwat mill-​fatt li Ġeħova jistaʼ kollox?

4 Ftakar fl-​isfida li saret kontra Alla rigward id-​dritt tiegħu biex jaħkem, bħalma ddiskutejna fil-​kapitlu taʼ qabel. Ir-​ribelljoni kontra l-​awtorità taʼ Ġeħova—u d-​dubji rigward il-​motivi tiegħu—wasslet lil xi wħud fis-​sema biex ma jobdux lil Alla u jikkaġunaw taħwid kbir u vjolenza fuq l-​art. Allura jidher ċar li r-​rispett u s-​sottomissjoni lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova huma meħtiġin biex ikun hawn ordni sħiħ fl-​univers u sliem fost il-​bnedmin. Għalhekk, b’mod xieraq Ġeħova huwa determinat li jivvindika s-​sovranità tiegħu. Ejja nirrivedu kif it-​12-il ktieb profetiku jistgħu jgħinuna naraw dan b’mod iktar ċar.

5 Bħala l-​messaġġiera taʼ Ġeħova, il-​profeti enfasizzaw il-​pożizzjoni għolja tiegħu. Per eżempju, meta jfaħħar bil-​kbir l-​isem u s-​sovranità taʼ Dak li Jistaʼ Kollox, Għamos juża l-​kliem “Mulej Sovran” 21 darba. Dan juri li l-​Alla l-​veru huwa kbir b’mod infinit u li hu jistaʼ jikkontrolla kollox. (Għamos 9:2-5; ara l-​kaxxa “Ġeħova Hu Dak li Jistaʼ Kollox.”) Ġeħova hu l-​uniku Wieħed li għandu d-​dritt ikun Sovran taʼ l-​univers u li hu superjuri bla limitu għall-​idoli bla ħajja. (Mikea 1:7; Ħabakkuk 2:18-20; Sofonija 2:11) Il-​pożizzjoni taʼ Ġeħova bħala l-​Wieħed li għamel kollox tagħtih id-​dritt naturali li jeżerċita qawwa sovrana fuq kollox. (Għamos 4:13; 5:8, 9; 9:6) Dan għala huwa importanti għalik?

6. Kull bniedem kif inhu involut fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla?

6 Jekk qatt batejt minħabba d-​diskriminazzjoni, l-​inġustizzja, jew il-​preġudizzju, tistaʼ titfarraġ milli tkun taf li s-​Sovran kollu mħabba jimpurtah minn kulħadd. Ġeħova kellu relazzjoni speċjali maʼ ġens wieħed tal-​qedem, u madankollu hu ddikjara d-​determinazzjoni tiegħu li jagħmel il-​ġid maʼ nies taʼ kull ġens u lingwa. Hu “l-​Mulej il-​veru taʼ l-​art kollha.” (Mikea 4:13) Alla wiegħed li ismu “se jkun kbir fost il-​ġnus.” (Malakija 1:11) Hekk kif Missierna tas-​sema jagħmel lilu nnifsu magħruf maʼ kulħadd, hu min hu, “irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” qed iwieġbu bil-​ħerqa għall-​istedina tiegħu biex isiru aduraturi tiegħu.—Żakkarija 8:23.

7. Għala huwa tassew sinifikanti t-​tifsir taʼ isem Ġeħova?

7 L-​għarfien dwar x’tip taʼ individwu hu Alla u dwar x’se jagħmel huwa marbut mill-​qrib maʼ ismu. (Salm 9:10) Fi żmien Mikea, isem Ġeħova ġie malafamat minħabba li ħafna minn dawk li kienu qed iġorru Ismu wrew diżubbidjenza grassa. Il-​profeta kien ispirat biex jenfasizza “l-​maestà taʼ l-​isem taʼ Ġeħova” u biex juri li “min hu bil-​għaqal jibżaʼ minn [isem Alla].” (Mikea 5:4; 6:9) Għala? Għaliex l-​unika tama taʼ min joqgħod fuqha li għandek għal futur dejjiemi tinvolvi t-​tifsir tassew sinifikanti taʼ dak l-​isem: “Hu Jġiegħel li Jsir.” Għala ma taqrax Ġoel 2:26 u taħseb dwar kemm tistaʼ tkun hieni li qed iġġorr dak l-​isem u li tgħid lil oħrajn dwar l-​uniku Alla li jistaʼ jsir kulma hu jeħtieġ li jsir għall-​benefiċċju tal-​ħlejjaq kollha tiegħu? Alla wera li għandu abbiltà bla limitu li jwettaq dak li hemm bżonn. Int tistaʼ ssib evidenza dwar dan fit-​twettiq taʼ ħafna profeziji li pproklamaw it-​12-il profeta.

8. L-​isem taʼ Ġeħova b’liema modi qanqlek?

8 Miljuni ġew effettwati b’mod pożittiv meta tgħallmu li Ġeħova jistaʼ jġiegħel li jsir jew jitwettaq kulma jagħżel li jwettaq. Ġoel indika dan permezz tal-​kliem famuż kwotat mill-​kittieba Kristjani: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32; Atti 2:21; Rumani 10:13) Għandna aħna l-​istess sentimenti taʼ Mikea, jiġifieri, li “aħna, min-​naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem”? (Mikea 4:5) Iva, matul perijodi taʼ persekuzzjoni jew fi żmien taʼ inkwiet persunali, nistgħu b’fiduċja ‘nistkennu fl-​isem taʼ Ġeħova.’—Sofonija 3:9, 12; Naħum 1:7.

9. Safejn jasal il-​kontroll li għandu Alla fuq il-​ħakkiema umani?

9 Int u taqra dawn il-​kotba profetiċi se ssaħħaħ il-​konvinzjoni tiegħek li Ġeħova għandu kontroll sħiħ saħansitra fuq il-​ħakkiema umani u fuq uħud li għandhom il-​poter biex jieħdu deċiżjonijiet importanti. Hu għandu l-​abbiltà li jqanqalhom biex jaġixxu fi qbil mar-​rieda tiegħu. (Proverbji 21:1) Ikkunsidra l-​każ taʼ Darju l-​Kbir tal-​Persja. L-​għedewwa tal-​qima vera fittxew l-​għajnuna tiegħu biex iwaqqfu l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Dak li seħħ kien eżatt bil-​kontra! Madwar is-​sena 520 Q.E.K., Darju ġedded id-​digriet taʼ Ċiru u appoġġa x-​xogħol tal-​bini li kienu qed jagħmlu l-​Lhud. Meta kien hemm ostakli oħrajn, il-​messaġġ t’Alla għall-​Gvernatur Lhudi Żerubbabel kien: “‘Mhux b’qawwa militari, lanqas b’xi setgħa, imma bl-​ispirtu tiegħi,’ qal Ġeħova taʼ l-​armati. Min int, O muntanja kbira? Quddiem Żerubbabel int se ssir wita.” (Żakkarija 4:6, 7) Ebda ostaklu m’hu se jwaqqaf il-​qerda li Ġeħova se jġib fuq din is-​sistema mill-​agħar biex jistabbilixxi ġenna taʼ l-​art li se titgawda mill-​aduraturi tiegħu.—Isaija 65:21-23.

10. Safejn iwassal il-​kontroll t’Alla, u għala hu taʼ min jinnotah?

10 Ikkunsidra wkoll li Ġeħova jikkontrolla l-​qawwiet tan-​natura u li hu jistaʼ jużahom biex jeqred lill-​għedewwa tiegħu jekk jagħżel li jagħmel hekk. (Naħum 1:3-6) Żakkarija uża lingwaġġ figurattiv biex jenfasizza kif Ġeħova jistaʼ jipproteġi lill-​poplu tiegħu: “Ġeħova se jidher fuqhom, u l-​vleġġa tiegħu se toħroġ bħal sajjetta. U l-​Mulej Sovran Ġeħova se jdoqq il-​qarn, u jmur maʼ l-​irwiefen tan-​nofsinhar.” (Żakkarija 9:14) Imbagħad taħseb li se jkun diffiċli għal Alla li juri s-​supremazija tiegħu fuq il-​ġnus taʼ żmienna li m’għandhomx devozzjoni lejh? Lanqas xejn!—Għamos 1:3-5; 2:1-3.

DAK LI JŻOMM IL-​WEGĦDI TIEGĦU U LI TISTAʼ TAFDAH

11, 12. (a) Ninwe għala kienet kunsidrata li ma tistax tintrebaħ? (b) Kif spiċċat Ninwe, fi qbil mal-​kelma profetika t’Alla?

11 Immaġina li kont tgħix fid-​disaʼ seklu Q.E.K. f’dak li llum huwa magħruf bħala l-​Lvant Nofsani. Dwar liema belt kbira x’aktarx li kont se tismaʼ? M’għandniex xi ngħidu, dwar Ninwe. Din kienet belt Assirjana prominenti fuq ix-​xatt tal-​lvant tax-​Xmara Tigri, xi 900 kilometru lejn il-​grigal taʼ Ġerusalemm. X’aktarx li kont tismaʼ b’rapporti dwar il-​kobor impressjonanti tagħha—b’ċirkonferenza taʼ xi 100 kilometru! Dawk li żaru lil Ninwe qalu li kienet tħabbatha maʼ Babilonja fis-​sbuħija, bil-​palazzi rjali, tempji, toroq wesgħin, ġonna pubbliċi, u librerija li timpressjonak. Iktar minn hekk, uħud tas-​sengħa fl-​istrateġiji militari tkellmu dwar is-​swar enormi li kellha minn barra u minn ġewwa u li kienu jidhru impenetrabbli.

12 “Ma tistax tintrebaħ!” Ħafna nies żgur li hekk qalu meta ddeskrivew lil Ninwe. Imma xi profeti mill-​ġens ċkejken taʼ Ġuda insistew li Ġeħova kien ikkundanna għall-​qerda lil dik il-​“belt li xxerred id-​demm.” Minħabba l-​mod kif wieġbu n-​Ninwin għall-​messaġġ taʼ Ġona, għal ftit żmien il-​belt ħelsitha mill-​ġudizzju t’Alla. Madankollu, in-​Ninwin reġgħu lura għall-​għemejjel mill-​agħar tagħhom taʼ qabel. Naħum bassar: “Ninwe . . . , sejf se jeqirdek . . . M’hemmx serħan mill-​katastrofi tiegħek.” (Naħum 3:1, 7, 15, 19; Ġona 3:5-10) Għal dik il-​ħabta, Alla uża lil Sofonija biex ibassar li Ninwe kienet se ssir ħerba. (Sofonija 2:13) Kienet il-​qawwa politika taʼ dak iż-​żmien, li kienet tidher li ma tistax tintrebaħ, se tinqered sabiex titwettaq il-​kelma taʼ Ġeħova? It-​tweġiba ngħatat madwar is-​sena 632 Q.E.K. meta l-​Babiloniżi, ix-​Xizjani, u l-​Medi assedjaw lil Ninwe. Għargħar mhux mistenni qered is-​swar tagħha, u l-​aggressuri rnexxielhom jippenetraw id-​difiża tagħha. (Naħum 2:6-8) Dik li darba kienet belt setgħana malajr saret borġ trab u ġebel. Ninwe għadha ħerba sa llum.a “Il-​belt ferriħija” ma felħitx tirreżisti t-​twettiq tal-​kelma t’Alla!—Sofonija 2:15.

13. Liema evidenza taʼ profeziji mwettqin tistaʼ ssib fil-​kotba tat-​12-il profeta?

13 Dak li ġara lil Ninwe huwa biss eżempju wieħed taʼ profeziji li twettqu. Ħares lejn mappa moderna tal-​Lvant Nofsani. Tistaʼ ssib lil Għammon, l-​Assirja, Babilonja, Edom, jew Mowab? Dażgur li le! Minkejja l-​fatt li darba dawn il-​ġnus kienu prominenti, it-​12-il profeta bassru l-​qerda tagħhom. (Għamos 2:1-3; Għobadija 1, 8; Naħum 3:18; Sofonija 2:8-11; Żakkarija 2:7-9) Wieħed wara l-​ieħor dawn il-​ġnus ma baqgħux jeżistu. Ġeħova qal li kellhom jgħibu, u hekk ġara! U dak li bassru dawn il-​profeti dwar fdal mil-​Lhud li kellu jmur lura mill-​jasar f’Babilonja twettaq—hekk ġara!

14. Għala jistaʼ jkollok fiduċja fil-​wegħdi taʼ Ġeħova u tgħix ħajtek billi tiffoka fuqhom?

14 Kif tiġi effettwata l-​fiduċja tiegħek minn din l-​evidenza li Ġeħova kapaċi jbassar il-​futur? Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jżomm il-​wegħdi tiegħu; hu l-​Alla li “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Iktar minn hekk, permezz tal-​Kelma tiegħu, Alla jinformana dwar dak li għandna bżonn inkunu nafu. Int tistaʼ tgħix ħajtek billi tiffoka fuq li tagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova u fuq iċ-​ċertezza tal-​kliem profetiku tiegħu. Il-​profeziji li hemm fit-​12-il ktieb m’humiex sempliċi eżempji taʼ tbassir li ġie mwettaq fil-​passat. Ħafna mill-​profeziji qed jitwettqu issa jew dalwaqt se jsiru realtà. Għalhekk, dak li hemm f’dawn it-​12-il ktieb jistaʼ jsaħħaħ il-​fiduċja tiegħek li l-​profeziji dwar żmienna u dwar il-​futur se jitwettqu. Ħudhom bis-​serjetà.

MISSIER LI JIMPURTAH

15. Meta tissielet maʼ problemi persunali, kif jistgħu jgħinuk l-​esperjenzi taʼ Mikea?

15 Il-​fatt li Alla hu taʼ min jafdah jinvolvi iktar minn dak li se jiġri lill-​ġnus jew dak li se jseħħ fis-​sitwazzjoni tad-​dinja b’mod ġenerali. Ġeħova jbassar u jwettaq affarijiet b’tali mod li jistaʼ jeffettwak personalment. Kif? Per eżempju, kultant għandek mnejn tissielet biex tittratta maʼ problemi persunali. Int tirrealizza li m’hijiex biss kwistjoni taʼ li ssib lil xi ħadd li jistaʼ jifhmek—għandek bżonn issib lil xi ħadd li tistaʼ tafdah u li jistaʼ jgħinek. Fit-​tmien seklu Q.E.K., Mikea x’aktarx li ħassu kemxejn waħdu meta ffaċċja lin-​nies kburin taʼ Ġuda. Setaʼ deher li hu kien l-​aħħar individwu leali fuq l-​art, li lanqas saħansitra lill-​familja tiegħu ma setaʼ jafda. Kulfejn kien iħares, hu kien isib nies għatxana għad-​demm, qarriqin, u korrotti. Minkejja dan, Mikea tfarraġ mill-​wegħdi t’Alla li kien se jieħu ħsieb il-​leali Tiegħu jagħmlu x’jagħmlu l-​oħrajn. Int ukoll tistaʼ tikseb faraġ minn dan, speċjalment jekk bħala aduratur taʼ Ġeħova ssib li int fil-​minoranza jew waħdek, waqt li tkun imdawwar b’dawk li ma jonorawx lil Alla.—Mikea 7:2-9.

16. Għala tistaʼ tkun ċert li Alla jinnota l-​korruzzjoni u l-​moħqrija u li se jeħles lill-​ġust?

16 Bħalma spiss jiġri llum, l-​għonja u dawk li kellhom il-​poter f’Ġuda u f’Israel saru rgħiba u ma mxewx b’ġustizzja. Minħabba t-​taxxi żejda u l-​ħtif taʼ l-​art bla jedd kien hemm il-​jasar illegali. Il-​foqra ġew trattati b’indifferenza, saħansitra b’mod kiefer. (Għamos 2:6; 5:11, 12; Mikea 2:1, 2; 3:9-12; Ħabakkuk 1:4) Permezz tal-​messaġġiera tiegħu, Alla għamilha ċara li hu ma jittollerax il-​korruzzjoni u l-​moħqrija u li jikkastiga lil dawk li jibqgħu jagħmlu l-​ħażen. (Ħabakkuk 2:3, 6-16) Hu jbassar li se “jirranġa l-​affarijiet kollha għall-​ġid taʼ ġnus setgħanin” u li l-​qaddejja approvati tiegħu se “joqogħdu bil-​qiegħda, kull wieħed taħt id-​dielja tiegħu u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.” (Mikea 4:3, 4) Immaġina x’serħan se jġib dan! Alla bassar u mbagħad wettaq ħafna affarijiet oħrajn. Ma tistax int tkun ċert li din il-​wegħda se titwettaq ukoll?

17, 18. (a) Alla għala jagħti tama lin-​nies? (b) Kif għandna nħarsu lejn id-​dixxiplina taʼ Ġeħova?

17 Ġeħova ma jwettaqx il-​wegħdi tiegħu sempliċement biex juri l-​abbiltà tiegħu li jbassar, bħallikieku biex jimpressjona lill-​bnedmin. L-​għemejjel tiegħu huma mqanqlin minn imħabba bi prinċipju, għax “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Ftakar fil-​każ taʼ Ħosea, li għex fit-​tmien seklu Q.E.K. Sewwasew bħalma Gomer, mart Ħosea, ma kinitx leali lejh, hekk ukoll l-​Israelin ma kinux leali lejn Ġeħova. L-​idolatrija tagħhom kienet bħal adulterju; huma ħalltu l-​qima taʼ Bagħal mal-​qima safja taʼ Ġeħova. Ukoll, b’mod figurattiv ‘żnew’ maʼ l-​Assirja u l-​Eġittu. Ġeħova kif kien se jirreaġixxi? Ħosea kellu jagħmel sforz biex ifittex lill-​mara żleali tiegħu sabiex iġibha lura. Ġeħova ġera bl-​istess mod wara l-​poplu tiegħu, għax kien iħobbu. “Bil-​ħbula tal-​qalb tajba umana bqajt niġbidhom, bl-​irbit taʼ l-​imħabba, . . . u b’ġentilezza tajt l-​ikel lil kull wieħed.” (Ħosea 2:5; 11:4) Kieku wieġbu bi ndiema sinċiera, kienu jkunu jistgħu jesperjenzaw il-​maħfra t’Alla, u b’hekk kien ikun possibbli għalihom li jerġaʼ jkollhom relazzjoni miegħu. (Ħosea 1:3, 4; 2:16, 23; 6:1-3; 14:4) Ma tħossokx int motivat meta taqra dwar l-​affezzjoni taʼ Ġeħova? Staqsi lilek innifsek, ‘Ladarba Ġeħova wera affezzjoni bħal din fil-​passat, ma nistax jien inkun ċert mill-​imħabba tiegħu, mill-​affezzjoni tiegħu li hi tenera, leali, ma titbiddilx, u li ma tmut qatt?’—Ħosea 11:8.

18 Dawn it-​12-il ktieb profetiku jistgħu jgħinuk ukoll biex tara li l-​imħabba t’Alla tistaʼ tinkludi l-​korrezzjoni. Ġeħova żgura lill-​poplu żbaljat tiegħu li hu ma kienx se ‘jeqirdu għalkollox.’ (Għamos 9:8) Meta kien meħtieġ kastig, Alla ma żammx lura milli jagħtih, imma kemm messu kien taʼ serħan li jkunu jafu li l-​kastig tiegħu kien se jkun temporanju! Malakija 1:6 jxebbah lil Ġeħova maʼ missier kollu mħabba. Int taf li missier jistaʼ jiddixxiplina lit-​tfal maħbubin tiegħu sabiex jikkoreġihom. (Naħum 1:3; Ebrej 12:6) Però, l-​imħabba taʼ Missierna tas-​sema tagħmlu tqil biex jirrabja, u Malakija 3:10, 16 jikkonferma li hu jippremja b’mod ġeneruż lill-​qaddejja tiegħu.

19. Liema eżami persunali hu xieraq li nagħmlu?

19 Malakija jibda l-​ktieb tiegħu bl-​assiguranza: “‘Ħabbejtkom,’ qal Ġeħova.” (Malakija 1:2) Hekk kif tirrifletti dwar din l-​assiguranza divina li ngħatat lil Israel, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed jien nagħmel xi ħaġa li tistaʼ tfixkilni milli ngawdi l-​imħabba t’Alla? X’hemm dwar l-​imħabba t’Alla li rrid inkun naf jew nesperjenza iktar bis-​sħiħ?’ Jekk tħoss l-​imħabba t’Alla b’mod profond, tistaʼ tkun iktar ċert mill-​affezzjoni eterna tiegħu.

IL-​MAĦFRA TIFTAĦ IT-​TRIQ GĦAS-​SALVAZZJONI

20. Il-​maħfra divina kif tiftaħ it-​triq għas-​salvazzjoni?

20 Meta taqra dawn il-​kotba profetiċi, tinnota li kultant Ġeħova bassar xi gwaj. Għala? Spiss kien biex iqanqal lill-​poplu tiegħu ħalli jindem. Għal din ir-​raġuni, hu ppermetta lill-​barranin jeqirdu lis-​Samarija fis-​sena 740 Q.E.K. u lil Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Dak li bassar Alla twettaq, imma iktar tard hu ppermetta li wħud niedma jmorru lura f’pajjiżhom. Iva, dawn il-​kotba jenfasizzaw li Alla bil-​ħlewwa jaħfer u jerġaʼ jsaħħaħ lil dawk li jagħtu daharhom lid-​dnub u jmorru għandu. (Ħabakkuk 3:13; Sofonija 2:2, 3) Mikea ġie mqanqal jiddikjara: “Min hu Alla bħalek, li jaħfer l-​iżball u jħalli għaddej in-​nuqqas tal-​fdal tal-​wirt tiegħu? Żgur li ma jibqax irrabjat għal dejjem, għax jitgħaxxaq bil-​qalb tajba bl-​imħabba.” (Mikea 7:18; Ġoel 2:13; Żakkarija 1:4) It-​twettiq tal-​profeziji jikkonferma li dan hu minnu.

21. (a) It-​12-il profeta x’indikaw dwar il-​Messija? (b) Liema profeziji Messjaniċi jinteressawk l-​iktar?

21 Rigward bażi legali u permanenti għal maħfra dejjiema, Ġeħova bassar il-​miġja tal-​Messija, li kellu jissagrifika l-​ħajja umana tiegħu bħala “fidwa ekwivalenti” għall-​umanità midinba. (1 Timotju 2:6) Għamos irrefera għat-​tiġdid li kellu jġib il-​Messija, bin David. (Għamos 9:11, 12; Atti 15:15-19) Mikea semma wkoll il-​post innifsu fejn kellu jitwieled Ġesù, il-​wieħed li kellu jiġi u jġib benefiċċji li jagħtu l-​ħajja lil dawk kollha li kienu se jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju Tiegħu. (Mikea 5:2) U Żakkarija tkellem dwar ir-​“Rimja,” Ġesù, li kellu “joqgħod bil-​qiegħda u jaħkem fuq it-​tron tiegħu.” (Żakkarija 3:8; 6:12, 13; Luqa 1:32, 33) Il-​fidi tiegħek żgur li se tissaħħaħ meta teżamina iktar profeziji bħal dawn.—Ara l-​kaxxa “Profeziji Prinċipali dwar il-​Messija.”

22. Kif tissaħħaħ il-​fiduċja tiegħek f’Ġeħova minn dak li jgħidu dwaru t-​12-il profeta?

22 Int u taqra l-​messaġġi tat-​12-il profeta, il-​fiduċja tiegħek fir-​rebħa finali t’Alla se tikber. Ġeħova hu l-​Wieħed li jaqbeż għalina, u hu se jġib il-​ġustizzja vera. Il-​kelma t’Alla tibqaʼ valida. Hu jiftakar fil-​ftehim tiegħu mal-​poplu tiegħu, jieħu ħsieb il-​qaddejja tiegħu, u jeħlishom minn kulmin jaħqarhom. (Mikea 7:8-10; Sofonija 2:6, 7) Ġeħova ma nbidilx. (Malakija 3:6) Kemm nistrieħu meta nkunu nafu li għal Alla m’hemm ebda diffikultà jew ostaklu li jistaʼ jwaqqfu milli jwettaq l-​iskop tiegħu! Meta jgħid li jum il-​ġudizzju tiegħu se jiġi, nistgħu nkunu ċerti li jiġi. Għalhekk, ibqaʼ għassa għal jum Ġeħova! “Ġeħova jkun sultan fuq l-​art kollha. F’dak il-​jum Ġeħova se jkun wieħed, u ismu wieħed.” (Żakkarija 14:9) Dak li Hu jbassar, Hu jwettqu.

[Nota taʼ taħt]

a F’Novembru taʼ l-​2002, qabel il-​gwerra fl-​Iraq, il-​Professur Dan Cruickshank żar ir-​reġjun. Hu rrapporta fuq it-​televixin tal-​BBC: “Fit-​tarf taʼ Mosul hemm il-​belt imħarbta taʼ Ninwe, li—flimkien maʼ Nimrud . . . ilha titħaffer bil-​ħerqa minn arkeoloġi Britanniċi sa mill-​1840 ’il quddiem. . . . L-​esplorazzjoni taʼ dawn il-​bliet Assirjani ma kienet tfisser xejn iktar ħlief is-​sejba taʼ ċivilizzazzjoni li ilha li ntilfet—hija kważi ħrafa—u li kienet magħrufa biss minn deskrizzjonijiet fil-​qosor, misterjużi, u xejn sbieħ li jinsabu fil-​Bibbja.”

[Kaxxa f’paġna 47]

KIF TISSAĦĦAĦ IL-​FIDI TIEGĦEK

• minħabba li Ġeħova jistaʼ kollox?—Ġoel 1:15.

• minħabba li Alla hu imparzjali?—Żakkarija 8:23.

• minħabba t-​tifsira sinifikanti taʼ l-​isem t’Alla? —Mikea 5:4.

[Kaxxa f’paġna 54]

KIF TISTAʼ SSAĦĦAĦ IR-​RELAZZJONI TIEGĦEK M’ALLA

• billi timmedita dwar l-​abbiltà tiegħu li jwettaq il-​wegħdi tiegħu?—Ġoel 2:11.

• billi tirrifletti dwar l-​imħabba tenera tiegħu?—Ħosea 11:4; 14:4; Sofonija 3:17.

• billi taħseb fil-​fond dwar il-​ħniena u l-​maħfra tiegħu?—Ħosea 2:23; Mikea 7:18.

[Kaxxa f’paġna 45]

ĠEĦOVA HU DAK LI JISTAʼ KOLLOX

Xaddaj hu titlu bl-​Ebrajk għal Alla li jfisser “Dak li Jistaʼ Kollox.” Dan it-​terminu huwa użat darba fit-​12-il ktieb profetiku, f’Ġoel 1:15. Ġie suġġerit li t-​tifsira primarja tiegħu hi “kun b’saħħtek” jew “aġixxi b’qawwa.” Espressjoni simili, ‘Ġeħova taʼ l-​armati,’ tinsab 107 darbiet fit-​12-il ktieb. Il-​kelma setgħa tagħtina x’nifhmu saħħa jew qawwa biex jitwettaq skop. Tfisser ukoll li jingħelbu l-​ostakli jew l-​oppożizzjoni. Il-​fatt li Ġeħova jistaʼ kollox jinvolvi l-​qawwa irreżistibbli li għandu biex iwettaq l-​iskop tiegħu, biex iwettaq dak li jbassar.

[Tabella/Stampa f’paġna 55]

PROFEZIJI PRINĊIPALI DWAR IL-​MESSIJA

Profezija Fejn Tinsab Twettiq

Jitwieled f’Betlehem Mikea 5:2 Luqa 2:​4-​11;

Ġwanni 7:​42

Jissejjaħ ’il barra Ħosea 11:1 Mattew 2:​14, 15

mir-refuġju fl-​Eġittu

Jidħol Ġerusalemm Żakkarija 9:9 Mattew 21:​1-​9;

fuq ħmar Ġwanni 12:​12-​15

Tradut għal Żakkarija 11:12 Mattew 26:​15; 27:​3-​10

30 biċċa tal-​fidda

Jindarab ir-​Ragħaj, Żakkarija 13:7 Mattew 26:​31, 56

dawk tal-​merħla

jitferrxu

Minfud waqt li Żakkarija 12:10 Mattew 27:​49;

mdendel maʼ zokk Ġwanni 19:​34, 37

F’qabar għal partijiet Ġona 1:17; 2:10 Mattew 12:39, 40; 16:21;

minn tlett ijiem, 1 Korintin 15:​3-​8

imbagħad irxoxtat

[Stampa f’paġna 48]

Ninwe dehret li ħadd ma setaʼ jirbħilha, u madankollu x’ġara mill-​profezija taʼ Ġeħova?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja