Kapitlu Tmienja
“X’Qed Jitlob Minnek Ġeħova?”
1, 2. Għala tistaʼ tqawwi qalbek jekk toqgħod attent għal kif Ġeħova rreaġixxa għat-taħsir morali tal-poplu li kellu fil-qedem?
IMMAĠINA din ix-xena: Tifla tinħasad meta tismaʼ lil xi ħadd iħabbat b’mod vjolenti fuq il-bieb. Hi tibżaʼ li wara l-bieb hemm in-negozjant korrott li jrid minnufih il-flus li l-familja tagħha għandha tagħtih. Hu sfrutta lil ħafna billi uża miżien qarrieq u talab interessi illegali. Biex ma jiġix kastigat, ixaħħam lill-mexxejja tal-belt, u dawn jinjoraw l-għajat għall-għajnuna tal-vittmi. It-tifla tħoss li m’għandhiex min jiddefendiha; missierha abbanduna l-familja tagħha biex jieħu mara iżgħar fl-età. Hi u ommha jistgħu jinbiegħu bħala lsiera.
2 Din ix-xena tinkludi ftit mill-prattiki mmaqdrin mit-12-il profeta. (Għamos 5:12; 8:4-6; Mikea 6:10-12; Sofonija 3:3; Malakija 2:13-16; 3:5) Kieku kont tgħix dak iż-żmien, kif kont tirreaġixxi? Għalkemm is-sitwazzjoni tidher negattiva, int tistaʼ tqawwi qalbek minħabba l-karatteristiki pożittivi taʼ Ġeħova meta aġixxa mal-poplu tiegħu fi żmien dawn il-profeti. Iva, tistaʼ tara minn dawn it-12-il ktieb li Alla enfasizza kwalitajiet u attitudnijiet taʼ min jammirahom. L-inkuraġġiment tiegħu jistaʼ jsaħħaħlek il-morali, jimmotivak biex tagħmel it-tajjeb, u jqanqlek biex tfaħħru. Peress li l-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova riesaq bil-ħeffa, il-fatt li toqgħod attent għall-messaġġ pożittiv li hemm f’dawn il-kotba jistaʼ jagħtik id-dehen dwar x’qed jitlob minnek Alla. Ibda billi tħares lejn żmien Mikea, fit-tmien seklu Q.E.K.
X’QED JITLOB MINNEK ĠEĦOVA?
3, 4. (a) Liema talba bil-ħrara li tiġbdek hi inkluża fil-ktieb taʼ Mikea? (b) Kif int effettwat personalment bil-mistoqsija li hemm f’Mikea 6:8?
3 Meta taqra l-ktieb taʼ Mikea, għall-ewwel forsi tħoss li hu xi litanija, jew lista twila, t’akkużi kontra l-Israelin ribellużi. Naturalment, Ġeħova m’għalaqx għajnejh għat-taħsir morali tal-poplu dedikat tiegħu, inkluż dawk li ddeskriva bħala li ‘jobogħdu dak li hu tajjeb u jħobbu l-ħażen.’ (Mikea 3:2; 6:12) Xorta waħda, flimkien mad-denunzja, hemm waħda mit-twissijiet tal-Bibbja li l-iktar li tiġbdek u timmotivak. Mikea jiffoka fuq is-Sors tal-livelli ġusti u jistaqsi din il-mistoqsija li tqanqal il-ħsieb: “X’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest fil-mixi tiegħek m’Alla?”—Mikea 6:8.
4 Qed tinduna int li din hija talba bil-ħrara mingħand il-Ħallieq tagħna? Qed niġu mfakkrin bl-imħabba dwar attitudnijiet pożittivi li nistgħu nadottaw minflok ma nħallu lilna nfusna niġu żvijati mill-ħafna ħażen li hawn madwarna. Ġeħova jaf li, bħala bnedmin leali, aħna nixtiequ nikkultivaw kwalitajiet divini, u hu għandu fiduċja sħiħa fina. Kif kont twieġeb int kieku staqsewk personalment: “X’qed jitlob minnek Ġeħova?” Tistaʼ tidentifika xi aspetti f’ħajtek li fihom il-livelli morali t’Alla qed jagħmlu—jew suppost li qed jagħmlu—differenza? Ir-relazzjoni tiegħek m’Alla u l-kwalità taʼ ħajtek jitjiebu bil-kbir hekk kif tkompli tilħaq dawn il-livelli. B’ġenna taʼ l-art eżatt quddiemek, agħmel il-kuraġġ b’din it-twissija: “Iżirgħu bis-sewwa; aħsdu skond il-qalb tajba bl-imħabba. Aħdmu l-art li hi tajba għall-ħrit, meta għad hemm ħin biex tfittxu lil Ġeħova sakemm jiġi u jistruwikom dwar is-sewwa.” (Ħosea 10:12) Issa ejja neżaminaw xi punti fundamentali fil-pariri mill-aħjar taʼ Mikea 6:8.
“KUN MODEST”
5. Għala hu importanti li ‘nkunu modesti’ fil-mixi tagħna m’Alla?
5 B’mod sinifikanti, Mikea jgħid li Ġeħova qed jitlobna ‘nkunu modesti fil-mixi tagħna’ Miegħu. Il-modestja tistaʼ tkun biss taʼ ġid għalina għaliex “l-għerf hu mal-modesti.” (Proverbji 11:2) Il-modestja tinkludi li nkunu konxji tal-limitazzjonijiet li d-dnub taʼ Adam għabbiena bihom. Il-fatt li nammettu li twelidna bid-dnub huwa l-ewwel pass vitali biex nistinkaw ħalli nevitaw kwalunkwe dnub apposta.—Rumani 7:24, 25.
6. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nirrikonoxxu bil-modestja l-konsegwenzi tad-dnub?
6 Il-modestja, flimkien maʼ l-umiltà, għala hi daqshekk importanti biex nevitaw id-dnub apposta? Sewwa, individwu modest jirrikonoxxi l-qawwa li għandu d-dnub. (Salm 51:3) Ħosea jgħinna nifhmu li d-dnub jistaʼ jħajjarna u li, fl-aħħar mill-aħħar, dejjem iġib riżultati li jħarbtuna. Per eżempju, Ġeħova wiegħed li ‘jitlob kont’ tad-diżubbidjenza tal-poplu li kellu fil-qedem. Taħseb li dan jagħti l-impressjoni li l-midinbin immodesti setgħu jiskansaw il-konsegwenzi kollha? Forsi hekk ittamaw, ladarba d-dnub spiss iqarraq bil-midneb u ijassru. Iktar importanti, id-dnub jifred lill-midinbin minn Alla, u għandu mnejn iġegħelhom jaslu sa dan l-estrem: “L-aġir tagħhom ma jippermettilhomx jerġgħu lura lejn Alla tagħhom.” Id-dnub li jsir apposta jgħawwar is-saħħa morali tal-midneb u jittrasformah f’wieħed ‘li jipprattika dak li hu ħażin.’ Iżjed minn hekk, bid-dnub, il-ħajja tal-midneb ma jkollhiex suċċess. Huwa minnu li għal xi żmien jistaʼ jidher li għamel suċċess, imma l-midneb li ma jindimx ma jistax jippretendi li jkollu l-approvazzjoni t’Alla.—Ħosea 1:4; 4:11-13; 5:4; 6:8.
7. Nies modesti kif iwieġbu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova?
7 Nies modesti jammettu wkoll li jeħtieġu d-direzzjoni t’Alla biex jevitaw il-konsegwenzi li jnikktu tad-dnub. Mikea ra bil-quddiem żmien—żmienna—meta kotriet taʼ nies kellhom ifittxu bil-ħerqa li jiġu ‘mgħallmin dwar it-triqat taʼ Ġeħova’ u li ‘jimxu fil-mogħdijiet tiegħu.’ Dawn il-ġwejdin ifittxu l-“liġi” u “l-kelma taʼ Ġeħova.” Int x’aktarx li tinsab hieni fost dawk li jixtiequ ‘jimxu f’isem Ġeħova’ billi jwieġbu għall-ħtiġijiet tiegħu. Xorta waħda, bħal Mikea, forsi jinteressak li tkun taf modi oħrajn kif tibqaʼ “safi” moralment. (Mikea 4:1-5; 6:11) Se jkun t’għajnuna kbira għalik li tfittex bil-modestja li tagħmel dak li qed jitlob minnek Ġeħova.
RAWWEM MORALI GĦOLJIN
8. Xi nnotajt int dwar il-morali tad-dinja llum?
8 Biex jgħinna nkunu b’saħħitna spiritwalment u fiżikament, Ġeħova jitlobna nkunu safjin moralment minkejja t-taħsir li hemm fid-dinja taʼ madwarna. (Malakija 2:15) Aħna nirċievu ħafna messaġġi mimlijin kontenut sesswali. Ħafna nies iħossu li l-fatt li jaraw stampi u films pornografiċi, jaqraw dwar attivitajiet sesswali oxxeni, u jisimgħu diski b’lirika provokanti hu parti mill-ħajja normali. Iktar minn hekk, hemm ħafna rġiel li ma jirrispettawx lin-nisa, billi jqisuhom bħala sempliċi oġġetti sesswali. Jew iż-żgħażagħ fl-iskola għandhom mnejn iżewqu diskorshom b’ċajt oxxen u bi kliem doppju sens. Kif tistaʼ int tirreżisti dawn l-influwenzi korrotti?
9. Ħafna kif naqsu li jappoġġaw il-livelli taʼ Ġeħova matul iż-żmien tat-12-il profeta?
9 It-12-il profeta li qed nikkunsidraw jagħtuna twissijiet prezzjużi. Huma għexu qabel l-era tat-teatri kbar taċ-ċinema, fejn jintwerew iktar minn film wieħed, u tal-ħwienet li jbigħu l-vidjos, u madankollu fi żmienhom kien hemm simboli falliċi, l-hekk imsejħa prostituzzjoni sagra, u taħlit sesswali bla mistħija. (1 Slaten 14:24; Isaija 57:3, 4; Ħabakkuk 2:15) Int tistaʼ tara evidenza taʼ dan f’dak li kitbu l-profeti: “Għax l-irġiel jitilqu għal rashom mal-prostituti, u joffru sagrifiċċji mal-prostituti nisa tat-tempju.” “Raġel u missieru marru għand l-istess tfajla, bl-iskop li jkasbru l-isem qaddis tiegħi.” Xi wħud kienu b’mod regulari “jħallsu lill-prostituti” f’riti taʼ fertilità.a L-adulterju kien komuni minħabba li l-miżżewġin żleali kienu ‘jmorru wara l-maħbubin appassjonati tagħhom.’—Ħosea 2:13; 4:2, 13, 14; Għamos 2:7; Mikea 1:7, Contemporary English Version.
10. (a) X’inhu l-kaġun prinċipali tal-kondotta immorali? (b) Il-poplu li kellu Alla fil-qedem kif sar ħati taʼ żína spiritwali?
10 Int x’aktarx tirrealizza li l-immoralità sesswali tirrifletti l-attitudni u l-motivi taʼ persuna. (Marku 7:20-22) Ġeħova qal dwar il-poplu immorali tiegħu li “l-ispirtu taż-żína [“ix-xenqa għas-sess,” CEV] ġegħelhom jiżvijaw” u li huma ma kienu “jwettqu xejn ħlief kondotta laxka.” (Ħosea 4:12; 6:9)b Żakkarija semma “l-ispirtu taʼ nuqqas taʼ ndafa.” (Żakkarija 13:2) Il-mod taʼ ħajja tan-nies kien jinvolvi attitudni sfaċċata, billi kienu jinjoraw jew saħansitra jistmerru l-livelli u l-awtorità taʼ Ġeħova. B’hekk, sabiex jikkoreġi l-motivi tiegħu, wieħed ried ibiddel għalkollox il-ħsibijiet tiegħu u l-kundizzjoni taʼ qalbu. Billi jirrealizzaw dan, il-Kristjani għandhom ikunu saħansitra iktar grati għall-għajnuna li jirċievu biex jevitaw l-immoralità u l-konsegwenzi traġiċi tagħha.
AĦDEM BIEX IŻŻOMM IS-SAFA MORALI
11. X’inhuma xi konsegwenzi taʼ l-immoralità sesswali?
11 Forsi int rajt li l-morali laxki spiss ikissru l-familji, iċaħħdu lit-tfal mill-gwida tal-ġenituri, iwasslu għal mard moqżież u għal iktar aborti li jeqirdu l-ħajja. Dawk li jinjoraw lill-Ħallieq fi kwistjonijiet taʼ sesswalità spiss iġarrbu ħsara fiżika u emozzjonali. Mikea kiteb: “Minħabba l-fatt li [persuna] ma baqgħetx nadifa, hemm it-tifrik; u x-xogħol tat-tifrik hu taʼ wġigħ.” (Mikea 2:10) Il-fatt li jafu dan isaħħaħ id-deċiżjoni taʼ nies devoti. Peress li ma joqogħdux jaħsbu fuq ħsibijiet impuri, huma jevitaw li jniġġsu lil qalbhom u lil moħħhom.—Mattew 12:34; 15:18.
12. Kif nibbenefikaw meta naċċettaw il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn is-sess?
12 Il-Kristjani ma jirreaġixxux sempliċement għax jibżgħu mill-mard jew għax inisslu xi wild illeġittimu. Huma jaraw il-valur taʼ li jrawmu mħabba għal-liġi t’Alla u li jadottaw il-ħarsa tiegħu lejn il-morali sesswali. Ġeħova poġġa fil-bnedmin xewqa normali għal relazzjonijiet sesswali bħala espressjoni taʼ l-imħabba fiż-żwieġ. Dan kien parti mill-iskop kreattiv t’Alla. Meta jinżamm fil-kuntest xieraq tiegħu—fiż-żwieġ—is-sess ikun taʼ benefiċċju, billi jgħaqqad lil raġel u mara flimkien u kultant jirriżulta fil-prokreazzjoni. Minkejja dan, meta jsir is-sess barra ż-żwieġ issir ħsara kbira, kif jintwera minn dak li qalu t-12-il profeta. Prattiki tas-sess immorali wasslu għad-diżapprovazzjoni t’Alla. Dan kien prezz għoli ħafna li kellu jitħallas f’dak iż-żmien, u jkun daqstant prezz għoli li kwalunkwe individwu jkollu jħallas illum.
13. Kif nistgħu aħna, sa ċertu punt, ‘inwarrbu ż-żína’ u nevitaw it-tentazzjoni?
13 Ħosea talab bil-ħniena lin-nies taʼ żmienu biex ineħħu, jew ‘iwarrbu, iż-żína minn quddiemhom,’ li kien ifisser li riedu jieħdu azzjoni konkreta biex jipproteġu l-morali tagħhom. (Ħosea 2:2) Fil-każ tagħna, huwa għaqli li nwarrbu minn kwalunkwe sitwazzjoni li tistaʼ twassal għal kompromess. Per eżempju, forsi spiss qed tħabbat wiċċek maʼ xi tentazzjoni fl-iskola jew fl-akkwata tiegħek. Forsi ma tistax tbiddel l-iskola jew id-dar fejn toqgħod, imma jistaʼ jkun hemm modi oħrajn kif titbiegħed mit-tentazzjoni, u b’hekk ‘twarrab iż-żína minn quddiemek.’ Għarraf lil oħrajn li int Kristjan veru, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. B’mod ċar u bir-rispett, spjega l-valuri u t-twemmin tiegħek. Kun ċert li oħrajn ikunu jafu li int deċiż li żżomm mal-livelli għoljin taʼ Ġeħova. (Għamos 5:15) Mod ieħor kif “twarrab iż-żína” hu billi tevita l-pornografija u d-divertiment dubjuż. Dan jistaʼ jinvolvi li tarmi xi rivista jew li ssib ħbieb ġodda—dawk li jħobbu lil Ġeħova u li jaqblu li int għandek tagħmel dak li qed jitlob minnek. (Mikea 7:5) Iva, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, int tistaʼ tevita li titniġġes bl-immoralità tad-dinja!
“ĦOBB IL-QALB TAJBA”
14, 15. (a) Xi jfisser li ‘tħobb il-qalb tajba’? (b) Il-fatt li nkunu nħobbu l-qalb tajba kif jgħinna nkunu bla ħtija?
14 Mikea enfasizza li Ġeħova jitlobna ‘nħobbu l-qalb tajba.’ Il-fatt li nuru qalb tajba jinvolvi li nagħmlu affarijiet tajbin minflok affarijiet li jagħmlu l-ħsara. Il-qalb tajba hi assoċjata mill-qrib mat-tjubija u l-eċċellenza morali. Teħtieġ minna li nkunu onesti u ġusti fil-kwistjonijiet persunali tagħna u fir-relazzjoni tagħna m’oħrajn. F’Kapitlu 6 taʼ dan il-ktieb, eżaminajna aspetti importanti tal-ħajja, bħalma huma l-kwistjonijiet tan-negozju u tal-flus, li fihom il-ġustizzja u l-onestà għandhom irwol vitali. Imma dawn m’humiex l-uniċi aspetti tal-ħajja li fihom għandna nkunu ġusti, onesti, u qalbna tajba.
15 Nies li jħobbu l-qalb tajba u li jridu jagħmlu l-ġid lil oħrajn jistinkaw biex ikunu bla ħtija. Ġeħova qal lill-Israelin li ma kinux qed iwettqu l-obbligi materjali tagħhom lejn il-qima safja: “Intom tisirquni.” (Malakija 3:8) Taf int b’xi modi kif wieħed jistaʼ jkun qed ‘jisraq’ lil Alla llum? Xi ngħidu jekk Kristjan ikollu aċċess għall-fondi mogħtijin għall-avanz taʼ l-interessi tas-Saltna fil-kongregazzjoni lokali jew f’xi setting ieħor? Taʼ min huma l-flus? Dawn il-fondi huma fl-aħħar mill-aħħar taʼ Ġeħova, ladarba ngħataw għall-avanz tal-qima tiegħu. (2 Korintin 9:7) Għandu xi ħadd jaħseb li jistaʼ “jissellef” dawn il-flus biex jużahom għal xi emerġenza persunali jew inkella juża fondi dedikati mingħajr l-awtorizzazzjoni xierqa? Dażgur li le. Dan ikun bħallikieku wieħed jisraq lil Alla! U żgur li ma jkunx qed jaġixxi b’qalb tajba jew bil-ġustizzja maʼ dawk li kkontribwew dawn il-fondi għax-xogħol t’Alla.—Proverbji 6:30, 31; Żakkarija 5:3.
16, 17. (a) Xi wħud kif urew ir-regħba fi żmien Għamos u Mikea? (b) Alla kif iħares lejn ix-xenqa b’għira?
16 Ukoll, il-qalb tajba u t-tjubija jqanqlu lill-Kristjani biex jevitaw ix-xenqa b’għira. Fi żmien Għamos, ir-regħba estrema kienet komuni. Predaturi bla xabaʼ kienu lesti “jbigħu lill-ġust”—aduratur seħibhom stess—“għall-fidda”! (Għamos 2:6) L-istess kien jiġri fi żmien Mikea, meta l-għonja taʼ Ġuda ħatfu l-proprjetà mingħand dawk li kienu dgħajfin wisq biex jiddefendu ruħhom, u jekk kien ikun hemm bżonn kienu jiħduha bil-forza. (Mikea 2:2; 3:10) Meta kienu jaħtfu l-art taʼ sħabhom, dawn l-individwi rgħibin kienu jiksru l-Liġi taʼ Ġeħova: inkluż l-aħħar waħda mill-Għaxar Kelmiet u r-regolamenti kontra li xi ħadd ibigħ b’mod permanenti l-art li jkun wiret.—Eżodu 20:13, 15, 17; Levitiku 25:23-28.
17 Forsi llum m’huwiex daqshekk komuni li l-bnedmin jinbiegħu jew jitjassru bħalma kien fi żmien il-profeti. Madankollu, xi ngħidu dwar li wieħed jieħu vantaġġ finanzjarju jew jipprofitta ruħu minn oħrajn? Kristjan li jħobb il-qalb tajba żgur li mhux se jipprofitta ruħu minn aduraturi sħabu. Per eżempju, hu jirrealizza li la jkun xieraq u lanqas ikun taʼ qalb tajba li jibda xi negozju jew jippromwovi xi skema taʼ investiment bil-mira li sħabu fit-twemmin ikunu l-konsumaturi prinċipali. Dan ikun qed juri li hu rgħib, xi ħaġa li l-Kristjani huma mwissijin kontriha, jekk jippjana li jsir sinjur malajr minn fuq dahar Kristjani sħabu. (Efesin 5:3; Kolossin 3:5; Ġakbu 4:1-5) Ir-regħba tistaʼ tidher fl-imħabba għall-flus, fix-xewqa għall-poter jew għall-ġid, saħansitra fil-kilba għall-ikel u x-xorb, is-sess, jew affarijiet oħrajn. Mikea wera li nies rgħibin li jaqdu l-interessi tagħhom stess akkost taʼ kollox ‘ma jixbgħux.’ Dan hu minnu llum ukoll.—Mikea 6:14.
18, 19. (a) X’qalu xi wħud mit-12-il profeta dwar il-fatt li Ġeħova jieħu ħsieb ir-“resident barrani”? (b) Il-fatt li turi interess bl-imħabba lejn oħrajn kif jistaʼ jtejjeb ir-relazzjonijiet fejn tgħix int?
18 Ġeħova istruwixxa lill-poplu tiegħu biex ma ‘jimbrolja lil ebda resident barrani.’ U permezz taʼ Malakija, Alla ddikjara: ‘Nersaq lejkom għall-ġudizzju, kontra dawk li jkeċċu lir-resident barrani.’ (Żakkarija 7:10; Malakija 3:5) Qiegħed il-post fejn toqgħod int jinbidel minħabba li daħlu ħafna immigranti jew oħrajn taʼ nazzjonalità, razza, jew sfond differenti? Forsi huma ġew hemmhekk biex ifittxu s-sigurtà, ix-xogħol, jew kundizzjonijiet aħjar fejn jgħixu. Kif tħares int lejn nies li l-lingwa u l-istil taʼ ħajja tagħhom huma differenti minn tiegħek? Għandek xi tendenzi lejn il-preġudizzju, li fil-fatt ikunu preċiżament l-oppost tal-qalb tajba?
19 Aħseb ftit kemm se jirreaġixxu b’mod pożittiv in-nies jekk int turi li dawk li huma minn pajjiżi jew sfondi oħrajn jistħoqqilhom daqsek li jisimgħu bil-verità Kristjana. Ukoll, il-qalb tajba ma tħallix li jinbet ġo fik xi sentiment li dawn l-uħud ġodda qed jieħdu dak li mhux tagħhom għax jużaw is-Sala tas-Saltna jew riżorsi oħrajn. L-appostlu Pawlu fakkar lil xi Kristjani Lhud taʼ l-ewwel seklu, li kellhom xi preġudizzju lejn dawk li ma kinux Lhud, li attwalment ħadd ma kien jistħoqqlu s-salvazzjoni; kien biss permezz tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li sar possibbli li xi ħadd jasal għas-salvazzjoni. (Rumani 3:9-12, 23, 24) Il-qalb tajba lejn oħrajn tqanqalna nithennew bil-fatt li l-imħabba t’Alla issa qiegħda tasal għand ħafna nies li qabel ma tantx kellhom opportunità li jisimgħu l-aħbar tajba. (1 Timotju 2:4) Nies minn pajjiżi jew sfondi oħrajn spiss ikunu żvantaġġati, u għalhekk għandna nuruhom interess u qalb tajba, billi nilqgħuhom fostna u nittrattaw lil kull wieħed minnhom “bħal wieħed imwieled fil-pajjiż.”—Levitiku 19:34.
IMXI MAʼ L-ALLA L-VERU
20. Xi Israelin lejn min daru għal direzzjoni?
20 Mikea enfasizza wkoll li għandna nimxu m’Alla, nafdawh bħala l-Alla l-veru billi nfittxu l-gwida tiegħu. (Proverbji 3:5, 6; Ħosea 7:10) Wara li l-Lhud ġew lura mill-eżilju, xi wħud daru lejn dawk li jeħbru, dawk li jbassru l-ġrajjiet, u l-allat foloz, forsi għall-għajnuna waqt xi nixfa. Fir-realtà, huma sejħu lill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar biex jgħinuhom, minkejja li Ġeħova kien ikkundanna b’mod ċar dawn il-prattiki kollha. (Dewteronomju 18:9-14; Mikea 3:6, 11; 5:12; Ħaggaj 1:10, 11; Żakkarija 10:1, 2) Dawk il-Lhud kienu qed jinvolvu ruħhom mal-ħlejjaq spirti li jopponu lill-Alla l-veru!
21, 22. (a) Liema forom taʼ spiritiżmu huma komuni fejn toqgħod int? (b) Il-qaddejja veri taʼ Ġeħova għala ma jinvolvux ruħhom fl-okkult?
21 Illum xi wħud jaħsbu li l-ispirti mill-agħar imsemmijin fl-Iskrittura huma sempliċement simbolu tal-ħażen. Madankollu, il-Bibbja tirrivela li d-demonji huma reali u qegħdin wara l-astroloġija, is-seħer, u xi tipi taʼ maġija. (Atti 16:16-18; 2 Pietru 2:4; Ġuda 6) Il-perikli taʼ l-ispiritiżmu huma daqstant reali. In-nies f’ħafna kulturi jistrieħu fuq ix-xamani, jew uħud li jfejqu bil-maġija u li jsostnu li għandhom qawwiet misterjużi, u fuq is-sħaħar. Oħrajn ifittxu d-direzzjoni mill-oroskopju jew karti tat-tarot, bsaten tat-teħbir, Ouija boards, jew kristalli speċjali. Hu komuni wkoll li xi wħud jipprovaw jikkomunikaw maʼ l-ispirti tal-mejtin. Jingħad li xi ħakkiema jduru għall-astroloġija u medji taʼ l-ispirti biex jgħinuhom meta jkunu se jieħdu xi deċiżjoni. Jidher ċar li dan kollu huwa kuntrarju għall-parir taʼ Mikea biex nimxu maʼ l-Alla l-veru billi nsegwu l-gwida tiegħu.
22 Żgur li int—bħala qaddej veru taʼ Ġeħova—trid titbiegħed minn dawn il-prattiki. Tistaʼ tkun ċert li Alla qatt ma juża l-maġija jew l-okkult biex jirrivela r-rieda tiegħu jew biex jeżerċita l-qawwa tiegħu. Minflok, bħalma jassigurana Għamos 3:7, Ġeħova ‘jirrivela l-ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.’ Iktar minn hekk, il-fatt li wieħed jinvolvi ruħu fl-okkult jistaʼ jġibu taħt l-effett u fil-kontroll tal-mexxej tad-demonji, Satana, li hu giddieb u li l-istrateġija tiegħu hi li jqarraq bin-nies. Hu u dawk li huma kompliċi miegħu huma determinati li jagħmlu l-ħsara, billi minn dejjem kienu u għadhom kefrin, saħansitra joqtlu lin-nies. (Ġob 1:7-19; 2:7; Marku 5:5) Nistgħu nifhmu għala Mikea kkundanna t-teħbir u s-sħaħar meta ħeġġiġna biex nimxu maʼ l-Alla l-veru.
23. Min biss jistaʼ jissodisfa dak li hu xieraq nitolbu għalih?
23 L-ispiritwalità vera tinsab biss maʼ Ġeħova u l-qima pura tiegħu. (Ġwanni 4:24) “Itolbu lil Ġeħova,” kiteb il-profeta Żakkarija. (Żakkarija 10:1) Saħansitra jekk tesperjenza attakki jew tentazzjonijiet kaġunati mill-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar, ftakar li “kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) Din l-assiguranza hi sinifikanti hekk kif inżommu qrib f’moħħna l-jum il-kbir tiegħu.
24. X’lezzjonijiet tieħu minn Mikea 6:8?
24 Jidher ċar li l-kliem f’Mikea 6:8 fih x’tomgħod. Biex ikollna moralità b’saħħitha jeħtieġ li jkollna motivi xierqa u kwalitajiet divini. Ħosea inkuraġġixxa lil dawk minna li qed ngħixu “fl-aħħar parti tal-jiem.” Hu qal li matul żmienna, nies li għandhom il-biżaʼ t’Alla kellhom ifittxu t-tjubija taʼ Ġeħova. (Ħosea 3:5) Għamos ikkonferma l-istedina t’Alla għalina biex nagħmlu eżatt hekk: “Fittxu dak li hu tajjeb, . . . sabiex tibqgħu tgħixu.” Niġu mħeġġin ukoll: “Ħobbu dak li hu tajjeb.” (Għamos 5:14, 15) Jekk nagħmlu hekk, se nesperjenzaw serħan billi nagħmlu dak li Ġeħova qed jitlob minna.
[Noti taʼ taħt]
a Joseph Rotherham, traduttur tal-Bibbja, jgħid dwar il-ġnus taʼ Kangħan, li l-Israelin għamlu bħalhom: “Il-qima tagħhom kienet senswali tabilħaqq u kiefra b’mod orribbli. Sabiex jonoraw lill-allat tagħhom, in-nisa kienu jċedu l-virtù tagħhom. Il-postijiet sagri tagħhom kienu djar taż-żína. L-organi riproduttivi kienu rappreżentati b’mod sfaċċat minn simboli moqżieża. Il-popli kellhom prostituti rġiel u nisa qaddisin (!).”
b Il-poplu t’Alla kien ħati wkoll taʼ żína spiritwali. Hu fittex relazzjonijiet illeċiti maʼ ġnus pagani u ħallat il-qima taʼ Bagħal mal-qima vera.
X’TISTAʼ TITGĦALLEM
• mill-appell taʼ Ġeħova biex int tgħix skond il-livelli tiegħu?—Żakkarija 6:15; Malakija 3:16, 18.
• billi timmedita dwar x’inhu d-dnub u l-konsegwenzi taʼ niket li jġib miegħu?—Malakija 4:1; Rumani 6:12-14; 1 Korintin 6:18.
• mill-iżbalji morali tal-poplu li kellu Alla fil-qedem?—Ħosea 8:7; 10:12; 14:9.
KIF TISTAʼ TIBBENEFIKA
• billi tadotta l-ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-moralità sesswali?—Ħosea 3:3; 4:11.
• billi tapplika t-twissijiet tat-12-il appostlu kontra r-regħba u li wieħed jaqdi l-interessi tiegħu stess?—Mikea 7:5-7; Filippin 2:4.
• billi tgħasses kontra l-ispiritiżmu u l-prattiki taʼ l-okkult?—Mikea 5:12; Naħum 3:4; Malakija 3:5.
[Kaxxa f’paġna 100]
EŻEMPJU TAʼ MODESTJA U SINĊERITÀ
Ġona wera sinċerità u modestja li ma ssibhomx fost kittieba li m’humiex Bibliċi. Hu tkellem bla tlaqliq dwar id-diżubbidjenza tiegħu stess u dwar episodji meta naqsitlu l-fiduċja tiegħu f’Ġeħova. Ma pprovax jgħatti l-attitudni mhix xierqa tiegħu lejn l-inkarigu li ngħata jew lejn il-fatt li Alla ħelisha lin-Ninwin. X’eżempju mill-aħjar taʼ modestja biex nimitawh!
[Stampa f’paġna 98]
Ġeħova m’għalaqx għajnejh għall-korruzzjoni u l-inġustizzja
[Stampa f’paġna 104]
Il-fatt li tgħarraf lil oħrajn b’mod ċar dwar it-twemmin Kristjan tiegħek se jkun taʼ protezzjoni għalik
[Stampa f’paġna 106]
Ħafna Kristjani bi mħabba jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-barranin
[Stampi f’paġna 109]
Il-qaddejja t’Alla jridu jitbiegħdu minn prattiki taʼ l-okkult