LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ie pp. 3-4
  • Hemm Ħajja Wara l-Mewt?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Ħajja Wara l-Mewt?
  • X’Jiġrilna meta Mmutu?
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mistoqsija Waħda, Ħafna Tweġibiet
  • Tema Komuni
  • Ħajja Wara L-mewt—In-Nies x’Jemmnu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Hemm Ħajja Wara l-Mewt?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ir-Ruħ Tibqaʼ Ħajja Wara l-Mewt?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Kemm Huwa Sod it-Twemmin Tiegħek fl-Irxoxt?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
X’Jiġrilna meta Mmutu?
ie pp. 3-4

Hemm Ħajja Wara l-​Mewt?

“Għax għal siġra hemm tama, jekk tinqataʼ, li tarġaʼ tarmi . . . Jekk il-​bniedem imut, jarġaʼ jgħix?”—MOSÈ, PROFETA TAL-​QEDEM.

1-3. Ħafna kif ifittxu l-​faraġ meta jkunu tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt?

F’KAMRA mortwarja fil-​belt taʼ New York, ħbieb u membri tal-​familja jgħaddu bil-​kwiet wara xulxin minn maġenb it-​tebut miftuħ. Iħarsu ċċassati lejn il-​ġisem, dak taʼ ġuvni taʼ 17-il sena. Ħbiebu taʼ l-​iskola bilkemm jistgħu jagħrfuh. Il-​kemjoterapija waqqgħetlu ħafna minn xagħru; il-​kanċer kien ġagħlu jogħlob ħafna. Kien dan tassew ħabibhom? Sa ftit tax-​xhur biss qabel, tant kien mimli b’ideat, b’mistoqsijiet, b’enerġija​—b’ħajja! L-​omm, b’qalbha maqsuma tipprova ssib tama u konsolazzjoni fl-​idea li b’xi mod binha għadu jgħix. Għal darba wara l-​oħra tirrepeti bid-​dmugħ f’għajnejha dak li kienet ġiet mgħallma: “Tommy iktar kuntent issa. Alla ried lil Tommy fis-​sema miegħu.”

2 Madwar 11,000 kilometru ’l bogħod, f’Jamnagar, ġewwa l-​Indja, it-​tliet ulied subjien taʼ negozjant taʼ 58 sena qegħdin jgħinu biex il-​ġisem mejjet taʼ missierhom jitqiegħed fuq pira. Fix-​xemx tiddi taʼ fil-​għodu, l-​iben il-​kbir jibda l-​proċedura tal-​kremazzjoni billi jqabbad il-​ħatab b’torċa u jferraʼ taħlita tfuħ taʼ ħwawar u inċens fuq il-​ġisem bla ħajja taʼ missieru. It-​tfaqqigħ tan-​nar huwa ssuperat minn leħen il-​Bramin hekk kif dan jirrepeti invokazzjonijiet bis-​Sankrit, li jfissru: “Jalla r-​ruħ li ma tmut qatt tkompli fl-​isforzi tagħha biex issir ħaġa waħda mar-​realtà aħħarija.”

3 Waqt li t-​tliet aħwa josservaw il-​kremazzjoni, kull wieħed minnhom jistaqsi fis-​skiet lilu nnifsu, ‘Nemmen jien f’ħajja wara l-​mewt?’ Peress li ħadu l-​edukazzjoni tagħhom f’partijiet differenti tad-​dinja, huma jwieġbu b’modi differenti. Iż-​żgħir iħossu fiduċjuż li l-​maħbub missierhom se jkollu riinkarnazzjoni għal ħajja taʼ pożizzjoni akbar. Il-​fostani jemmen li l-​mejtin huma f’ċertu sens reqdin, bla ma huma konxji taʼ xejn. Il-​kbir jipprova sempliċement jaċċetta r-​realtà tal-​mewt, għax jaħseb li ħadd ma jistaʼ jkun jaf fiż-​żgur x’jiġrilna meta mmutu.

Mistoqsija Waħda, Ħafna Tweġibiet

4. Liema mistoqsija nikktet lill-​umanità għal sekli sħaħ?

4 Hemmx ħajja wara l-​mewt? hija mistoqsija li ħawdet lill-​umanità għal millennji. “Saħansitra teologi jħossuhom skomdi meta jiġu ffaċċjati [biha],” jgħid Hans Küng, studjuż Kattoliku. Matul is-​sekli, nies f’kull soċjetà rriflettew fuq is-​suġġett, u hemm għadd kbir taʼ tweġibiet proposti.

5-8. X’jgħallmu diversi reliġjonijiet dwar il-​ħajja wara l-​mewt?

5 Ħafna Kristjani taʼ l-​isem jemmnu fil-​ġenna u fl-​infern. Il-​Ħindu, mill-​banda l-​oħra, jemmnu fir-​riinkarnazzjoni. Waqt li kkummenta fuq il-​ħarsa Musulmana, Amir Muawiyah, assistent f’ċentru reliġjuż Islamiku, jgħid: “Aħna nemmnu li se jkun hemm jum taʼ ġudizzju wara l-​mewt, meta tmur quddiem Allah, fejn tkun qisek dieħel ġewwa qorti.” Skond it-​twemmin Islamiku, Allah imbagħad se jiżen il-​korsa tal-​ħajja taʼ kull bniedem u jibagħtu l-​ġenna jew fin-​nar taʼ l-​infern.

6 Fis-​Sri Lanka, kemm il-​Buddisti u kemm il-​Kattoliċi jħallu l-​bibien u t-​twieqi miftuħin beraħ meta jmutilhom xi ħadd. Tinxtegħel lampa taż-​żejt, u t-​tebut jitpoġġa b’saqajn il-​mejjet iħarsu lejn il-​bieb taʼ barra. Huma jemmnu li dawn il-​miżuri jħaffu l-​ħruġ mid-​dar taʼ l-​ispirtu, jew ruħ, tal-​mejjet.

7 L-​Aboriġini Awstraljani, jgħid Ronald M. Berndt mill-​Università taʼ l-​Awstralja tal-​Punent, jemmnu li “l-​esseri umani huma indistruttibbli spiritwalment.” Ċerti tribujiet Afrikani jemmnu li wara l-​mewt nies ordinarji jsiru fantażmi, fil-​waqt li individwi prominenti jsiru spirti antenati, li jiġu onorati u invokati bħala mexxejja inviżibbli tal-​komunità.

8 F’xi pajjiżi, twemmin rigward l-​hekk imsejħin erwieħ tal-​mejtin huwa taħlita taʼ tradizzjoni lokali u Kristjanità taʼ l-​isem. Per eżempju, fost ħafna Kattoliċi u Protestanti fl-​Afrika tal-​Punent, hemm l-​użanza li jgħattu l-​mirja meta jmut xi ħadd, li ma jmurx xi ħadd iħares u jara l-​ispirtu tal-​mejjet. Imbagħad, 40 jum wara l-​mewt tal-​maħbub tagħhom, il-​familja u l-​ħbieb jiċċelebraw it-​tlugħ tar-​ruħ fis-​sema.

Tema Komuni

9, 10. Il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet dwar liema twemmin fundamentali jaqblu?

9 Tweġibiet għall-​mistoqsija dwar x’jiġri meta mmutu huma daqstant varjati daqs kemm huma l-​użanzi u t-​twemmin tan-​nies li jagħtuhom. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet jaqblu fuq idea waħda fundamentali: Xi ħaġa ġewwa l-​bniedem​—ruħ, spirtu, fantażma—​hija immortali u tibqaʼ tgħix wara l-​mewt.

10 Twemmin fl-​immortalità tar-​ruħ huwa kważi universali fl-​eluf taʼ reliġjonijiet u setet tal-​Kristjaneżmu. Huwa duttrina uffiċjali fil-​Ġudaiżmu wkoll. Fil-​Ħinduiżmu dan it-​twemmin huwa l-​istess pedament tat-​tagħlim tar-​riinkarnazzjoni. Il-​Musulmani jemmnu li r-​ruħ tibda teżisti mal-​ġisem imma tibqaʼ tgħix wara li jmut il-​ġisem. Reliġjonijiet oħrajn​—l-​animiżmu Afrikan, ix-​Xintù, u saħansitra l-​Buddiżmu—​jgħallmu verżjonijiet differenti taʼ din l-​istess tema.

11. Xi studjużi kif iħarsu lejn l-​idea li r-​ruħ hija immortali?

11 Xi wħud jieħdu l-​ħarsa opposta, li l-​ħajja konxja tintemm mal-​mewt. Għalihom, l-​idea li ħajja emozzjonali u intellettwali tkompli teżisti f’ruħ impersonali, bħal ombra, separata mill-​ġisem tidher li ma tagħmilx sens. Il-​kittieb u studjuż Spanjol tas-​seklu 20 Miguel de Unamuno jikteb: “Li temmen fl-​immortalità tar-​ruħ huwa li tixtieq li r-​ruħ tistaʼ tkun immortali, imma li tixtieq dan b’forza tant kbira li din ir-​rieda ġġagħlek tagħti l-​ġenb lir-​raġuni u ssir irrazzjonali.” Fost dawk li rrifjutaw li jemmnu f’immortalità persunali hemm il-​filosfi magħrufin tal-​qedem Aristotele u Epikurus, it-​tabib Ħippokrates, il-​filosfu Skoċċiż David Hume, l-​istudjuż Għarbi Averroës, u l-​ewwel prim ministru Indjan wara l-​indipendenza, Jawaharlal Nehru.

12, 13. Liema mistoqsijiet importanti jqumu dwar it-​tagħlim taʼ l-​immortalità tar-​ruħ?

12 Il-​mistoqsija hi, Għandna aħna tassew ruħ immortali? Jekk ir-​ruħ fil-​fatt m’hijiex immortali, allura kif jistaʼ tagħlim falz bħal dan ikun parti integrali mill-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet tal-​lum? Fejn bdiet l-​idea? U jekk ir-​ruħ fil-​fatt ma tibqax teżisti mal-​mewt, liema tama jistaʼ jkun hemm għall-​mejtin?

13 Nistgħu aħna nsibu tweġibiet veri u sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet? Iva! Dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn se jitwieġbu fil-​paġni li ġejjin. L-​ewwel, ejjew neżaminaw kif oriġinat id-​duttrina taʼ l-​immortalità tar-​ruħ.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja