LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/1 pp. 9-14
  • Ħajja Wara L-mewt—In-Nies x’Jemmnu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħajja Wara L-mewt—In-Nies x’Jemmnu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħafna Tweġibiet, Tema Komuni
  • It-​Twelid tad-​Duttrina
  • L-​Imperu Dinji taʼ Reliġjon Falza Jespandi lejn il-​Lvant
  • Xi Ngħidu għall-​Ġudaiżmu, il-​Kristjaneżmu, u l-​Islam?
  • L-Idea Tidħol fil-Ġudaiżmu, fil-Kristjaneżmu, u fl-Islam
    X’Jiġrilna meta Mmutu?
  • Hemm Ħajja Wara l-Mewt?
    X’Jiġrilna meta Mmutu?
  • L-Immortalità tar-Ruħ—It-Twelid tad-Duttrina
    X’Jiġrilna meta Mmutu?
  • Ir-Ruħ Tibqaʼ Ħajja Wara l-Mewt?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/1 pp. 9-14

Ħajja Wara L-​mewt​—In-​Nies x’Jemmnu?

“Jekk il-​bniedem imut, jarġaʼ jgħix?”—ĠOB 14:14, Karm Żammit.

1, 2. Ħafna kif ifittxu l-​faraġ meta jkunu tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt?

F’KAMRA mortwarja fil-​belt taʼ New York, ħbieb u membri tal-​familja jgħaddu bil-​kwiet wara xulxin minn maġenb it-​tebut miftuħ taʼ ġuvni taʼ 17-il sena, li ħajtu żagħżugħa ġiet ikkonsmata mill-​kanċer. L-​omm, b’qalbha maqsuma u bid-​dmugħ f’għajnejha, tirrepeti darba wara l-​oħra: “Tommy jinsab iktar kuntent issa. Alla ried lil Tommy fis-​sema miegħu.” Hekk kienet ġiet mgħallma temmen.

2 Madwar 11,000 kilometru ’l bogħod, f’Jamnagar, ġewwa l-​Indja, il-​kbir fost tliet ulied subjien iqabbad il-​ħatab fuq il-​pira għall-​kremazzjoni taʼ missierhom mejjet. It-​tfaqqigħ tan-​nar huwa ssuperat mill-​Bramin li jirrepeti invokazzjonijiet tas-​Sanskritt: “Jalla r-​ruħ li ma tmut qatt tkompli fl-​isforzi tagħha biex issir ħaġa waħda mar-​realtà aħħarija.”

3. In-​nies fuq liema mistoqsijiet irriflettew għal snin sħaħ?

3 Ir-​realtà tal-​mewt tinsab kullimkien madwarna. (Rumani 5:12) Hija ħaġa normali għalina li nistaqsu jekk il-​mewt hijiex it-​tmiem taʼ kollox. Billi rrifletta fuq iċ-​ċiklu naturali tal-​pjanti, Ġob, qaddej leali tal-​qedem t’Alla Jehovah, osserva: “Għax għal siġra hemm tama, jekk tinqataʼ, li tarġaʼ tarmi, u l-​friegħi torja tagħha ma jonqsux.” Iżda, xi ngħidu għall-​bnedmin? “Jekk il-​bniedem imut, jarġaʼ jgħix?” staqsa Ġob. (Ġob 14:7, 14, KŻ) Matul il-​medda taż-​żmien, nies f’kull soċjetà rriflettew fuq il-​mistoqsijiet li ġejjin: Hemm ħajja wara l-​mewt? Jekk iva, x’tip taʼ ħajja? Għaldaqstant, in-​nies x’waslu biex jemmnu? U għala?

Ħafna Tweġibiet, Tema Komuni

4. Nies taʼ reliġjonijiet differenti x’jemmnu dwar il-​ħajja wara l-​mewt?

4 Ħafna li jissejħu Kristjani jemmnu li wara l-​mewt, in-​nies imorru jew il-​ġenna jew l-​infern. Il-​Ħindu, mill-​banda l-​oħra jemmnu fir-​riinkarnazzjoni. Skond it-​twemmin Islamiku, se jkun hemm jum taʼ ġudizzju wara l-​mewt, meta Allah se jiżen il-​korsa tal-​ħajja taʼ kull bniedem u jibagħtu l-​ġenna jew fin-​nar taʼ l-​infern. F’xi pajjiżi, twemmin rigward il-​mejtin huwa taħlita kurjuża taʼ tradizzjoni lokali u Kristjanità taʼ l-​isem. Fis-​Sri Lanka, per eżempju, kemm il-​Buddisti u kemm il-​Kattoliċi jħallu l-​bibien u t-​twieqi miftuħin beraħ meta fid-​dar imutilhom xi ħadd, u t-​tebut jitpoġġa b’saqajn il-​mejjet iħarsu lejn il-​bieb taʼ barra. Huma jemmnu li dawn il-​miżuri jħaffu l-​ħruġ mid-​dar taʼ l-​ispirtu, jew ruħ, tal-​mejjet. Fost ħafna Kattoliċi u Protestanti fl-​Afrika tal-​Punent, hemm l-​użanza li jgħattu l-​mirja meta jmut xi ħadd, li ma jmurx xi ħadd iħares u jara l-​ispirtu tal-​mejjet. Imbagħad 40 jum wara, il-​familja u l-​ħbieb jiċċelebraw it-​tlugħ tar-​ruħ fis-​sema.

5. Dwar liema twemmin ċentrali jaqblu l-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet?

5 Minkejja dawn id-​differenzi, donnu li l-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet għallinqas jaqblu fuq punt wieħed. Jemmnu li xi ħaġa ġewwa l-​persuna​—sew jekk tissejjaħ ruħ, spirtu, jew fantażma—​hija immortali u tibqaʼ tgħix wara l-​mewt tal-​ġisem. Kważi l-​mijiet taʼ reliġjonijiet u setet kollha tal-​Kristjaneżmu jappoġġaw it-​twemmin fl-​immortalità tar-​ruħ. Dan it-​twemmin huwa wkoll duttrina uffiċjali fil-​Ġudaiżmu. Huwa l-​istess pedament tat-​tagħlim tal-​Ħinduiżmu dwar ir-​riinkarnazzjoni. Il-​Musulmani jemmnu li r-​ruħ tibqaʼ tgħix wara li jmut il-​ġisem. L-​Aboriġinu Awstraljan, l-​animista Afrikan, ix-​Xintoist, saħansitra l-​Buddist, ilkoll jgħallmu verżjonijiet differenti taʼ din l-​istess tema.

6. Xi studjużi kif iqisuha l-​idea li r-​ruħ hija immortali?

6 Mill-​banda l-​oħra, hemm dawk li jżommu maʼ l-​idea li l-​ħajja konxja tintemm mal-​mewt. Għalihom, l-​idea li ħajja emozzjonali u intellettwali tkompli f’ruħ impersonali, bħal ombra u sseparata mill-​ġisem, tidher li hi għalkollox bla sens. Miguel de Unamuno, l-​istudjuż Spanjol tas-​seklu 20 jikteb: “Li temmen fl-​immortalità tar-​ruħ huwa li tixtieq li r-​ruħ tistaʼ tkun immortali, imma li tixtieq dan b’forza tant kbira li din ir-​rieda ġġegħlek tagħti l-​ġenb lir-​raġuni u ssir irrazzjonali.” Oħrajn li jemmnu b’mod simili jinkludu nies varji bħall-​filosfi magħrufin tal-​qedem Aristotele u Epikuru, it-​tabib Ippokrate, il-​filosfu Skoċċiż David Hume, l-​istudjuż Għarbi Averroës, u l-​ewwel prim ministru Indjan taʼ wara l-​indipendenza, Jawaharlal Nehru.

7. Liema mistoqsijiet importanti fuq it-​twemmin dwar l-​immortalità tar-​ruħ iridu jiġu kkunsidrati issa?

7 Ikkonfrontati minn dawn l-​ideat u t-​twemmin konfliġġenti, ikollna nistaqsu: Għandna tabilħaqq ruħ immortali? Jekk ir-​ruħ m’hijiex fil-​fatt immortali, allura kif setaʼ tagħlim falz bħal dan isir parti integrali minn għadd tant kbir taʼ reliġjonijiet tal-​lum? Minfejn ġiet din l-​idea? Huwa imperattiv li nsibu tweġibiet veri u sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet għaliex hemm il-​futur tagħna fin-​nofs. (1 Korintin 15:19) Iżda l-​ewwel, ejja neżaminaw kif oriġinat id-​duttrina taʼ l-​immortalità tar-​ruħ.

It-​Twelid tad-​Duttrina

8. Sokrate u Platun liema rwol kellhom fl-​avanzar taʼ l-​idea li r-​ruħ hija immortali?

8 Sokrate u Platun, il-​filosfi Griegi tal-​ħames seklu Q.E.K., huma meqjusin bħala li kienu minn taʼ l-​ewwel li avanzaw it-​twemmin li r-​ruħ hija immortali. Madankollu, din l-​idea ma oriġinatx minnhom. Pjuttost huma rfinawha u ttrasformawha f’tagħlim filosofiku, u b’hekk għamluha iktar attraenti għall-​klassi kolta taʼ żmienhom u taż-​żminijiet taʼ warajhom. Il-​fatt hu li ż-​Żoroastrijani tal-​Persja tal-​qedem u l-​Eġizzjani qabilhom ukoll kienu jemmnu fl-​immortalità tar-​ruħ. Allura, il-​mistoqsija hi, X’inhu s-​sors taʼ dan it-​tagħlim?

9. Liema kien sors komuni li influwenza l-​kulturi antiki taʼ l-​Eġittu, il-​Persja, u l-​Greċja?

9 “Fid-​dinja tal-​qedem,” jgħid il-​ktieb The Religion of Babylonia and Assyria, “l-​Eġittu, il-​Persja, u l-​Greċja ħassew l-​influwenza tar-​reliġjon Babiloniża.” Rigward it-​twemmin reliġjuż Eġizzjan, il-​ktieb jissokta jgħid: “Meta wieħed iqis il-​kuntatt bikri bejn l-​Eġittu u l-​Babilonja, kif irrivelat mit-​twavel taʼ El-Amarna, ċertament li kien hemm opportunitajiet abbundanti għall-​introduzzjoni taʼ fehmiet u użanzi Babiloniżi għal ġol-​kulti Eġizzjani.”a Kważi l-​istess jistaʼ jingħad dwar il-​kulturi tal-​qedem tal-​Persja u tal-​Greċja.

10. X’kienet il-​ħarsa Babiloniża dwar il-​ħajja wara l-​mewt?

10 Imma l-​Babiloniżi tal-​qedem kienu jemmnu fl-​immortalità tar-​ruħ? Dwar dan il-​punt, il-​Professur Morris Jastrow, Jr., taʼ l-​Università taʼ Pennsylvania, fl-​Istati Uniti, kiteb: “La n-​nies u lanqas il-​mexxejja tal-​ħsieb reliġjuż [taʼ Babilonja] qatt ma antiċipaw il-​possibbiltà tal-​qerda totali taʼ dak li darba kien jeżisti. Il-​mewt [fil-fehma tagħhom] kienet passaġġ għal tip ieħor taʼ ħajja, u ċ-​ċaħda taʼ l-​immortalità [tal-ħajja preżenti] enfasizzat sempliċement kemm kien impossibbli li wieħed jaħrab il-​bidla fl-​eżistenza li ġġib magħha l-​mewt.” Iva, il-​Babiloniżi kienu jemmnu li ħajja taʼ xi tip jew ieħor, f’xi forma jew oħra, kienet tkompli wara l-​mewt. Dan esprimewh billi mal-​mejtin kienu jidfnu oġġetti biex jintużaw minnhom fid-​Dinja l-​oħra.

11, 12. Wara d-​Dilluvju, liema kien il-​post fejn twieled it-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ?

11 Jidher ċar li t-​tagħlim taʼ l-​immortalità tar-​ruħ imur lura sa Babilonja tal-​qedem. Huwa dan sinjifikanti? U kif, għax skond il-​Bibbja, il-​belt taʼ Babel, jew Babilonja, kienet twaqqfet minn Nimrod, li bużnannuh kien Noè. Wara d-​Dilluvju globali fi żmien Noè, in-​nies kollha kienu jitkellmu biss lingwa waħda u kellhom reliġjon waħda. Nimrod mhux biss kien wieħed ‘li jopponi lil Jehovah’ imma hu u s-​segwaċi tiegħu riedu ‘jagħmlu isem ċelebri’ għalihom infushom. B’hekk billi waqqaf il-​belt u bena torri fiha, Nimrod ta bidu għal reliġjon differenti.—Ġenesi 10:1, 6, 8-10, NW; 11:1-4.

12 It-​tradizzjoni tgħid li Nimrod miet mewta vjolenti. Wara mewtu, wieħed kien jistenna li l-​Babiloniżi kienu disposti li jagħtuh stima kbira bħala l-​fundatur, il-​bennej, u l-​ewwel sultan taʼ belthom. Ladarba l-​alla Marduk (Merodach) kien meqjus bħala l-​fundatur taʼ Babilonja u għadd taʼ slaten Babiloniżi kienu saħansitra msemmijin għalih, xi studjużi ssuġġerew li Marduk jirrappreżenta lil Nimrod magħmul alla. (2 Slaten 25:27; Isaija 39:1; Ġeremija 50:2) Jekk dan huwa l-​każ, allura l-​idea li l-​bniedem għandu ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt żgur li kienet prevalenti għall-​inqas fi żmien il-​mewt taʼ Nimrod. Kien x’kien il-​każ, il-​paġni taʼ l-​istorja jirrivelaw li wara d-​Dilluvju, il-​post fejn twieled it-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ kien Babel, jew Babilonja.

13. It-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ kif infirex mal-​wiċċ kollu taʼ l-​art, u x’kien ir-​riżultat?

13 Il-​Bibbja turi wkoll li Alla fixkel l-​isforzi tal-​bennejja tat-​torri f’Babel billi ħawdilhom il-​lingwa. Minħabba li ma setgħux jikkomunikaw iżjed bejniethom, huma abbandunaw il-​proġett tagħhom u xterdu “minn hemm għal fuq wiċċ l-​art kollha.” (Ġenesi 11:5-9) Irridu nżommu f’moħħna li avolja l-​kliem taʼ dawk li pprovaw jibnu t-​torri nbidel, il-​mentalità u l-​konċetti tagħhom ma nbidlux. Għaldaqstant, kulfejn marru, huma ħadu magħhom l-​ideat reliġjużi tagħhom. B’dan il-​mod it-​tagħlim reliġjuż Babiloniż​—inkluż dak taʼ l-​immortalità tar-​ruħ—​infirex maʼ wiċċ l-​art kollha u sar il-​pedament tar-​reliġjonijiet ewlenin tad-​dinja. B’hekk twaqqaf imperu taʼ reliġjon falza, deskritt b’mod xieraq fil-​Bibbja bħala “Babilonja l-​Kbira, omm in-​nisa żienja u l-​qżiżijiet taʼ l-​art.”—Apokalissi 17:5.

L-​Imperu Dinji taʼ Reliġjon Falza Jespandi lejn il-​Lvant

14. It-​twemmin reliġjuż Babiloniż kif infirex għal ġos-​sottokontinent Indjan?

14 Xi storjografi jgħidu li ’l fuq minn 3,500 sena ilu, mewġa taʼ emigrazzjoni ġabet mill-​majjistral, poplu Arjan b’ġilda pallida li niżel lejn il-​Wied Indus, li issa jinsab prinċipalment fil-​Pakistan u fl-​Indja. Minn hemmhekk huma nfirxu fil-​pjanuri tax-​Xmara Ganġes u maʼ l-​Indja kollha. Xi esperti jgħidu li l-​ideat reliġjużi taʼ l-​emigranti kienu bbażati fuq tagħlim Iranjan u Babiloniż antik. Dawn l-​ideat reliġjużi, imbagħad, saru l-​għeruq tal-​Ħinduiżmu.

15. L-​idea taʼ ruħ immortali kif waslet biex influwenzat lill-​Ħinduiżmu tal-​lum?

15 Fl-​Indja l-​idea taʼ ruħ immortali ħadet l-​għamla tad-​duttrina tar-​riinkarnazzjoni. Għorrief Ħindu, li kienu qed jissaraw mal-​problema universali tal-​ħażen u s-​sofferenza fost il-​bnedmin, sawru dik li tissejjaħ il-​liġi tal-​Karma, il-​liġi tal-​kawża u l-​effett. Billi kkombinaw din il-​liġi mat-​twemmin fl-​immortalità tar-​ruħ, huma sawru t-​tagħlim tar-​riinkarnazzjoni, li fih, kwalitajiet taʼ mertu u dawk bla mertu f’ħajja waħda, jintqal li jiġu ppremjati jew ikkastigati fil-​ħajja li jkun imiss. Il-​mira tal-​fidili hija l-​mokxa, jew liberazzjoni mill-​katina taʼ twelid mill-​ġdid u li jsiru ħaġa waħda maʼ dik li tissejjaħ ir-​realtà aħħarija, jew Nirvana. Matul is-​sekli, hekk kif infirex il-​Ħinduiżmu, infirex ukoll it-​tagħlim tar-​riinkarnazzjoni. U din id-​duttrina saret il-​pilastru tal-​Ħinduiżmu tal-​lum.

16. Liema twemmin dwar id-​Dinja l-​oħra sar jiddomina l-​ħsieb u d-​drawwiet reliġjużi tal-​popolazzjoni vasta taʼ l-​Asja tal-​Lvant?

16 Mill-​Ħinduiżmu ħarġu reliġjonijiet oħrajn, bħall-​Buddiżmu, il-​Ġajniżmu, u s-​Sikhiżmu. Dawn ukoll iħaddnu t-​twemmin fir-​riinkarnazzjoni. Iktar minn hekk, hekk kif il-​Buddiżmu ppenetra l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​Asja tal-​Lvant​—iċ-​Ċina, il-​Korea, il-​Ġappun, u bnadi oħrajn—​dan effettwa profondament il-​kultura u r-​reliġjon tar-​reġjun kollu kemm hu. Dan ħoloq reliġjonijiet li jirriflettu taħlita taʼ twemmin, li jħaddan elementi mill-​Buddiżmu, l-​ispiritiżmu, u l-​qima lill-​antenati. L-​iktar influwenti fosthom huma t-​Taoiżmu, il-​Konfuċjaniżmu, u x-​Xintù. B’dan il-​mod, it-​twemmin li l-​ħajja tkompli wara l-​mewt tal-​ġisem sar jiddomina l-​ħsieb u d-​drawwiet reliġjużi tal-​persentaġġ il-​kbir taʼ l-​umanità f’dik il-​parti tad-​dinja.

Xi Ngħidu għall-​Ġudaiżmu, il-​Kristjaneżmu, u l-​Islam?

17. Il-​Lhud tal-​qedem x’kienu jemmnu dwar il-​ħajja wara l-​mewt?

17 In-​nies li jsegwu r-​reliġjonijiet tal-​Ġudaiżmu, il-​Kristjaneżmu, u l-​Islam x’jemmnu dwar il-​ħajja wara l-​mewt? Minn dawn ir-​reliġjonijiet, il-​Ġudaiżmu huwa ċertament l-​eqdem. L-​għeruq tiegħu jmorru lura xi 4,000 sena għal żmien Abraham​—ħafna qabel Sokrate u Platun ifformaw it-​teorija taʼ l-​immortalità tar-​ruħ. Il-​Lhud tal-​qedem kienu jemmnu fl-​irxoxt tal-​mejtin u mhux fl-​immortalità umana inerenti. (Mattew 22:31, 32; Lhud 11:19) Kif, allura, daħlet id-​duttrina taʼ l-​immortalità tar-​ruħ fil-​Ġudaiżmu? Ir-​rakkont storiku jipprovdi t-​tweġiba.

18, 19. Id-​duttrina dwar l-​immortalità tar-​ruħ kif daħlet fil-​Ġudaiżmu?

18 Fis-​sena 332 Q.E.K., Alessandru l-​Kbir ikkonkwista l-​Lvant Nofsani, inkluż Ġerusalemm. Hekk kif is-​suċċessuri taʼ Alessandru ssoktaw bil-​programm tiegħu taʼ Ellenizzazzjoni, seħħet taħlita taż-​żewġ kulturi​—dik Griega u dik Lhudija. Maż-​żmien, il-​Lhud saru midħla tal-​ħsieb Grieg, u xi wħud saħansitra saru filosfi.

19 Filo taʼ Lixandra, taʼ l-​ewwel seklu E.K., kien wieħed minn dawn il-​filosfi Lhud. Hu kellu stima kbira għal Platun u pprova jispjega l-​Ġudaiżmu f’termini tal-​filosofija Griega, u b’hekk witta t-​triq għal filosfi Lhud li ġew warajh. It-​Talmud​—kummentarji miktubin fuq liġijiet orali mir-​rabbini—​huwa wkoll influwenzat mill-​ħsieb Grieg. “Ir-​rabbini tat-​Talmud,” tgħid l-​Encyclopaedia Judaica, “kienu jemmnu li r-​ruħ tkompli teżisti wara l-​mewt.” Letteratura mistika Lhudija li nkitbet wara, bħalma hi l-​Kabala, saħansitra tmur sal-​punt li tgħallem ir-​riinkarnazzjoni. B’hekk l-​idea taʼ l-​immortalità tar-​ruħ daħlet fil-​Ġudaiżmu mit-​tieqa flok mill-​bieb, permezz tal-​filosofija Griega. X’jistaʼ jingħad dwar id-​dħul taʼ dan it-​tagħlim fil-​Kristjaneżmu?

20, 21. (a) X’kienet il-​pożizzjoni tal-​Kristjani bikrin rigward il-​filosofija Platonika, jew Griega? (b) X’wassal biex l-​ideat taʼ Platun saru ħaġa waħda mat-​tagħlim Kristjan?

20 Il-​Kristjanità ġenwina bdiet minn Ġesù Kristu. Rigward Ġesù, Miguel de Unamuno, li ġie kkwotat qabel, kiteb: “Hu kien jemmen pjuttost fl-​irxoxt tal-​ġisem fiżiku, skond il-​manjiera Lhudija, mhux fl-​immortalità tar-​ruħ, skond il-​manjiera Platonika [Griega].” Hu kkonkluda: “L-​immortalità tar-​ruħ . . . hija domma filosofika pagana.” Meta nqisu dan, nistgħu naraw għala l-​appostlu Pawlu wissa serjament lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kontra “filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin; skond il-​prinċipji tad-​dinja u mhux taʼ Kristu.”—Kolossin 2:8.

21 Iżda, din id-​“domma filosofika pagana” meta u kif infiltrat fil-​Kristjaneżmu? The New Encyclopædia Britannica tispjega: “Minn nofs it-​tieni seklu AD Kristjani li kellhom xi taħriġ fil-​filosofija Griega bdew iħossu l-​bżonn li jesprimu l-​fidi tagħhom fit-​termini tagħha, kemm għas-​sodisfazzjon intellettwali tagħhom stess u kemm biex jikkonvertu lil pagani taʼ skola. Il-​filosofija li l-​iktar daqqet għal widnejhom kienet il-​Platoniżmu.” Tnejn minn dawn il-​filosfi bikrin li eżerċitaw influwenza kbira fuq id-​duttrini tal-​Kristjaneżmu kienu Oriġene taʼ Lixandra u Wistin taʼ Ħippo. It-​tnejn li huma kienu influwenzati profondament mill-​ideat taʼ Platun u kienu strumentali biex dawk l-​ideat saru ħaġa waħda mat-​tagħlim Kristjan.

22. It-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ kif baqaʼ prominenti fl-​Islam?

22 Filwaqt li l-​idea taʼ l-​immortalità tar-​ruħ

fil-​Ġudaiżmu u fil-​Kristjaneżmu hija dovuta għall-​influwenza Platonika, il-​konċett ġie msawwar fl-​Islam sa mill-​bidu tiegħu. Il-​Koran, il-​ktieb qaddis taʼ l-​Islam, jgħallem li l-​bniedem għandu ruħ li tibqaʼ tgħix wara l-​mewt. Dan jitkellem dwar id-​destin finali tar-​ruħ bħala li hu jew ħajja fil-​ġnien ġenna tas-​sema jew kastig f’infern jaqbad. Dan ma jfissirx li studjużi Għarab ma pprovawx jgħaqqdu flimkien it-​tagħlim Islamiku u l-​filosofija Griega. Fil-​fatt, id-​dinja Għarbija ġiet influwenzata xi ftit jew wisq mix-​xogħol taʼ Aristotele. Madankollu, il-​Musulmani għadhom jemmnu fl-​immortalità tar-​ruħ.

23. Liema mistoqsijiet li jirrikjedu tweġiba dwar il-​ħajja wara l-​mewt se jiġu kkunsidrati fl-​artiklu li jmiss?

23 Jidher ċar li r-​reliġjonijiet madwar id-​dinja żviluppaw sensiela kbira li toħloq konfużjoni, taʼ twemmin dwar id-​Dinja l-​oħra, ibbażat fuq l-​idea li r-​ruħ hija immortali. U dan it-​twemmin effettwa, iva, saħansitra ddomina u jassar lil biljuni taʼ nies. Meta niġu kkonfrontati b’dan kollu, inħossuna mġegħlin nistaqsu: Huwa possibbli li nkunu nafu l-​verità dwar x’jiġrilna meta mmutu? Hemm ħajja wara l-​mewt? Il-​Bibbja x’għandha x’tgħid dwar dan? Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a El-Amarna huwa s-​sît fejn hemm ir-​rovini tal-​belt Eġizzjana, Akhetaton, li jingħad li nbniet fis-​seklu 14 Q.E.K.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Liema hi tema komuni li tiddomina fit-​twemmin tal-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet dwar il-​ħajja wara l-​mewt?

◻ Ir-​rakkont taʼ l-​istorja u l-​Bibbja kif jindikaw lil Babilonja tal-​qedem bħala l-​post fejn twieldet id-​duttrina dwar ir-​ruħ immortali?

◻ Ir-​reliġjonijiet tal-​Lvant b’liema mod huma effettwati mit-​twemmin Babiloniż f’ruħ immortali?

◻ It-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ kif infiltra fil-​Ġudaiżmu, il-​Kristjaneżmu, u l-​Islam?

[Stampi f’paġni 12, 13]

Il-​konkwista minn Alessandru l-​Kbir wasslet biex il-​kultura Griega titħallat maʼ dik Lhudija

Wistin ipprova jħallat flimkien il-​filosofija Platonika mal-​Kristjaneżmu

[Sorsi]

Alessandru: Musei Capitolini, Roma; Wistin: From the book Great Men and Famous Women

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja