LEZZJONI NRU. 3
Għandek Bżonn Titgħallem Dwar Alla
Biex tkun il-ħabib t’Alla, għandek bżonn titgħallem dwaru. Ħbiebek jafuh u jużawh ismek? Dażgur. Alla wkoll iridek tkun taf ismu u tużah. L-isem t’Alla hu Jehovah. (Salm 83:18, Karm Żammit; Mattew 6:9) Trid titgħallem ukoll xi jħobb u x’ma jħobbx. Trid tkun taf min huma l-ħbieb tiegħu kif ukoll min huma l-għedewwa tiegħu. Jirrikjedi ż-żmien biex issir taf lil xi ħadd. Il-Bibbja tgħid li huwa għaqli li nagħmlu l-ħin biex nitgħallmu dwar Jehovah.—Efesin 5:15, 16, NW.
Il-ħbieb t’Alla jagħmlu dak li jogħġob lilu. Ejja nieħdu l-ħbieb tiegħek. Jekk tittrattahom ħażin u tagħmel l-affarijiet li jobogħdu huma, se jibqgħu dawn il-ħbieb tiegħek? Dażgur li le! Bl-istess mod, jekk trid tkun il-ħabib t’Alla, trid tagħmel dak li jogħġob lilu.—Ġwann 4:24.
Mhux ir-reliġjonijiet kollha jwasslu għal ħbiberija m’Alla. Ġesù, li hu l-aqwa ħabib t’Alla, tkellem dwar żewġ toroq. Waħda minnhom hija wiesgħa u mimlija nies. Din se twassal għall-qerda. It-triq l-oħra hija dejqa u fiha ftit nies. Din se twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Dan ifisser li jekk trid li jkollok ħbiberija m’Alla, trid titgħallem kif għandek tqimu b’mod korrett.—Mattew 7:13, 14.