LEZZJONI NRU. 6
Il-Ġenna ta’ l-Art Hija Qrib!
L-affarijiet ħżiena li qed iseħħu issa f’din id-dinja juru li l-Ġenna ta’ l-art hija qrib. Il-Bibbja qalet li se naraw żminijiet terribbli eżatt qabel ma jkun hawn il-Ġenna ta’ l-art. Aħna qed ngħixu fi żminijiet bħal dawn issa! Dawn huma ftit mill-affarijiet li l-Bibbja qalet li kellhom iseħħu:
Gwerer kbar. “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Din il-profezija seħħet. Mill-1914 ’l hawn, kien hawn żewġ gwerer dinjin u ħafna gwerer żgħar. Fihom tilfu ħajjithom miljuni ta’ nies.
Tixrid ta’ mard. Se jkun hemm “f’ħafna bnadi . . . mard li jittieħed.” (Luqa 21:11) Seħħ dan? Iva. Il-kanċer, il-mard tal-qalb, it-tuberkulosi, il-malarja, l-AIDS, u mard ieħor qatlu miljuni ta’ nies.
Nuqqas ta’ ikel. Mad-dinja kollha hemm nies li m’għandhomx ikel biżżejjed x’jieklu. Miljuni ta’ nies imutu bil-ġuħ kull sena. Dan hu sinjal ieħor li l-Ġenna ta’ l-art hija qrib. Il-Bibbja tgħid: “[I]kun hawn ġuħ kbir.”—Mark 13:8.
Terremoti. “L-art titheżheż f’ħafna bnadi.” (Mattew 24:7) Dan ukoll qed iseħħ fi żmienna. Mill-1914 ’l hawn, mietu iktar minn miljun ruħ fit-terremoti.
Nies ħżiena. In-nies se “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus.” Se jkunu ‘jħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.’ It-tfal “ma jisimgħux mill-ġenituri.” (2 Timotju 3:1-5) Ma taqbilx li hawn ħafna nies bħal dawn illum? M’għandhom l-ebda rispett lejn Alla, u jaqilgħu l-inkwiet lil dawk li jkunu qed jipprovaw jitgħallmu dwar Alla.
Kriminalità. Se “joktor il-ħażen” ukoll. (Mattew 24:12) X’aktarx li taqbel ukoll li l-kriminalità hija agħar milli kienet snin ilu. Ma’ kullimkien in-nies qegħdin fir-riskju li jiġu misruqin, imqarrqin, jew imweġġgħin.
Dawn l-affarijiet kollha juru li s-Saltna t’Alla hija qrib. Il-Bibbja tgħid: “Meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.” (Luqa 21:31) X’inhi s-Saltna t’Alla? Hija l-gvern t’Alla li se jaħkem mis-sema u se jagħmel din l-art Ġenna. Is-Saltna t’Alla se tieħu post il-gvernijiet umani.—Danjel 2:44.