LEZZJONI NRU. 7
Twissija mill-Passat
Jehovah mhux se jippermetti li n-nies il-ħżiena jirrovinaw il-Ġenna ta’ l-art. Il-ħbieb tiegħu biss se jgħixu hemmhekk. X’se jiġrilhom in-nies il-ħżiena? Biex tkun taf it-tweġiba, ikkunsidra l-istorja vera ta’ Noè. Noè għex eluf ta’ snin ilu. Kien raġel tajjeb li dejjem stinka biex jagħmel ir-rieda ta’ Jehovah. Imma n-nies l-oħra fuq l-art kienu jagħmlu affarijiet ħżiena. Għalhekk, Jehovah qal lil Noè li Hu kien se jġib dilluvju biex jeqred lin-nies mill-agħar kollha. Qal lil Noè biex jibni arka sabiex hu u l-familja tiegħu ma jmutux meta jiġi d-Dilluvju.—Ġenesi 6:9-18.
Noè u l-familja tiegħu bnew l-arka. Noè wissa lin-nies li kien ġej id-Dilluvju, imma dawn ma tawhx widen. Huma baqgħu jagħmlu affarijiet ħżiena. Wara li l-arka tlestiet, Noè daħħal l-annimali fiha, u hu u l-familja tiegħu daħlu wkoll. Imbagħad Jehovah ġab maltempata kbira. Ix-xita damet nieżla għal 40 jum u 40 lejl. L-ilma għarraq l-art kollha.—Ġenesi 7:7-12.
In-nies mill-agħar tilfu ħajjithom, imma Noè u l-familja tiegħu salvaw. Jehovah salvahom mid-Dilluvju biex jgħixu f’art imnaddfa mill-ħażen. (Ġenesi 7:22, 23) Il-Bibbja tgħid li għal darb’oħra se jiġi ż-żmien meta Jehovah se jeqred lil dawk li jirrifjutaw li jagħmlu t-tajjeb. In-nies tajbin mhux se jinqerdu. Se jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula Ġenna.—2 Pietru 2:5, 6, 9.
Illum ħafna nies jagħmlu affarijiet ħżiena. Id-dinja mimlija inkwiet. Jehovah jibgħat lix-Xhieda tiegħu darba wara l-oħra biex iwissu lin-nies, iżda l-biċċa l-kbira minnhom ma jridux jagħtu widen għall-kliem tiegħu. Ma jridux ibiddlu l-mogħdijiet tagħhom. Ma jridux jaċċettaw dak li jgħid Alla dwar it-tajjeb u l-ħażin. X’se jiġrilhom dawn in-nies? Se jinbidlu xi darba? Ħafna minnhom qatt ma se jinbidlu. Ġej iż-żmien meta n-nies mill-agħar se jinqerdu u qatt ma se jerġgħu jgħixu.—Salm 92:8 [92:7, NW].
L-art mhux se tinqered; se tintgħamel ġenna. Il-ħbieb t’Alla se jgħixu għal dejjem fil-Ġenna ta’ l-art.—Salm 37:29.