Kapitlu Wieħed
Profeta t’Alla Jġib Dawl għall-Bnedmin
1, 2. Liema ċirkustanzi fi żmienna jikkaġunaw ansjetà kbira għal ħafna nies?
AĦNA ngħixu fi żmien meta l-bniedem jistaʼ jagħmel kważi kulma jistaʼ jimmaġina. Il-vjaġġi fl-ispazju, it-teknoloġija tal-kompjuter, l-inġinerija ġenetika, u żviluppi xjentifiċi oħrajn fetħu orizzonti ġodda għar-razza umana u ġabu t-tama taʼ ħajja aħjar—forsi saħansitra ħajja itwal.
2 Għenuk dawn l-avvanzi biex ma tibqax issakkar il-bieb taʼ barra minħabba l-ħallelin? Eliminawh it-theddid tal-gwerer? Fejquh il-mard jew neħħewh in-niket li jiġi meta jmutlek xi ħadd maħbub? Ma tantx! Jidher kemm jidher li hu taʼ l-għaġeb, il-progress uman huwa limitat. Rapport mill-Worldwatch Institute jispjega li aħna skoprejna kif nivvjaġġaw lejn il-qamar, noħolqu kompjuters iktar sofistikati, u nagħmlu trapjanti fil-ġisem uman. “Imma għad m’għandniex il-ħila nipprovdu ilma tajjeb lil xi biljun ruħ, innaqqsu l-qerda t’eluf taʼ speċi, jew nissodisfaw il-ħtiġijiet għall-enerġija mingħajr ma niżbilanċjaw l-atmosfera.” Wieħed jistaʼ jifhem għala ħafna jħarsu b’ansjetà lejn il-futur u m’humiex ċerti lejn min iridu jduru biex jiksbu faraġ u tama.
3. Liema sitwazzjoni eżistiet f’Ġuda matul it-tmien seklu Q.E.K.?
3 Is-sitwazzjoni li għandna quddiemna llum hija simili għal dik tan-nies t’Alla matul it-tmien seklu Q.E.K. F’dak iż-żmien, Alla inkariga lill-qaddej tiegħu Isaija biex iġib messaġġ taʼ faraġ lill-abitanti taʼ Ġuda, u dan il-faraġ kien preċiż dak li kellhom bżonn. Il-ġens kien mheżżeż minn ġrajjiet taʼ taqlib kbir. Dalwaqt l-Imperu Assirjan kiefer kien se jhedded il-pajjiż u jkexkex lil ħafna nies. In-nies t’Alla lejn min setgħu jduru biex isalvaw? Bil-kliem kienu jgħidu li Jehovah kien Alla tagħhom, imma bil-fatti ppreferew ipoġġu l-fiduċja tagħhom fil-bnedmin.—2 Slaten 16:7; 18:21.
Dawl Jiddi fid-Dlam
4. Isaija liema messaġġ doppju kien inkarigat ixandar?
4 Minħabba li Ġuda rribellat, Ġerusalemm kellha tinqered, u l-abitanti taʼ Ġuda kellhom jittieħdu lsiera f’Babilonja. Iva, kien ġej żmien ikrah. Jehovah inkariga lill-profeta tiegħu Isaija biex ibassar dan il-perijodu diżastruż, imma qallu wkoll biex ixandar aħbar tajba. Wara 70 sena t’eżilju, il-Lhud kienu se jinħelsu mill-jasar taʼ Babilonja! Fdal ferrieħi kellu jmur lura lejn Sijon u jkollu l-privileġġ li jwaqqaf mill-ġdid il-qima vera hemmhekk. B’dan il-messaġġ hieni, Jehovah, permezz tal-profeta tiegħu, ikkaġuna li dawl jiddi fid-dlam.
5. Jehovah għala rrivelahom daqshekk minn qabel l-iskopijiet tiegħu?
5 Ġuda saret ħerba meta kien għadda iktar minn seklu wara li Isaija kiteb il-profeziji tiegħu. Allura, Jehovah għala rrivelahom daqshekk minn qabel l-iskopijiet tiegħu? Meta wasal iż-żmien biex jitwettqu l-profeziji, ma kinux se jkunu ilhom mejtin dawk li kienu semgħu b’widnejhom il-proklamazzjonijiet taʼ Isaija? Dan huwa veru. Iżda, grazzi għar-rivelazzjonijiet li Jehovah ta lil Isaija, dawk li kienu ħajjin fi żmien il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. kien se jkollhom bil-miktub il-messaġġi profetiċi taʼ Isaija. Dan kien se jagħti prova li ħadd ma setaʼ jiċħad li Jehovah ‘sa mill-bidu jgħarraf it-tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.’—Isaija 46:10; 55:10, 11.
6. Liema huma xi modi li bihom Jehovah hu superjuri għall-bassara umani kollha?
6 Jehovah biss jistaʼ bi dritt jgħid dan il-kliem. Bniedem jistaʼ jkun kapaċi jbassar il-futur qarib billi jibbaża fuq il-fehma tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika jew soċjali tal-ġurnata. Imma Jehovah biss jistaʼ jara minn qabel b’ċertezza assoluta dak li se jseħħ fi kwalunkwe żmien, saħansitra fil-futur imbiegħed. Hu jistaʼ wkoll jagħti l-qawwa lill-qaddejja tiegħu biex ibassru ġrajjiet ferm qabel ma jseħħu. Il-Bibbja tgħid: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.”—Għamos 3:7.
Kemm-il “Isaija” Hemm?
7. Ħafna studjużi kif joħolqu dubju dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija, u għala?
7 Il-kwistjoni tal-profezija hija raġuni waħda għala ħafna studjużi joħolqu dubju dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija. Dawn il-kritiċi jinsistu li t-tieni nofs tal-ktieb bilfors li nkiteb minn xi ħadd li kien jgħix fis-sitt seklu Q.E.K., matul jew wara l-eżilju f’Babilonja. Skond dawn, il-profeziji dwar il-ħerba taʼ Ġuda nkitbu wara li twettqu, u għaldaqstant ma kinux tassew tbassiriet. Dawn il-kritiċi jinnotaw ukoll li wara kapitlu 40, il-ktieb taʼ Isaija jitkellem bħallikieku Babilonja kienet il-qawwa dominanti u l-Iżraelin kienu fil-jasar hemmhekk. Għalhekk, huma jirraġunaw li min kiteb it-tieni nofs taʼ Isaija bilfors li kitbu matul dan il-perijodu—is-sitt seklu Q.E.K. Hemm xi bażi soda għal dan ir-raġunar? Assolutament le!
8. Meta beda jinħoloq dubju dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija, u dan kif infirex?
8 Kien fit-12-il seklu E.K. li beda jinħoloq dubju dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija. Dan sar mill-kummentatur Lhudi Abraham Ibn Ezra. L-Encyclopaedia Judaica tgħid: “Fil-kummentarju tiegħu fuq Isaija, [Abraham Ibn Ezra] jistqarr li t-tieni nofs, minn kapitlu 40, kien ix-xogħol taʼ profeta li għex matul l-Eżilju f’Babilonja u l-perijodu bikri tar-Ritorn Lejn Sijon.” Matul is-sekli 18 u 19 l-ideat taʼ Ibn Ezra ġew adottati minn għadd taʼ studjużi. Fost dawn kien hemm Johann Christoph Doederlein, teologu Ġermaniż li ppubblika xogħol li kien fih spjegazzjoni fuq Isaija fl-1775, u t-tieni edizzjoni fl-1789. In-New Century Bible Commentary jinnota dan: “Ħlief l-istudjużi l-iktar konservattivi, kulħadd issa sar jaċċetta l-argument preżentat minn Doederlein . . . li l-profeziji li hemm f’kapitli 40-66 tal-ktieb taʼ Isaija ma ġewx mingħand il-profeta Isaija tat-tmien seklu imma ġejjin minn żmien iktar tard.”
9. (a) Liema tbiċċir tal-ktieb taʼ Isaija seħħ? (b) Wieħed kummentatur tal-Bibbja kif jiġbor fil-qosor il-kontroversja dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija?
9 Madankollu, il-kontroversji dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija ma waqfux hawnhekk. It-teorija dwar it-tieni Isaija—jew Dewtero-Isaija—nisslet l-idea li setaʼ kien involut it-tielet kittieb.a Imbagħad il-ktieb taʼ Isaija kompla jiġi mbiċċer, billi studjuż wieħed jgħid li kapitli 15 u 16 inkitbu minn profeta mhux magħruf, waqt li studjuż ieħor joħloq dubji dwar min kiteb kapitli 23 sa 27. Jerġaʼ studjuż ieħor jgħid li Isaija ma setax kiteb il-kliem li nsibu f’kapitli 34 u 35. Għala? Għaliex il-materjal jixbah ħafna lil dak li nsibu f’kapitli 40 sa 66, li diġà kien intqal dwarhom li nkitbu minn xi ħadd li m’huwiex Isaija tat-tmien seklu! Il-kummentatur Bibliku Charles C. Torrey jolqot il-musmar fuq rasu meta jiġbor fil-qosor ir-riżultat taʼ dan ir-raġunar. Hu jgħid li lil dak li darba kien ‘Profeta kbir taʼ l-Eżilju’ għamluh insinifikanti u kważi minsi għalkollox minħabba l-mod kif ħarbtu dan il-ktieb. Madankollu, l-istudjużi mhux kollha jaqblu maʼ dan it-tbiċċir tal-ktieb taʼ Isaija.
Evidenza li Hemm Kittieb Wieħed
10. Agħti eżempju wieħed taʼ kif il-konsistenza f’dik li hi espressjoni tipprovdi evidenza taʼ kittieb wieħed għall-ktieb taʼ Isaija.
10 Hemm raġuni soda għala nsostnu li l-ktieb taʼ Isaija huwa x-xogħol taʼ kittieb wieħed biss. Linja waħda taʼ evidenza għandha x’taqsam mal-konsistenza f’dik li hi espressjoni. Per eżempju, il-frażi “l-Qaddis taʼ Iżrael” tinsab 12-il darba f’Isaija kapitli 1 sa 39 u 13-il darba f’Isaija kapitli 40 sa 66, u madankollu din id-deskrizzjoni taʼ Jehovah tidher biss 6 darbiet fil-bqija taʼ l-Iskrittura Ebrajka. L-użu ripetut taʼ din l-espressjoni li ma tantx tintuża f’kotba oħrajn tal-Bibbja jargumenta favur kittieb wieħed għall-ktieb taʼ Isaija.
11. Liema affarijiet simili jeżistu f’kapitli 1 sa 39 u kapitli 40 sa 66 taʼ Isaija?
11 Hemm affarijiet simili oħrajn bejn Isaija kapitli 1 sa 39 u kapitli 40 sa 66. Fiż-żewġ porzjonijiet jintuża spiss l-istess tixbih distintiv, bħalma huma l-mara bl-uġigħ tal-ħlas u t-“triq” jew “mogħdija.”b Hemm ukoll referenza ripetuta għal “Sijon,” kelma li tintuża 29 darba f’kapitli 1 sa 39 u 18-il darba f’kapitli 40 sa 66. Fil-fatt, Sijon issir referenza għaliha f’Isaija iktar milli fi kwalunkwe ktieb ieħor tal-Bibbja. The International Standard Bible Encyclopedia tinnota li dawn l-evidenzi “jittimbraw il-ktieb bħala uniku, u din ħaġa li jkun diffiċli li tispjegaha” kieku l-ktieb inkiteb minn tnejn jew tlieta min-nies, jew iktar.
12, 13. L-Iskrittura Griega Kristjana kif tindika li l-ktieb taʼ Isaija kien ix-xogħol taʼ kittieb wieħed?
12 L-aqwa evidenza li l-ktieb taʼ Isaija kellu biss kittieb wieħed tinstab fl-Iskrittura Griega Kristjana li hi ispirata. Din tindika b’mod ċar li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu jemmnu li l-ktieb taʼ Isaija kien ix-xogħol taʼ kittieb wieħed. Per eżempju, Luqa jitkellem dwar fizzjal Etjopjan li kien qed jaqra materjal li issa nsibuh f’Isaija kapitlu 53, l-istess porzjon li l-kritiċi taʼ żmienna jgħidu li nkiteb minn Dewtero-Isaija. Madankollu, Luqa jgħid li l-Etjopjan kien “qiegħed jaqra l-ktieb tal-profeta Isaija.”—Atti 8:26-28.
13 Issa kkunsidra lil Mattew, wieħed mill-kittieba taʼ l-Evanġelju, li jispjega kif il-ministeru taʼ Ġwanni l-Għammied wettaq il-kliem profetiku li llum insibuh f’Isaija 40:3. Mattew min jgħid li kitibha din il-profezija? Xi Dewtero-Isaija mhux magħruf? Le, hu jidentifika l-kittieb sempliċement bħala “l-profeta Isaija.”c (Mattew 3:1-3) F’okkażjoni oħra, Ġesù qara minn romblu l-kliem li llum insibuh f’Isaija 61:1, 2. Meta jirrakkonta dwar din il-ġrajja, Luqa jgħid: “Tawh f’idejh il-ktieb taʼ Isaija l-profeta.” (Luqa 4:17) Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu jirreferi kemm għall-bidu tal-ktieb taʼ Isaija u kemm għat-tmiem tiegħu, u madankollu qatt ma jindika li l-kittieb ma kienx l-istess wieħed, Isaija. (Rumani 10:16, 20; 15:12) Jidher ċar li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ma kinux jemmnu li l-ktieb taʼ Isaija kien ix-xogħol taʼ tnejn jew tlieta min-nies, jew iktar.
14. Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet kif jixħtu dawl fuq il-kwistjoni dwar min kiteb il-ktieb taʼ Isaija?
14 Ikkunsidra wkoll l-evidenza tar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, dokumenti antiki li ħafna minnhom kienu jeżistu minn qabel żmien Ġesù. Manuskritt wieħed taʼ Isaija, magħruf bħala r-Romblu taʼ Isaija, ilu jeżisti mit-tieni seklu Q.E.K., u dan igiddeb dak li jgħidu l-kritiċi li xi Dewtero-Isaija ħa f’idejh il-kitba f’kapitlu 40. Dan kif? F’dan id-dokument antik, dak li llum nafuh bħala kapitlu 40 jibda fl-aħħar linja taʼ kolonna u l-ewwel sentenza tispiċċa fil-kolonna li jmiss. Jidher ċar li min ikkopjah ma kienx konxju taʼ xi bidla fil-kittieb jew diviżjoni fil-ktieb f’dan il-punt, kif qed jgħidu li hemm.
15. Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-istorja Lhudi fl-ewwel seklu, x’kiteb dwar il-profeziji taʼ Isaija li jikkonċernaw lil Ċiru?
15 Fl-aħħarnett, ikkunsidra l-evidenza taʼ Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-istorja Lhudi fl-ewwel seklu. Hu ma jindikax biss li l-profeziji fil-ktieb taʼ Isaija li għandhom x’jaqsmu maʼ Ċiru nkitbu fit-tmien seklu Q.E.K., imma jgħid ukoll li Ċiru kien konxju taʼ dawn il-profeziji. Ġużeppi Flavju jikteb li “dawn l-affarijiet Ċiru kien jafhom għax qara l-ktieb tal-profezija li Isaija kien ħalla warajh mitejn u għaxar snin qabel.” Skond Ġużeppi Flavju, l-għarfien taʼ dawn il-profeziji setaʼ wkoll ikkontribwixxa biex Ċiru jkun irid jibgħat lil-Lhud lura lejn art twelidhom, għax Ġużeppi Flavju jikteb li Ċiru kien “maħkum minn xewqa kbira u ambizzjoni li jagħmel dak li kien inkiteb.”—Jewish Antiquities, il-ħdax-il Ktieb, kapitlu 1, paragrafu 2.
16. X’jistaʼ jingħad dwar dak li jgħidu l-kritiċi li Babilonja hija deskritta fit-tieni nofs tal-ktieb taʼ Isaija bħala l-qawwa li qed tiddomina?
16 Bħalma ssemma qabel, ħafna kritiċi jindikaw li minn Isaija kapitlu 40 ’il quddiem, Babilonja hija deskritta bħala l-qawwa li qed tiddomina, u l-Iżraelin jissemmew bħallikieku diġà qegħdin fl-eżilju. Ma jindikax dan li l-kittieb għex matul is-sitt seklu Q.E.K.? Mhux bilfors. Il-fatt hu li anki qabel kapitlu 40 taʼ Isaija, Babilonja kultant tiġi deskritta bħala l-qawwa dinjija li qed tiddomina. Per eżempju, f’Isaija 13:19, Babilonja tissejjaħ “il-ġawhra taʼ l-imperi” jew, bħalma tittraduċiha t-Today’s English Version, “l-isbaħ saltna minnhom kollha.” Jidher ċar li dan il-kliem huwa profetiku, ladarba kellu jgħaddi iktar minn seklu qabel ma Babilonja ssir qawwa dinjija. Kritiku wieħed “isolvi” din l-hekk imsejħa problema billi sempliċement isostni li kapitlu 13 taʼ Isaija huwa x-xogħol taʼ kittieb ieħor! Iżda huwa fatt li fil-profezija tal-Bibbja kemm-il darba jissemmew ġrajjiet futuri bħallikieku jkunu diġà seħħew. Din it-teknika tal-kitba tenfasizza b’mod effettiv iċ-ċertezza tat-twettiq taʼ xi profezija. (Apokalissi 21:5, 6) Tabilħaqq, huwa biss dak Alla tal-profezija vera li jistaʼ jagħmel din l-istqarrija: “Jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda, u nsemmagħhomlkom qabel ma jinbtu.”—Isaija 42:9.
Ktieb taʼ Profezija taʼ Min Joqgħod Fuqha
17. Kif tistaʼ tiġi spjegata l-bidla fl-istil minn Isaija kapitlu 40 ’il quddiem?
17 Allura, l-evidenza lejn liema konklużjoni tipponta? Li l-ktieb taʼ Isaija huwa x-xogħol taʼ kittieb ispirat wieħed. Dan il-ktieb kollu kemm hu wasal għandna matul is-sekli bħala xogħol wieħed, mhux bħala tnejn jew iktar. Huwa minnu li xi wħud jistgħu jgħidu li l-istil tal-ktieb taʼ Isaija jinbidel xi ftit minn kapitlu 40 ’il quddiem. Iżda, ftakar li Isaija qeda bħala l-profeta t’Alla għal xejn inqas minn 46 sena. Wieħed jistenna li matul dan iz-żmien il-kontenut tal-messaġġ tiegħu, flimkien mal-mod kif hu jesprimih, x’aktarx li jinbidel. Tabilħaqq, l-inkarigu li Alla ta lil Isaija ma kienx biss biex jagħti twissijiet ħorox taʼ ġudizzju. Kellu wkoll iwassal il-kliem taʼ Jehovah: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi.” (Isaija 40:1) Il-poplu f’patt m’Alla verament li kien se jitfarraġ bil-wegħda li għamillu li, wara 70 sena t’eżilju, il-Lhud kienu se jitħallew imorru lura lejn art twelidhom.
18. Liema hi t-tema fil-ktieb taʼ Isaija li se tiġi diskussa f’din il-pubblikazzjoni?
18 Il-ħelsien tal-Lhud mill-jasar f’Babilonja huwa t-tema taʼ ħafna mill-kapitli taʼ Isaija diskussi f’dan il-ktieb.d Għadd mhux ħażin minn dawn il-profeziji se jitwettqu wkoll fi żmienna, bħalma se naraw. Iżjed minn hekk, fil-ktieb taʼ Isaija nsibu profeziji kommoventi li twettqu fil-ħajja u l-mewt taʼ l-Iben uniġenitu t’Alla. Ċertament, studju tal-profeziji vitali li hemm fil-ktieb taʼ Isaija se jkun taʼ benefiċċju għall-qaddejja t’Alla u għal oħrajn madwar id-dinja. Tabilħaqq, dawn il-profeziji huma dawl għall-bnedmin kollha.
[Noti taʼ taħt]
a Dak li l-istudjużi jqisuh bħala t-tielet kittieb taʼ kapitli 56 sa 66 huwa magħruf bħala Trito-Isaija.
b Mara bl-uġigħ tal-ħlas: Isaija 13:8; 21:3; 26:17, 18; 42:14; 45:10; 54:1; 66:7. “Triq” jew “mogħdija”: Isaija 11:16; 19:23; 35:8; 40:3; 43:19; 49:11; 57:14; 62:10.
c Fir-rakkonti taʼ pariġġhom, Mark, Luqa, u Ġwanni jużaw l-istess frażi.—Mark 1:2; Luqa 3:4; Ġwann 1:23.
d L-ewwel 40 kapitlu taʼ Isaija huma diskussi fil-ktieb Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kaxxa f’paġna 9]
Evidenza minn Analisi Lingwistika
L-istudji lingwistiċi, li jfittxu bidliet żgħar li jseħħu fil-lingwa matul ħafna snin, jipprovdu iktar evidenza li l-ktieb taʼ Isaija huwa x-xogħol taʼ kittieb wieħed. Jekk parti minn Isaija nkitbet fit-tmien seklu Q.E.K. u parti oħra 200 sena wara, għandu jkun hemm differenza fit-tip taʼ Ebrajk użat f’kull sezzjoni. Imma skond studju pubblikat fil-Westminster Theological Journal, “l-evidenza minn analisi lingwistika tappoġġa bil-kbir data qabel l-eżilju għal Isaija 40-66.” Dak li kiteb dan l-istudju jikkonkludi: “Jekk l-istudjużi li jikkritikaw ikomplu jinsistu li l-ktieb taʼ Isaija nkiteb matul l-eżilju jew warajh, se jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ evidenza kuntrarja provduta minn analisi lingwistika.”
[Stampa f’paġna 11]
Parti mir-Romblu taʼ Isaija, wieħed mir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet. It-tmiem taʼ kapitlu 39 huwa indikat bi vleġġa
[Stampi f’paġna 12, 13]
Xi 200 sena minn qabel, Isaija jbassar ħelsien għal-Lhud