LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 62-p. 65 para. 4
  • Kif Ittejjeb l-Abbiltà Tiegħek tal-Konversazzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Ittejjeb l-Abbiltà Tiegħek tal-Konversazzjoni
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ibda mid-​Dar
  • Konversazzjoni maʼ Stranġier
  • Kif Tkompli Konversazzjoni
  • Meta Tkun mal-​Aħwa
  • Intejbu l-abbiltajiet tagħna fil-ministeru—Nibdew konversazzjoni sabiex nagħtu xhieda informali
    Il-Ministeru tas-Saltna—2014
  • Għandi Nwaqqaf il-Konversazzjoni?
    L-Imħabba Tgħinek Tagħmel Dixxipli
  • Tkellem Fuq Affarijiet li Jinteressaw lin-Nies
    L-Imħabba Tgħinek Tagħmel Dixxipli
  • Konversazzjonijiet Kordjali Jistgħu Jilħqu L-Qalb
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 62-p. 65 para. 4

Kif Ittejjeb l-​Abbiltà Tiegħek tal-​Konversazzjoni

ISSIBHA faċli ġeneralment li jkollok konversazzjoni maʼ oħrajn? Għal ħafna, il-​ħsieb biss li jieħdu sehem f’konversazzjoni, speċjalment maʼ xi ħadd li ma jafuhx, iġegħelhom ikunu ansjużi. Jistaʼ jkun li dawn in-​nies ibatu bil-​mistħija. Għandhom mnejn jaħsbu: ‘Fuq xiex għandi nitkellem? Kif nistaʼ nibda l-​konversazzjoni? Kif nistaʼ nżommha għaddejja?’ Nies kunfidenti u dħulin għandhom mnejn jiddominaw il-​konversazzjoni. L-​isfida tagħhom tistaʼ tkun li jinkuraġġixxu lil oħrajn jesprimu ruħhom u li jitgħallmu jagħtu widen għal dak li jintqal. Allura lkoll kemm aħna, kemm jekk nistħu u kemm jekk aħna dħulin, għandna bżonn nibqgħu rrawmu l-​arti tal-​konversazzjoni.

Ibda mid-​Dar

Biex ittejjeb l-​abbiltà tiegħek tal-​konversazzjoni, għala ma tibdiex mid-​dar? Konversazzjoni li tibni tistaʼ tikkontribwixxi ħafna għall-​hena tal-​familja.

L-​iktar fattur fundamentali għal konversazzjoni bħal din hi li verament jimpurtana minn xulxin. (Dt. 6:6, 7; Prov. 4:1-​4) Meta jimpurtana minn oħrajn, aħna nikkomunikaw u nagħtu widen meta l-​persuna l-​oħra tkun trid tgħid xi ħaġa. Fattur importanti ieħor hu li jkollna xi ħaġa siewja x’ngħidu. Jekk għandna programm regulari taʼ qari u studju persunali tal-​Bibbja, se jkollna ħafna x’nistgħu naqsmu maʼ oħrajn. Użu għaqli tal-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum jistaʼ jqanqal diskussjoni. Matul il-​jum, forsi jkollna esperjenza pjaċevoli fis-​servizz tal-​għalqa. Forsi naqraw xi ħaġa li hija informattiva jew tad-​daħq. Għandna niħduha drawwa li naqsmu dawn l-​affarijiet matul konversazzjoni tal-​familja li tibni. Dan se jgħinna wkoll biex ikollna konversazzjoni maʼ nies barra ċ-​ċirku tal-​familja.

Konversazzjoni maʼ Stranġier

Ħafna nies joqogħdu lura milli jibdew konversazzjoni maʼ xi ħadd li ma jafuhx. Imma sforz l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħabirku biex jitgħallmu kif ikollhom konversazzjoni sabiex jaqsmu veritajiet Bibliċi maʼ oħrajn. X’jistaʼ jgħinek titjieb f’din il-​ħaġa?

Il-​prinċipju mniżżel f’​Filippin 2:4 hu taʼ valur. Aħna inkuraġġiti ‘ma nfittxux l-​interessi persunali tagħna biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.’ Aħseb dwarha b’dan il-​mod: Jekk qatt ma ltqajt mal-​individwu qabel, hu jqisek bħala stranġier. Kif tistaʼ tgħinu jħossu rilassat u komdu? Tbissima ħelwa u tislima dħulija se jkunu taʼ għajnuna. Imma hemm iktar x’tikkunsidra.

Jistaʼ jkun li fixkiltlu ħsibijietu. Jekk tipprova ġġiegħlu jiddiskuti x’għandek f’moħħok int mingħajr ma tagħti kas x’għandu f’moħħu hu, taħseb li se jaċċetta dak li għandek x’tgħidlu? Ġesù x’għamel meta ltaqaʼ maʼ mara ħdejn bir fis-​Samarija? Hi kienet ħsiebha f’li ġġib l-​ilma. Ġesù beda l-​konversazzjoni tiegħu magħha fuq dik il-​bażi, u malajr biddilha f’konversazzjoni spiritwali interessanti ħafna.—Ġw. 4:7-​26.

Jekk tosserva, int ukoll tistaʼ tinduna fuqiex ikunu qed jaħsbu n-​nies. Jidher l-​individwu ferħan jew imdejjaq? Jidher li hu anzjan fl-​età, forsi ma jiflaħx? Jidher li hemm xi tfal fid-​dar? Jidher l-​individwu sinjur jew jidher li qed jissielet biex jikseb il-​bżonnijiet tal-​ħajja? It-​tiżjin tad-​dar jew il-​ġojjelli persunali jindikaw influwenza reliġjuża? Jekk tibbaża l-​konversazzjoni tiegħek fuq dawn l-​affarijiet, l-​individwu għandu mnejn iqisek bħala xi ħadd li għandu interessi komuni miegħu.

Jekk ma tiltaqax mal-​inkwilin wiċċ imb wiċċ, forsi billi tismaʼ leħnu biss minn wara bieb imsakkar, x’għandek mnejn tikkonkludi? Jistaʼ jkun li jgħix fil-​biżaʼ. Tistaʼ tuża din l-​informazzjoni biex tibda konversazzjoni minn wara l-​bieb?

F’xi postijiet jistaʼ jkun possibbli li ddaħħal individwu f’konversazzjoni billi tgħidlu xi ħaġa dwarek innifsek—l-​isfond tiegħek, għala mort għandu, għala temmen f’Alla, għala bdejt tistudja l-​Bibbja, u kif il-​Bibbja għenitek. (Atti 26:4-​23) M’għandniex xi ngħidu, dan irid isir bl-​għaqal u b’mira ċara f’moħħok. Dan mill-​banda l-​oħra se jqanqal l-​individwu biex jgħidlek xi ħaġa dwaru nnifsu u dwar kif iħares lejn l-​affarijiet.

F’xi kulturi, l-​ospitalità lill-​istranġieri hija drawwa. In-​nies għandhom mnejn jistidnuk mill-​ewwel biex tidħol ġewwa u tpoġġi bilqiegħda. Ladarba tkun qgħadt bilqiegħda, jekk bl-​edukazzjoni kollha tistaqsi dwar is-​saħħa tal-​familja u tismaʼ sinċerament it-​tweġiba, l-​inkwilin għandu mnejn juri l-​istess attenzjoni għal dak li se tgħid int. Hemm min juri saħansitra interess akbar f’min iżuru, allura għandek mnejn iddum iktar fit-​tislim tal-​bidu. Sadanittant jistgħu jsibu li għandhom affarijiet komuni miegħek. Dan jistaʼ jwassal għal diskussjoni spiritwali taʼ benefiċċju.

Xi ngħidu jekk ħafna nies fl-​inħawi tiegħek jitkellmu b’lingwi oħrajn? Kif tistaʼ tilħaq lil dawn l-​uħud? Jekk titgħallem anki tislimiet sempliċi b’dawn il-​lingwi, in-​nies se jirrealizzaw li int interessat fihom. Dan jistaʼ jiftaħ it-​triq għal iktar komunikazzjoni.

Kif Tkompli Konversazzjoni

Biex iżżomm konversazzjoni għaddejja, kun interessat fil-​ħsibijiet tal-​individwu l-​ieħor. Inkuraġġih jesprimi ruħu jekk jixtieq jagħmel dan. Mistoqsijiet magħżulin tajjeb jistgħu jkunu taʼ għajnuna. Mistoqsijiet li jitolbu l-​opinjoni tal-​individwu huma l-​aħjar għax ġeneralment iqanqlu iktar minn sempliċi iva jew le bħala risposta. Pereżempju, wara li ssemmi problema li tinkwieta lin-​nies tal-​lokal, tistaʼ tistaqsi: “X’taħseb li kkaġuna din is-​sitwazzjoni?” jew “X’taħseb li hi s-​soluzzjoni?”

Meta tistaqsi mistoqsija, ismaʼ b’attenzjoni għar-​risposta. Indika l-​interess ġenwin tiegħek b’xi kelma, b’xi ċaqliqa taʼ rasek, jew b’xi ġest. Tinterrompix. B’moħħ miftuħ, ikkunsidra dak li jkun qed jingħad. ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’ (Ġak. 1:19) Meta twieġeb, uri li kont qed tismaʼ verament dak li ntqal.

Madankollu, irrealizza li mhux kulħadd se jwieġeb il-​mistoqsijiet tiegħek. Ċerti nies iwieġbu biss billi jgħollu ħuġbejhom jew jitbissmu. Oħrajn jistgħu sempliċement jgħidulek iva jew le. Tħossokx frustrat. Kun paċenzjuż. Tipprovax tisforza l-​konversazzjoni. Jekk il-​persuna tkun lesta li tismaʼ, uża l-​opportunità biex taqsam ħsibijiet Skritturali li jibnu. Maż-​żmien, l-​individwu għandu mnejn jibda jqisek bħala ħabib. Imbagħad forsi se jkun lest li jaqsam ħsibijietu b’iktar libertà.

Int u titkellem man-​nies, ipprepara għal żjajjar futuri. Jekk persuna tqajjem ħafna mistoqsijiet, wieġeb ftit minnhom u ħalli waħda jew tnejn għad-​darba li jmiss meta tkunu se terġgħu tiltaqgħu. Offri li tagħmel riċerka, u mbagħad aqsam dak li tkun sibt mal-​individwu. Jekk ma jqajjimx mistoqsijiet, tistaʼ tikkonkludi l-​konversazzjoni b’mistoqsija li taħseb li se tinteressah. Offri li tiddiskutiha miegħu fiż-​żjara li jmiss. Hemm ħażna taʼ ideat fil-​ktieb Reasoning From the Scriptures, fil-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?, u f’ħarġiet reċenti tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ!

Meta Tkun mal-​Aħwa

Meta tiltaqaʼ għall-​ewwel darba maʼ xi Xhud ieħor taʼ Ġeħova, tieħu l-​inizjattiva biex issir tafu? Jew sempliċement toqgħod kwiet? L-​imħabba għal ħutna għandha tqanqalna nkunu rridu nsiru nafuhom. (Ġw. 13:35) Kif tistaʼ tibda? Tistaʼ sempliċement tgħidlu x’jismek u tistaqsih x’jismu. Mistoqsija dwar kif sab il-​verità ġeneralment se twassal għal konversazzjoni interessanti u se tgħinkom issiru tafu lil xulxin. Anki jekk ma tkunx fluwenti f’dak li tgħid, l-​isforzi tiegħek juru lill-​individwu l-​ieħor li jimpurtak minnu, u dan hu l-​iktar importanti.

X’jistaʼ jwassal għal konversazzjoni sinifikanti maʼ membru tal-​kongregazzjoni tiegħek? Uri interess ġenwin fl-​individwu u l-​familja tiegħu. Għadha kif spiċċat il-​laqgħa? Tkellem dwar ħsibijiet li kienu taʼ għajnuna għalik. Dan jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għat-​tnejn li intom. Tistaʼ ssemmi punt taʼ interess minn ħarġa reċenti tat-​Torri tal-​Għassa jew Stenbaħ! Dan m’għandux isir biex turi kemm taf int jew biex tara kemm jaf l-​individwu. Agħmel dan biex taqsam xi ħaġa li tassew ħadt gost biha. Tistgħu titkellmu dwar inkarigu li se jkollu xi ħadd minnkom fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u taqsmu ideat dwar kif tistgħu tagħmluh. Tistgħu wkoll tirrakkontaw esperjenzi mill-​ministeru tal-​għalqa.

M’għandniex xi ngħidu, l-​interess tagħna fin-​nies spiss iwassal għal konversazzjoni dwar in-​nies—l-​affarijiet li jgħidu u jagħmlu. L-​umoriżmu wkoll jistaʼ jkun parti minn kliemna. Se jkun inkuraġġanti dak li ngħidu? Jekk verament nagħtu kas il-​parir tal-​Kelma taʼ Alla u nkunu mqanqlin mill-​imħabba bħal taʼ Alla, kliemna żgur li se jkun inkuraġġanti.—Prov. 16:27, 28; Efes. 4:25, 29; 5:3, 4; Ġak. 1:26.

Qabel ma nieħdu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa aħna nippreparaw. Għala ma tippreparax xi ħaġa żgħira u interessanti biex taqsamha fil-​konversazzjoni mal-​ħbieb? Hekk kif taqra u tismaʼ affarijiet interessanti, innota punti li tixtieq taqsam maʼ oħrajn. Maż-​żmien, se jkollok abbundanza taʼ affarijiet minn xiex tagħżel. Jekk tagħmel dan se tkun tistaʼ titkellem dwar iktar affarijiet milli sempliċement dwar ir-​rutina tal-​ħajja taʼ kuljum. Fuq kollox, jalla kliemek juri kemm hi prezzjuża l-​Kelma taʼ Alla għalik!—Salm 139:17.

MODI KIF TIBDA KONVERSAZZJONI

  • Segwi d-​drawwiet lokali

  • Agħmel kumpliment sinċier

  • Semmi punt li hu taʼ interess komuni

  • Staqsi mistoqsija li titlob opinjoni

KWALITAJIET TAʼ GĦAJNUNA

  • Żomm attitudni ferriħija

  • Kun dħuli u sinċier

  • Uri interess persunali xieraq

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja