Konversazzjonijiet Kordjali Jistgħu Jilħqu L-Qalb
1 Il-konversazzjoni tistaʼ tiġi mfissra bħala li hija “tibdil taʼ ideat bil-fomm.” Li nibdew konversazzjonijiet kordjali fuq suġġett li jikkonċerna lil oħrajn jistaʼ jattira l-interess tagħhom u jistaʼ jgħinna f’li nilħqu lil qlubhom bil-messaġġ tas-Saltna. L-esperjenza wriet li huwa ħafna iktar effettiv li tinkludi lin-nies f’konversazzjoni dħulija u rilassata milli tagħmlilhom priedka.
2 Kif Nibdew Konversazzjoni Kordjali: Li nkunu kapaċi nitkellmu man-nies ma jfissirx li rridu nippreżentaw xi arranġament taʼ ħsibijiet u skritturi li jimpressjonaw. Jinvolvi sempliċement li nqanqlu lill-persuna l-oħra titkellem magħna. Per eżempju, meta jkollna konversazzjoni taʼ ħbieb mal-ġara li toqgħod ħdejna, il-konversazzjoni tkun rilassata mhux riġida. M’aħniex naħsbu dwar dak li se ngħidu imma qegħdin inwieġbu b’mod naturali għall-ideat li hi tesprimi. Jistaʼ jinkuraġġiha li tkompli titkellem magħna jekk nuru interess ġenwin f’dak li tgħid. L-istess għandu jkun meta nkunu qegħdin nagħtu xiehda lil oħrajn.
3 Suġġetti bħalma huma l-kriminalità, il-problemi fiż-żgħożija, kwistjonijiet lokali, il-kundizzjonijiet fid-dinja, jew saħansitra t-temp jistgħu jintużaw biex jinbdew konversazzjonijiet kordjali. Suġġetti li jeffettwaw direttament lill-ħajjiet tan-nies huma effettivi ħafna f’li jqajmu interess. Ladarba tkun inbdiet konversazzjoni, nistgħu bil-galbu nidderiġuha lejn il-messaġġ tas-Saltna.
4 Ma jfissirx li għax ikollna konversazzjoni kordjali m’hemmx bżonn taʼ preparazzjoni bil-quddiem. Hemm bżonnha. Madankollu, m’hemmx għalfejn noħolqu xi linja taʼ ħsieb riġida jew niftakru priedka bl-amment, għax dan jirriżulta f’konversazzjoni li ma tkunx flessibbli jew addattata għaċ-ċirkostanzi taʼ dak il-ħin. (Qabbel 1 Korintin 9:20-23.) Mod eċċellenti kif nippreparaw huwa li nagħżlu xi tema Skritturali jew tnejn, bil-għan li nibnu konversazzjonijiet madwarhom. Ikun t’għajnuna biex nagħmlu dan jekk nirrevedu s-suġġetti fil-ktieb Reasoning.
5 Kwalitajiet Essenzjali Għal Konversazzjoni Kordjali: Meta nitkellmu m’oħrajn, għandna nkunu kordjali u sinċieri. Tbissima u dehra ferriħija jgħinuna biex nirriflettu dawn il-kwalitajiet. Aħna għandna l-aqwa messaġġ fid-dinja; jattira ħafna lil dawk taʼ qalb onesta. Jekk iħossuhom li l-interess tagħna fihom huwa mqanqal minn xewqa sinċiera li naqsmu ftit aħbar tajba magħhom, forsi mbagħad iħossuhom imqanqlin li jagħtu widen.—2 Kor. 2:17.
6 Li nieħdu sehem f’konversazzjoni għandha tkun esperjenza pjaċevoli. Għalhekk, għandna nuru qalb tajba u tattika meta nippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna. (Gal. 5:22; Kol. 4:6) Stinka biex tħalli impressjoni favorevoli mal-persuna l-oħra. B’dan il-mod, saħansitra jekk fl-ewwel darba ma kellniex suċċess f’li nilħqulha qalbha, għandha mnejn tkun iktar lesta li tismaʼ meta d-darba li jmiss jitkellem magħha Xhud ieħor.
7 Li nibdew konversazzjoni kordjali m’huwiex ir-riżultat taʼ li nitgħallmu xi priedka komplessa. Hija sempliċement kwistjoni taʼ li nqajmu interess f’suġġett li persuna jimpurtaha minnu. Ladarba nkunu ppreparajna bil-quddiem, se nkunu lesti li ninkludu lin-nies f’konversazzjonijiet kordjali. Ħalli nistinkaw biex nilħqu l-qlub taʼ dawk li niltaqgħu magħhom billi naqsmu magħhom l-aqwa aħbar li wieħed jistaʼ jsib, dik taʼ barkiet dejjiema tas-Saltna.—2 Piet. 3:13.