LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 1 p. 83-p. 85 para. 3
  • Qari Eżatt

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qari Eżatt
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Agħmel Ħiltek fil-Qari
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Pawsi Xierqa
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Nibbenefikaw mill-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 1 p. 83-p. 85 para. 3

STUDJU 1

Qari Eżatt

X’hemm bżonn tagħmel?

Aqra b’leħen għoli eżattament dak li hemm miktub fil-​paġna stampata. Taqbiżx kliem, tħallix partijiet mill-​kliem barra, u tibdilx xi kelma maʼ oħra. Ippronunzja l-​kliem b’mod korrett. Oqgħod attent għall-​punteġġatura u l-​kliem bl-​aċċent.

Għala importanti?

Biex twassal għarfien eżatt tal-​verità tal-​Bibbja huwa fundamentali li taqra bir-​reqqa u b’mod korrett.

L-​ISKRITTURA tgħid li hija r-​rieda taʼ Alla li nies taʼ kull xorta “jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:4) Fi qbil maʼ dan, meta naqraw b’leħen għoli mill-​Bibbja, ix-​xewqa tagħna li nwasslu għarfien eżatt għandha teffettwa l-​mod kif naqraw.

L-​abbiltà li naqraw b’leħen għoli mill-​Bibbja u minn pubblikazzjonijiet li jispjegaw il-​Bibbja hija importanti kemm għaż-​żgħażagħ u kemm għall-​uħud akbar fl-​età. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, għandna r-​responsabbiltà li naqsmu maʼ oħrajn l-​għarfien dwar Ġeħova u dwar il-​mogħdijiet tiegħu. Dan spiss jinvolvi qari lil persuna oħra jew lil grupp żgħir taʼ nies. Aħna nagħmlu qari bħal dan mal-​familja wkoll. Fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku hemm opportunitajiet adattati għall-​aħwa rġiel u nisa, żgħar u kbar, biex jirċievu pariri bl-​iskop li jitjiebu fil-​qari b’leħen għoli.

Il-​qari tal-​Bibbja fil-​pubbliku, sew jekk lil ftit nies u sew jekk lil kongregazzjoni, għandu jittieħed bis-​serjetà. Il-​Bibbja hi mnebbħa minn Alla. Ukoll, “il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija . . . u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebr. 4:12) Fil-​Kelma taʼ Alla nsibu għarfien imprezzabbli li ma jinstab f’ebda sors ieħor. Din tistaʼ tgħin persuna ssir taf lill-​uniku Alla veru, tikkultiva relazzjoni tajba miegħu, u tkampa mal-​problemi tal-​ħajja b’suċċess. Din tispjega t-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida taʼ Alla. Il-​mira tagħna għandha tkun li naqraw il-​Bibbja bl-​aħjar mod li nistgħu.—Salm 119:140; Ġer. 26:2.

Kif Taqra b’Eżattezza. Hemm bosta aspetti biex qari jkun effettiv, iżda l-​ewwel pass hu li tiżviluppa l-​eżattezza. Dan ifisser li tistinka biex taqra eżatt dak li hemm fil-​paġna stampata. Oqgħod attent li ma taqbiżx kliem, li ma twaqqax l-​aħħar ittra jew ittri mill-​kelma, jew taqra kliem ħażin minħabba li jkun simili għal kliem ieħor.

Sabiex taqra l-​kliem b’mod korrett, jeħtieġ li tifhem il-​kuntest. Dan jirrikjedi preparazzjoni bir-​reqqa. Maż-​żmien, hekk kif titgħallem tantiċipa u tikkunsidra kif qed jiżvolġi l-​ħsieb, l-​eżattezza fil-​qari tiegħek se titjieb.

Il-​punteġġatura u l-​aċċenti huma elementi importanti fil-​lingwa miktuba. Il-​punteġġatura tistaʼ tindika fejn għandek tieħu pawsa, kemm għandha ddum il-​pawsa, u forsi l-​bżonn li tibdel it-​ton. F’xi lingwi, jekk tonqos li tibdel it-​ton meta l-​punteġġatura titlob dan, mistoqsija tistaʼ tinbidel fi stqarrija jew it-​tifsira tistaʼ tinbidel għalkollox. M’għandniex xi ngħidu, xi drabi l-​funzjoni tal-​punteġġatura tkun fil-​biċċa l-​kbira marbuta mal-​grammatika. F’ħafna lingwi mhuwiex possibbli li taqra b’eżattezza mingħajr ma tagħti attenzjoni bir-​reqqa għall-​aċċenti—kemm dawk miktubin u kemm dawk li jiġu mifhumin mill-​kuntest. Dawn jeffettwaw il-​ħoss tal-​ittri li huma marbutin magħhom. Kun żgur li ssir midħla tal-​mod kif jintużaw il-​punteġġatura u l-​aċċenti fil-​lingwa tiegħek. Dan hu fundamentali biex taqra bis-​sens. Ftakar li l-​mira tiegħek għandha tkun li tgħaddi l-​ħsibijiet, mhux li sempliċement tgħid il-​kliem.

Jeħtieġ il-​prattika sabiex tikkultiva l-​abbiltà li taqra b’eżattezza. Aqra biss paragrafu wieħed, imbagħad erġaʼ aqrah diversi drabi, sakemm tkun tistaʼ taqrah mingħajr żbalji. Imbagħad għaddi għall-​paragrafu li jmiss. Fl-​aħħar, stinka biex taqra diversi paġni tal-​materjal mingħajr ma taqbeż, tirripeti, jew taqra xi kliem b’mod ħażin. Wara li tkun għamilt dawn il-​passi, itlob lil xi ħadd joqgħodlok għassa għall-​qari u jiġbidlek l-​attenzjoni għal xi żbalji li tistaʼ tagħmel.

F’xi nħawi tad-​dinja, vista batuta u dawl baxx jikkontribwixxu għal diffikultà fil-​qari. Jekk inhu possibbli li tirranġa dawn il-​kundizzjonijiet, żgur li jkun hemm titjib fil-​qari.

Maż-​żmien, l-​aħwa rġiel li jaqraw tajjeb jistgħu jiġu mistidnin jieħdu sehem fil-​qari pubbliku tal-​materjal tal-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni u l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Iżda biex twettaq bis-​sħiħ privileġġ bħal dan, jeħtieġ iktar milli sempliċement tgħid il-​kliem b’mod korrett. Sabiex issir qarrej pubbliku effettiv fil-​kongregazzjoni, għandek bżonn tiżviluppa drawwiet tajbin fil-​qari persunali. Dan jinvolvi li tkun konxju li kull kelma f’sentenza għandha l-​irwol tagħha. Ma tistax tinjora xi kliem u xorta tifhem biċ-​ċar dak li qed jintqal. Jekk xi kliem jinqara ħażin, anki meta taqra għalik innifsek, it-​tifsir tas-​sentenza mhux se jkun korrett. Jekk tinjora l-​aċċenti jew il-​kuntest li fih qed jintuża l-​kliem tistaʼ tasal biex taqra ħażin. Stinka biex tifhem xi tfisser kull kelma fis-​sitwazzjoni li tidher fiha. Ikkunsidra wkoll kif il-​punteġġatura teffettwa t-​tifsir tas-​sentenza. Ftakar li l-​ħsibijiet ġeneralment jitwasslu minn ġabriet taʼ kliem. Oqgħod attent għalihom sabiex meta tkun qed taqra b’leħen għoli taqra ġabriet taʼ kliem—frażijiet u klawsoli—minflok sempliċement kliem. Pass importanti biex tkun kapaċi twassal għarfien eżatt lil oħrajn permezz tal-​qari pubbliku hu li tifhem b’mod ċar dak li taqra.

L-​appostlu Pawlu kiteb hekk lil anzjan Kristjan tal-​esperjenza: “Kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku.” (1 Tim. 4:13) Ovvjament, dan hu aspett li fih ilkoll kemm aħna għandna fejn nagħmlu titjib.

PUNTEĠĠATURA

Fulstop (.) jindika waqfa totali.

Koma (,) ġeneralment tirrikjedi pawsa qasira, peress li jkun ġej iktar kliem.

Semikowlin (;) tindika pawsa iqsar minn dik tal-​punt iżda itwal minn dik tal-​virgola.

Kowlin (:) tintroduċi lista jew kwotazzjoni; din il-​punteġġatura tirrikjedi pawsa iżda mingħajr bidla fit-​ton.

Punt esklamattiv (!) jindika sentiment qawwi fit-​ton.

Punt interrogattiv (?) ġeneralment jeħtieġ li s-​sentenza tinqara b’ton kemxejn iktar għoli jew b’leħen li jogħla ftit ftit.

Virgoletti (“ ” jew ‘ ’) jistgħu jindikaw li l-​kliem taʼ bejniethom għandu jibda u jispiċċa b’pawsa (qasira jekk il-​kliem hu parti minn sentenza; twila jekk hu stqarrija kompluta).

Sing twil (—), meta jintuża qabel xi ġabra taʼ kliem ġeneralment jirrikjedi bidla żgħira fit-​ton jew fil-​pass.

Parentesi tondi ( ) u parentesi kwadri [ ] jistgħu jifirdu l-​kliem sabiex jinqara b’ton kemxejn iżjed baxx. Sorsi taʼ referenza fil-​parentesi tondi m’għandhomx bżonn jinqraw, u kliem fil-​parentesi kwadri li hu meħtieġ biex is-​sens taʼ dak li jinqara jkun sħiħ ma jirrikjedix bidla fit-​ton.

KIF JIRNEXXILEK TAGĦMEL DAN

  • Ipprattika! Ipprattika! Ipprattika! U agħmel dan b’leħen għoli.

  • Itlob lil xi ħadd joqgħodlok għassa għall-​qari u jiġbidlek l-​attenzjoni għall-​iżbalji.

  • Meta tkun qed tagħmel studju persunali, agħmel sforz biex taqra bir-​reqqa.

  • Minflok ma sempliċement taqra kliem, tgħallem aqra ġabriet taʼ kliem.

TAĦRIĠ: Wara li tipprepara sewwa, itlob lil xi ħabib jew membru tal-​familja jsegwi mill-​Bibbja hekk kif taqra b’leħen għoli silta minn Mattew kapitli 5 sa 7. Għidlu jwaqqfek kull darba li (1) taqbeż xi kelma, (2) taqra xi kelma ħażin jew tibdel l-​ordni tal-​kliem, jew (3) tinjora xi aċċent jew xi punteġġatura li tirrikjedi pawsa jew bidla fit-​ton. Ikun tajjeb li tagħmel dan għal minn tal-​inqas għaxar minuti f’żewġ jew tliet okkażjonijiet.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja