LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 25 p. 166-p. 169 para. 5
  • L-​Użu taʼ Outline

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-​Użu taʼ Outline
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Kif Tagħmel Outline
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Taħdita li Tingħata b’Mod Spontanju
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Kif Tħejji Taħditiet għall-Pubbliku
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Kif Tħejji Taħditiet għall-Kongregazzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 25 p. 166-p. 169 para. 5

STUDJU 25

L-​Użu taʼ Outline

X’hemm bżonn tagħmel?

Tkellem permezz taʼ outline, kemm jekk miżmum f’moħħok u kemm jekk miktub, minflok ma tagħti t-​taħdita kelma b’kelma minn fuq manuskritt.

Għala importanti?

Il-​preparazzjoni taʼ outline tgħinek torganizza ħsibijietek. Jekk tuża l-​outline biex tagħti taħdita jkun iktar faċli għalik biex tkun naturali u titkellem mill-​qalb.

ĦAFNA nies iħossuhom ansjużi dwar il-​prospett li jitkellmu minn fuq outline. Huma jħossuhom iktar kunfidenti jekk kulma jkunu se jgħidu jkun miktub fuq karta jew jitgħallmuh bl-​amment.

Madankollu, fir-​realtà lkoll nitkellmu kuljum mingħajr ma nużaw manuskritt. Dan nagħmluh fil-​konversazzjoni mal-​familja u l-​ħbieb. Nagħmluh meta nieħdu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa. Nagħmluh ukoll meta noffru talb mill-​qalb, kemm jekk fil-​privat u kemm jekk għan-​nom taʼ grupp taʼ nies.

Meta tagħti taħdita, jagħmel differenza jekk tużax manuskritt jew outline? Waqt li meta taqra minn manuskritt imħejji minn qabel tistaʼ tkun ċert mill-​eżattezza u l-​kliem magħżul b’reqqa, dan il-​metodu ma tantx imiss il-​qalb. Meta taqra iktar minn ftit sentenzi, int ġeneralment tadotta pass u ton li huma differenti minn kif titkellem is-​soltu. Jekk l-​attenzjoni tiegħek tkun iffokata iktar fuq il-​karti milli fuq l-​udjenza tiegħek, ħafna għandhom mnejn ma jisimgħux b’attenzjoni daqskemm jisimgħu kieku jħossu li int tassew għandek lilhom f’moħħok u qed tadatta l-​materjal tiegħek għaċ-​ċirkustanzi tagħhom. Għal taħdita li timmotiva tassew, l-​aħjar mod li bih tagħtiha hu wieħed spontanju.

L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku hija mħejjija biex tgħinna fil-​ħajja taʼ kuljum. Meta niltaqgħu mal-​ħbieb, aħna ma noħorġux biċċa karta u naqrawlhom il-​ħsibijiet tagħna sabiex inkunu ċerti li nużaw l-​aħjar kliem. Fis-​servizz tal-​għalqa, ma niħdux magħna manuskritt biex naqrawh minħabba l-​biżaʼ li ninsew xi punti li rridu ngħidu lin-​nies. Meta fl-​iskola turi kif għandha tingħata xhieda f’ċirkustanzi bħal dawn, ipprattika li titkellem b’tali mod li jkun naturali kemm jistaʼ jkun. Bi tħejjija tajba, se ssib li outline, kemm jekk f’moħħok u kemm jekk miktub, ġeneralment ikun biżżejjed biex ifakkrek dwar il-​ħsibijiet prinċipali li trid tiddiskuti. Imma kif tistaʼ tiżviluppa l-​kunfidenza li għandek bżonn biex tkun tistaʼ taħdem permezz taʼ outline?

Organizza Ħsibijietek. Sabiex tuża outline meta titkellem, trid torganizza ħsibijietek. Dan ma jfissirx li tagħżel il-​kliem li tippjana li tuża. Sempliċement ifisser li taħseb qabel ma titkellem.

Fil-​ħajja taʼ kuljum, persuna żbokkata għandha mnejn titkellem bla ħsieb u iktar tard jiddispjaċiha għal dak li qalet. Persuna oħra għandha mnejn titkellem bla skop, u tiġri minn ħsieb għall-​ieħor. Iż-​żewġ tendenzi jistgħu jiġu trattati b’mod effettiv billi dak li jkun jagħmel pawsa ħalli jifforma outline sempliċi f’moħħu qabel ma jibda jitkellem. L-​ewwel daħħal sew f’moħħok il-​mira tiegħek, imbagħad agħżel il-​passi li għandek bżonn biex tilħaqha, u mbagħad ibda tkellem.

Qed tipprepara għas-​servizz tal-​għalqa? Tiħux biss il-​ħin biex tippakkja l-​basket tiegħek tal-​ministeru imma wkoll biex torganizza ħsibijietek. Jekk tiddeċiedi li tuża waħda mill-​preżentazzjonijiet suġġeriti fil-​Ministeru tas-​Saltna, aqraha diversi drabi ħalli jkollok l-​ideat prinċipali ċari f’moħħok. Semmi l-​punti prinċipali f’sentenza qasira jew tnejn. Adatta l-​kliem għall-​personalità tiegħek u għall-​kundizzjonijiet fit-​territorju tiegħek. Se ssibha utli li jkollok outline f’moħħok. X’jistaʼ jinkludi? (1) Bħala introduzzjoni, tistaʼ ssemmi xi ħaġa li tikkonċerna lil ħafna nies fil-​komunità tiegħek. Stieden lill-​persuna l-​oħra biex tesprimi ruħha. (2) Żomm f’moħħok xi ħaġa speċifika li tistaʼ taqsam dwar is-​suġġett, inkluż skrittura jew tnejn li juru x’wiegħed li se jagħmel Alla biex iġib serħan. Jekk tingħata l-​opportunità, enfasizza x’se jagħmel Ġeħova permezz tas-​Saltna tiegħu, il-​gvern tiegħu tas-​sema. (3) Ħeġġeġ lill-​persuna biex taġixxi b’xi mod fuq dak li ddiskutejt. Tistaʼ toffri letteratura u/jew studju tal-​Bibbja u tagħmel arranġamenti speċifiċi biex tkompli d-​diskussjoni.

X’aktarx li l-​uniku outline li tiġi bżonn għal preżentazzjoni bħal din hu wieħed li jkun f’moħħok. Jekk trid tirreferi għall-​outline miktub qabel l-​ewwel żjara tiegħek, l-​outline x’aktarx li kulma jkun fih hu ftit kliem biex tużah fl-​introduzzjoni, nota taʼ skrittura jew tnejn, u nota qasira taʼ dak li trid tinkludi fil-​konklużjoni. It-​tħejjija u l-​użu taʼ outline bħal dan jgħinna biex ma noqogħdux irreddnu, jgħinna nħallu messaġġ ċar li faċli jibqaʼ fil-​moħħ.

Jekk fit-​territorju tiegħek spiss tqum xi mistoqsija jew oġġezzjoni partikulari, jistaʼ jkun taʼ għajnuna li tagħmel riċerka dwar il-​kwistjoni. Ġeneralment, kulma għandek bżonn hu żewġ punti bażiċi jew tlieta flimkien maʼ skritturi li jipprovdu l-​bażi għalihom. Tistaʼ ssib l-​outline eżatt li għandek bżonn fis-​“Suġġetti Bibliċi għal Diskussjoni,” fis-​sottitli b’ittri skuri fil-​ktieb Reasoning From the Scriptures jekk hu disponibbli b’lingwa li tifhimha, jew fil-​ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-​Bibbja. Tistaʼ ssib kwotazzjoni tajba minn sors ieħor li tixtieq tinkludi. Agħmel outline miktub fil-​qosor, waħħal fotokopja tal-​kwotazzjoni, u żommhom mal-​affarijiet tas-​servizz tal-​għalqa. Meta inkwilin iqajjem l-​oġġezzjoni jew il-​mistoqsija, urih li int tieħu gost bl-​opportunità li tagħti raġuni għat-​twemmin tiegħek. (1 Pt. 3:15) Uża l-​outline bħala bażi għat-​tweġiba tiegħek.

Meta tkun se tirrappreżenta l-​familja tiegħek, grupp tas-​servizz tal-​għalqa, jew il-​kongregazzjoni permezz tat-​talb, ikun taʼ benefiċċju wkoll li torganizza l-​ħsibijiet tiegħek. Skont Luqa 11:2-​4, Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu outline sempliċi dwar kif jitolbu b’mod sinifikanti. Fid-​dedikazzjoni tat-​tempju f’Ġerusalemm, Salamun talab fit-​tul. Ovvjament hu ħaseb dwar is-​suġġett minn qabel. Hu ffoka l-​attenzjoni l-​ewwel fuq Ġeħova u l-​wegħda Tiegħu lil David; imbagħad fuq it-​tempju; u mbagħad, fuq sitwazzjonijiet speċifiċi u gruppi taʼ nies, ħaġa wara l-​oħra. (1 Slat. 8:22-​53) Nistgħu nibbenefikaw minn dawn l-​eżempji.

Żomm l-​“Outline” tat-​Taħdita Tiegħek Sempliċi. Se tuża l-​outline biex tagħti taħdita? Kemm għandek tinkludi fih?

Ftakar li l-​outline qiegħed biex jgħinek tiftakar l-​ideat. Għandek mnejn tħoss li jkun taʼ benefiċċju li tikteb ftit sentenzi biex tużahom bħala introduzzjoni. Imma wara ffoka fuq l-​ideat mhux fuq il-​kliem. Jekk tpoġġi dawn l-​ideat fil-​forma taʼ sentenzi, ikun aħjar li tifformahom f’sentenzi qosra. Il-​ftit punti prinċipali li tippjana li tiżviluppa għandhom jispikkaw b’mod ċar fl-​outline tiegħek. Dan tistaʼ tagħmlu billi tiktibhom b’ittri kbar, tagħmel linja taħt il-​punti, jew timmarkahom bil-​kulur. Taħt kull punt prinċipali, niżżel l-​ideat li trid tuża meta tiżviluppah. Ikteb l-​iskritturi li qed tippjana li taqra. Ġeneralment ikun l-​aħjar li taqrahom direttament mill-​Bibbja. Ħu nota tat-​tixbihat li qed tippjana li tuża. Tistaʼ wkoll tuża kwotazzjoni sekulari sinifikanti li hija xierqa. Ikteb biżżejjed noti ħalli jkollok fatti speċifiċi x’tippreżenta. Se jkun iktar faċli li tuża l-​outline jekk tiktbu pulit.

Xi wħud jużaw outlines li huma bażiċi ħafna. Outline jistaʼ jikkonsisti fi ftit kliem fundamentali, nota tal-​iskritturi li l-​kelliemi se jikkwota bl-​amment, u tpinġijiet jew stampi li se jgħinuh jiftakar l-​ideat. B’dawn in-​noti sempliċi, kelliemi jkun jistaʼ jippreżenta l-​materjal tiegħu f’ordni loġiku u fi stil taʼ konversazzjoni. Din hija l-​mira taʼ din il-​lezzjoni.

F’paġni 39 sa 42 taʼ dan il-​ktieb se ssib id-​diskussjoni “Kif Tagħmel Outline.” Se jkun taʼ għajnuna kbira jekk taqra dan il-​materjal meta tkun qed taħdem fuq dan l-​istudju, “L-​Użu taʼ Outline.”

Kif Tuża l-​“Outline.” Madankollu, il-​mira tiegħek issa mhijiex sempliċement li tipprepara għat-​taħdita tiegħek fil-​forma taʼ outline. Hija li tuża l-​outline b’mod effettiv.

L-​ewwel pass biex tuża l-​outline tiegħek hu li tipprepara kif se tagħti t-​taħdita. Ħares lejn it-​tema, aqra kull punt prinċipali, u għid bejnek u bejn ruħek il-​konnessjoni li kull wieħed minn dawn il-​punti għandu mat-​tema. Ħu nota taʼ kemm tistaʼ tqattaʼ ħin fuq kull punt prinċipali. Issa erġaʼ ibda u studja l-​ewwel punt prinċipali. Irrivedi l-​argumenti, l-​iskritturi, it-​tixbihat, u l-​eżempji li bi ħsiebek tuża biex tiżviluppa dak il-​punt. Irrivedi l-​materjal diversi drabi sakemm dik is-​sezzjoni tat-​taħdita tkun ċara f’moħħok. Agħmel l-​istess b’kull wieħed mill-​punti prinċipali l-​oħrajn. Ikkunsidra x’tistaʼ tneħħi, jekk ikun hemm bżonn, sabiex tispiċċa fil-​ħin. Imbagħad irrivedi t-​taħdita kollha. Iffoka fuq l-​ideat, mhux fuq il-​kliem. Titgħallimx it-​taħdita bl-​amment.

Meta tagħti t-​taħdita, għandek tkun tistaʼ żżomm kuntatt viżwali tajjeb mal-​udjenza tiegħek. Wara li taqra skrittura, ġeneralment għandek tkun tistaʼ tirraġuna fuqha billi tuża l-​Bibbja tiegħek imma mingħajr ma terġaʼ tħares lejn in-​noti tiegħek. B’mod simili, jekk tuża tixbiha, għidha bħalma kieku tgħidha lil sħabek minflok ma taqraha min-​noti tiegħek. Int u titkellem, tħarisx lejn in-​noti tiegħek biex tara kull sentenza. Tkellem minn qalbek, u se tilħaq il-​qalb taʼ dawk li jkunu qed jisimgħuk.

Meta titgħallem sew l-​arti taʼ li titkellem bl-​għajnuna taʼ outline, se tkun ħadt pass ’il quddiem importanti ħafna f’li ssir kelliemi pubbliku effettiv.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Daħħal sew f’moħħok il-​benefiċċju taʼ li titkellem permezz taʼ outline.

  • Fil-​konversazzjoni taʼ kuljum, organizza ħsibijietek qabel ma titkellem.

  • Biex tikseb il-​kunfidenza meħtieġa ħalli titkellem bl-​għajnuna taʼ outline, itlob lil Ġeħova, u ħudha drawwa li tieħu sehem spiss fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

  • Agħmel l-​outline tiegħek sempliċi, faċli biex taqrah b’sempliċi daqqa t’għajn.

  • Ipprepara kif se tagħti t-​taħdita billi tirrivedi l-​ideat, mhux billi titgħallem il-​kliem bl-​amment.

TAĦRIĠ: Qabel tmur fis-​servizz tal-​għalqa din il-​ġimgħa, ħejji outline f’moħħok taʼ xi ħaġa speċifika li trid tgħid. (Ara paġna 167, paragrafu 3.) Meta tkun fis-​servizz tal-​għalqa, ħu nota taʼ kemm-​il darba jirnexxilek tuża d-​diskussjoni li tkun ippjanajt jew għall-​inqas tgħid il-​ħsieb tal-​messaġġ.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja