STUDJU 27
Taħdita li Tingħata b’Mod Spontanju
FORSI ħdimt iebes fuq it-taħdita tiegħek. Forsi għandek materjal informattiv. Il-loġika tistaʼ tkun f’lokha. Forsi tistaʼ tagħtiha b’mod fluwenti. Imma jekk l-attenzjoni tal-udjenza tiegħek tkun maqsuma—jekk jisimgħu biss biċċa ’l hawn u ’l hemm minn dak li tgħid minħabba li moħħhom spiss jibda jaħseb fuq affarijiet oħrajn—kemm hija effettiva l-preżentazzjoni tiegħek? Jekk isibuha diffiċli biex iżommu moħħhom iffokat fuq it-taħdita, taħseb li se tmissilhom qalbhom?
X’jistaʼ jkun il-kaġun taʼ problema bħal din? Hemm għadd taʼ fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għaliha. Spiss, ikun minħabba li t-taħdita ma tingħatax b’mod spontanju. Fi kliem ieħor, il-kelliemi jħares lejn in-noti spiss wisq, jew l-istil taʼ kif qed jagħti t-taħdita hu formali wisq. Madankollu, dawn il-problemi huma konnessi direttament mal-mod kif tiġi mħejjija t-taħdita.
Jekk l-ewwel tikteb it-taħdita tiegħek u mbagħad tipprova tibdilha f’outline, x’aktarx li se ssibha diffiċli li tagħti t-taħdita b’mod spontanju. Għala? Għaliex għażilt il-kliem eżatt li qed tippjana li tuża. Anki jekk tuża l-outline biex tagħti t-taħdita, se tkun qed tipprova tiftakar il-kliem li użajt fil-verżjoni oriġinali. Meta xi ħaġa tkun miktuba, il-lingwa tkun iktar formali u l-istruttura tas-sentenzi tkun iktar komplikata mit-taħdit taʼ kuljum. Il-mod kif tagħti t-taħdita tiegħek se jirrifletti dan.
Minflok ma tikteb it-taħdita fid-dettall, ipprova dan li ġej: (1) Agħżel it-tema u l-aspetti prinċipali tas-suġġett li se tuża biex tiżviluppa t-tema. Għal taħdita qasira, żewġ punti prinċipali jistgħu jkunu biżżejjed. Taħdita itwal jistaʼ jkollha erbgħa jew ħamsa. (2) Taħt kull punt prinċipali, innota l-iskritturi prinċipali li tippjana li tuża biex tiżviluppah; ukoll ħu nota tat-tixbihat u l-argumenti prinċipali tiegħek. (3) Aħseb dwar kif se tintroduċi t-taħdita. Tistaʼ tikteb sentenza jew tnejn. Ukoll, ippjana l-konklużjoni.
It-tħejjija għal kif se tagħti t-taħdita hi importanti ħafna. Imma toqgħodx tirrivedi t-taħdita kelma b’kelma bl-intenzjoni li titgħallimha bl-amment. Biex titkellem b’mod spontanju, fil-preparazzjoni taʼ kif se tagħti t-taħdita m’għandekx tpoġġi enfasi fuq il-kliem, imma minflok, fuq l-ideat li għandek tesprimi. Dawn tal-aħħar għandek tirrivedihom sakemm tkun tistaʼ tasal minn idea għall-oħra f’moħħok faċilment. Dan m’għandux ikun diffiċli jekk il-binja tat-taħdita tiegħek tkun ġiet żviluppata b’mod loġiku u pjanata sew. B’hekk, meta tagħti t-taħdita l-ideat għandhom joħorġu b’mod naturali u faċli.
Ikkunsidra l-Benefiċċji. Vantaġġ importanti taʼ taħdita mogħtija b’mod spontanju hu li se tkun qed titkellem bil-mod prattiku li n-nies iwieġbu iktar malajr għalih. Il-mod kif tagħti t-taħdita se jkun iktar ħaj, u għalhekk iktar interessanti għall-udjenza tiegħek.
Dan il-metodu taʼ kif titkellem se jippermettilek l-iktar kuntatt viżwali mas-semmiegħa, u dan itejjeb il-komunikazzjoni tiegħek magħhom. Ladarba ma tistrieħx fuq in-noti għall-kliem taʼ kull sentenza, is-semmiegħa tiegħek x’aktarx se jħossu li taf is-suġġett tiegħek sew u li int temmen sinċerament f’dak li qed tgħidilhom. Għalhekk, jekk tagħti t-taħdita b’dan il-mod se tinstemaʼ kordjali, naturali, u se tilħaq qalb l-udjenza.
Taħdita li tingħata b’mod spontanju tippermettilek ukoll tkun flessibbli. Il-materjal ma jkunx daqshekk riġidu li ma tkunx tistaʼ tagħmel aġġustamenti fih. Ejja ngħidu li kmieni fil-ġurnata meta tkun se tagħti t-taħdita jkun hemm rapport fl-aħbarijiet li jispikka u li hu konness direttament mas-suġġett tiegħek. Ma jkunx xieraq li tirreferi għalih? Jew forsi meta tkun qed titkellem tirrealizza li hemm ħafna tfal li jmorru l-iskola fl-udjenza tiegħek. Kemm ikun tajjeb li taġġusta t-tixbihat tiegħek u tapplikahom b’tali mod li jgħinhom jifhmu kif il-materjal jeffettwalhom ħajjithom!
Vantaġġ ieħor taʼ li tagħti taħdita b’mod spontanju hu li jkollok tħaddem iktar moħħok. Meta jkollok udjenza li tapprezza u twieġeb għal dak li tgħid, int innifsek issir iktar entużjastiku u mbagħad tiftaħ fuq l-ideat jew tieħu l-ħin biex tirripeti ċerti punti għall-enfasi. Jekk tinnota li l-interess tal-udjenza qed imajna, tistaʼ tieħu passi biex tegħleb il-problema minflok ma titkellem maʼ nies li moħħhom ikun band’oħra.
Evita l-Perikli. Trid iżżomm f’moħħok li jistaʼ jkun hemm ukoll perikli f’li titkellem b’mod spontanju. Wieħed minnhom hu t-tendenza li taqbeż il-ħin. Jekk iddaħħal wisq ideat żejda matul it-taħdita, il-ħin jistaʼ jkun problema. Tistaʼ tkampa maʼ dan jekk tieħu nota fuq l-outline tiegħek tal-ħin imwarrab għal kull taqsima tat-taħdita. Imbagħad żomm mill-qrib maʼ din l-iskeda.
Periklu ieħor, speċjalment għall-kelliema tal-esperjenza, hu li jkunu kunfidenti żżejjed. Minħabba li jkunu draw jitkellmu fil-pubbliku, xi wħud jistgħu jsibu li mhuwiex diffiċli li jiġbru xi ideat malajr u jimlew il-ħin li jingħatalhom. Imma l-umiltà u l-apprezzament għall-fatt li qed nieħdu sehem fi programm taʼ edukazzjoni li fih Ġeħova nnifsu hu l-Istruttur Grandjuż għandhom iqanqluna naħdmu fuq kull inkarigu bit-talb u nippreparawh sew.—Is. 30:20; Rum. 12:6-8.
Forsi ħafna kelliema li mhumiex tal-esperjenza jinkwetaw iktar dwar li jinsew dak li jkunu jridu jgħidu f’taħdita mogħtija b’mod spontanju. Tħallix dan il-prospett iġiegħlek toqgħod lura milli tieħu dan il-pass ’il quddiem biex issir kelliemi effettiv. Ipprepara sew, u dur lejn Ġeħova għall-għajnuna tal-ispirtu tiegħu.—Ġw. 14:26.
Kelliema oħrajn iħallu tħassib żejjed dwar kif se jpoġġu kliemhom iżommhom lura. Veru, taħdita mogħtija b’mod spontanju jistaʼ ma jkollhiex il-kliem magħżul u l-grammatika preċiża taʼ taħdita fuq manuskritt, imma stil naturali li jiġbed lil dak li jkun se jpatti bil-kbir għal dan. In-nies iwieġbu iktar malajr għal ħsibijiet li huma preżentati bi kliem li jifhmuh faċilment u sentenzi li mhumiex komplikati. Jekk tipprepara sew, sentenzi xierqa se jiġuk b’mod naturali, mhux għax tkun tgħallimthom bl-amment, imma għax tkun irrivedejt l-ideat biżżejjed. U jekk tuża diskors tajjeb fil-konversazzjonijiet taʼ kuljum, dan se jiġik naturali meta tkun fuq il-platform.
X’Tip taʼ Noti Għandek Tuża. Maż-żmien u bil-prattika, għandek mnejn tkun tistaʼ tnaqqas l-outline tiegħek għal sempliċi ftit kliem għal kull punt tat-taħdita tiegħek. Dan il-kliem flimkien man-noti tal-iskritturi li qed tippjana li tuża jistgħu jkunu mniżżlin kollha fuq karta biex ikun faċli tirreferi għalihom. Għall-ministeru tal-għalqa, ħafna drabi se titgħallem bl-amment outline sempliċi. Jekk għamilt riċerka fuq suġġett għal żjara lura, jistaʼ jkollok ftit noti qosra fuq biċċa karta mdaħħla fil-paġni tal-Bibbja tiegħek. Tistaʼ wkoll sempliċement tuża outline mis-“Suġġetti Bibliċi għal Diskussjoni,” materjal li jinsab fil-ktieb Reasoning From the Scriptures, jew materjal fil-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja bħala bażi għad-diskussjoni tiegħek.
Madankollu, jekk ġejt inkarigat b’diversi partijiet fil-laqgħa fi ftit ġimgħat u forsi biex tagħti taħditiet pubbliċi wkoll, għandek mnejn ikollok bżonn noti iktar dettaljati. Għala? Biex tiġi megħjun tiftakar il-materjal qabel ma tagħmel kull wieħed minn dawn l-inkarigi. Xorta waħda, jekk tistrieħ wisq fuq in-noti għal kif se tpoġġi kliemek matul it-taħdita—tħares lejhom f’xi ħin matul kważi kull sentenza—se titlef il-benefiċċji li ġġib magħha taħdita li tingħata b’mod spontanju. Jekk tuża noti dettaljati, immarkahom b’tali mod li tkun tistaʼ tirreferi faċilment għall-ftit kliem u skritturi ċitati mmarkati biss li jifformaw l-outline tiegħek.
Waqt li l-mod kif kelliemi tal-esperjenza jagħti taħdita għandu jkun fil-biċċa l-kbira spontanju, jistaʼ jkun hemm vantaġġi wkoll jekk jinkludi forom oħrajn taʼ kif jagħti t-taħdita. Fl-introduzzjoni u l-konklużjoni, fejn hemm bżonn taʼ kuntatt tajjeb mal-udjenza flimkien maʼ stqarrijiet qawwijin u kliem magħżul sew, ftit sentenzi memorizzati jistgħu jkunu effettivi. Fejn jintużaw il-fatti, in-numri, il-kwotazzjonijiet, jew l-iskritturi, il-qari hu xieraq u jistaʼ jintuża b’mod effettiv.
Meta Oħrajn Jesiġu Spjegazzjoni. Kultant niġu mitlubin nispjegaw it-twemmin tagħna mingħajr l-opportunità biex nippreparaw minn qabel. Dan jistaʼ jseħħ meta xi ħadd li niltaqgħu miegħu fis-servizz tal-għalqa jqajjem oġġezzjoni. Sitwazzjonijiet simili jistgħu jinqalgħu meta nkunu mal-qraba, fuq il-post tax-xogħol, jew l-iskola. Anki l-uffiċjali tal-gvern jistgħu jesiġu spjegazzjoni dwar it-twemmin tagħna u l-mod kif ngħixu ħajjitna. L-Iskrittura tħeġġiġna: “Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandkom, imma dan agħmluh bil-ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pt. 3:15.
Innota kif Pietru u Ġwanni wieġbu lis-Sinedriju Lhudi, kif inhu mniżżel f’Atti 4:19, 20. F’żewġ sentenzi biss, huma qalu b’mod ċar x’kienet il-pożizzjoni tagħhom. Dan għamluh b’tali mod li kien xieraq għall-udjenza tagħhom—billi semmew li l-kwistjoni li kienu qed jiffaċċjaw l-appostli kienet qed tiġi ffaċċjata mill-qorti wkoll. Iktar tard, saru akkużi foloz kontra Stiefnu, u hu ttieħed quddiem l-istess qorti. Aqra t-tweġiba qawwija tiegħu li ta dak il-ħin kif inhi mniżżla f’Atti 7:2-53. Kif organizza l-materjal tiegħu? Hu ppreżenta l-ġrajjiet skont is-sekwenza storika. F’punt xieraq, hu beda jenfasizza l-ispirtu ribelluż li wera l-ġens taʼ Israel. Fil-konklużjoni, hu wera li s-Sinedriju wera l-istess attitudni billi qatel lil Bin Alla.
Meta tiġi mitlub tagħti spjegazzjoni taʼ dak il-ħin dwar it-twemmin tiegħek, x’jistaʼ jgħinek tagħmel il-kummenti tiegħek effettivi? Imita lil Neħemija li talab f’qalbu qabel ma wieġeb mistoqsija li saritlu mis-Sultan Artaserse. (Neħ. 2:4) Imbagħad, ifforma malajr outline f’moħħok. Il-passi bażiċi jistgħu jitniżżlu b’dan il-mod: (1) Agħżel punt jew tnejn li għandek tinkludi fl-ispjegazzjoni (tistaʼ tagħżel li tuża punti misjubin fis-“Suġġetti Bibliċi għal Diskussjoni”). (2) Iddeċiedi liema skritturi se tuża biex tappoġġa dawk il-punti. (3) Ippjana kif tibda l-ispjegazzjoni tiegħek bit-tattika ħalli min jistaqsik ikun lest li jismaʼ. Imbagħad ibda tkellem.
Taħt pressjoni se tiftakar x’għandek tagħmel? Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu jew kif se tgħiduh; għax dak li għandkom tgħidu se jingħatalkom dak il-ħin; għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu taʼ Missierkom ikun qed jitkellem permezz tagħkom.” (Mt. 10:19, 20) Dan ma jfissirx li se tingħata l-“kliem t’għerf” mirakoluż li ngħata lill-Kristjani tal-ewwel seklu. (1 Kor. 12:8) Imma jekk regolarment tieħu vantaġġ mill-edukazzjoni li jipprovdi Ġeħova għall-qaddejja tiegħu fil-kongregazzjoni Kristjana, l-ispirtu qaddis se jfakkrek l-informazzjoni li jkollok bżonn meta tkun meħtieġa.—Is. 50:4.
Mingħajr ebda dubju, taħdita li tingħata b’mod spontanju tistaʼ tkun effettiva ħafna. Jekk tipprattikaha regolarment meta tagħmel l-inkarigi fil-kongregazzjoni, imbagħad mhux se jkun diffiċli li tagħti tweġibiet taʼ dak il-ħin meta jkun meħtieġ, ladarba japplikaw l-istess proċeduri. Iżżommx lura. Se tiġi megħjun biex il-ministeru tal-għalqa tiegħek ikun iktar effettiv jekk titgħallem titkellem b’mod spontanju. U jekk għandek il-privileġġ li tagħti taħditiet fil-kongregazzjoni, hu iktar probabbli li żżomm l-attenzjoni tal-udjenza u tmissilhom qalbhom.