LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 32 p. 194-p. 196 para. 4
  • Esprimi Konvinzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Esprimi Konvinzjoni
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Nippridkaw l-Aħbar Tajba b’Konvinzjoni Qawwija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Uri li int konvint
    Irsisti fil-qari u t-tagħlim
  • Ieqfu Sħaħ b’Konvinzjoni Soda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kun Konvint li Għandek il-Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 32 p. 194-p. 196 para. 4

STUDJU 32

Esprimi Konvinzjoni

X’hemm bżonn tagħmel?

Tkellem b’tali mod li juri li int konvint għalkollox dwar il-​verità u l-​importanza taʼ dak li qed tgħid.

Għala importanti?

Il-​konvinzjoni tiegħek se tinkuraġġixxi lil oħrajn biex jikkunsidraw bis-​serjetà dak li tgħid u jaġixxu fuqu.

META xi ħadd jitkellem b’konvinzjoni, oħrajn jaraw li hu jemmen b’mod sod dak li qed jgħid. Konvinzjoni bħal din kienet evidenti fil-​ministeru tal-​appostlu Pawlu. Hu kiteb lil dawk li saru jemmnu f’Tessalonika: “L-​aħbar tajba li nippridkaw ma ġietx fostkom bil-​kliem biss imma wkoll . . . b’konvinzjoni sħiħa.” (1 Tess. 1:5) Din il-​konvinzjoni kienet evidenti kemm fil-​mod kif tkellem kif ukoll fil-​mod kif għex. Konvinzjoni sħiħa għandha tidher ukoll fil-​mod kif nippreżentaw il-​veritajiet Bibliċi.

Il-​fatt li nesprimu konvinzjoni ma jfissirx li nkunu taʼ rasna, dommatiċi, jew arroganti. Minflok, meta individwu li juri konvinzjoni jitkellem dwar affarijiet fil-​Kelma taʼ Alla, hu jagħmel dan b’mod li juri fidi qawwija.—Ebr. 11:1.

Okkażjonijiet Biex Tesprimi Konvinzjoni. Huwa importanti li titkellem b’konvinzjoni meta tkun fil-​ministeru tal-​għalqa. Spiss in-​nies jinnotaw il-​mod kif titkellem daqskemm jinnotaw il-​messaġġ tiegħek. Huma jindunaw kif tħossok verament dwar dak li tgħid. Il-​konvinzjoni tiegħek tistaʼ turi, b’iktar qawwa mill-​kliem waħdu, li għandek xi ħaġa taʼ valur kbir x’taqsam magħhom.

Hemm bżonn ukoll li tesprimi konvinzjoni meta tindirizza udjenza taʼ aduraturi sħabek. L-​appostlu Pietru kiteb l-​ewwel ittra ispirata tiegħu ‘biex jinkuraġġixxi u jixhed bil-​ħeġġa li din hi l-​qalb tajba mhix mistħoqqa vera t’Alla.’ Għal dan hu ħeġġeġ lil ħutu: “Żommu sod.” (1 Pt. 5:12) Meta kiteb lill-​kongregazzjoni f’Ruma, l-​appostlu Pawlu esprima konvinzjoni li kienet taʼ benefiċċju għalihom. Hu kiteb: “Jien konvint li la l-​mewt, la l-​ħajja, la l-​anġli, la l-​gvernijiet, la l-​affarijiet t’issa, la l-​affarijiet li għad iridu jiġu, la l-​qawwiet, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u l-​ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rum. 8:38, 39) Ukoll, Pawlu kiteb b’persważjoni dwar il-​bżonn li nippritkaw lil oħrajn, u ż-​żelu tiegħu stess f’dik l-​attività wera biċ-​ċar li kien konvint personalment mill-​importanza taʼ dan. (Atti 20:18-​21; Rum. 10:9, 13-​15) Konvinzjoni simili għandha tidher fl-​anzjani Kristjani llum hekk kif jgħallmu mill-​Kelma taʼ Alla.

Matul perijodi taʼ studju u f’ħinijiet oħrajn, il-​ġenituri jridu jesprimu ruħhom b’konvinzjoni meta jiddiskutu kwistjonijiet spiritwali maʼ wliedhom. Għal dan, il-​ġenituri jridu jikkultivaw imħabba għal Alla u għall-​mogħdijiet tiegħu f’qalbhom stess. B’hekk, ikunu jistgħu jitkellmu b’konvinzjoni mill-​qalb maʼ wliedhom, ‘għax mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.’ (Lq. 6:45; Dt. 6:5-​7) Jekk il-​ġenituri jkollhom konvinzjoni bħal din se jiġu mqanqlin biex jagħtu eżempju taʼ ‘fidi mingħajr ebda ipokrisija.’—2 Tim. 1:5.

Huwa speċjalment importanti li tesprimi ruħek b’konvinzjoni meta l-​fidi tiegħek tiġi sfidata. Sieħeb tal-​iskola, għalliem, jew sieħeb tax-​xogħol jistaʼ jibqaʼ sorpriż li int ma tingħaqadx mal-​kumplament f’ċelebrazzjoni partikulari. Tweġiba soda u raġunata tajjeb tistaʼ tgħinu jirrispetta d-​deċiżjoni tiegħek ibbażata fuq il-​Bibbja. Xi ngħidu jekk xi ħadd jipprova jħajrek tieħu sehem fi mġiba ħażina—diżonestà, użu ħażin tad-​drogi, jew immoralità sesswali? Huwa importanti li tagħmilha ċara li int żgur mhux se tieħu sehem fi mġiba bħal din u li ebda sforz biex jipperswadik ma se jġiegħlek tibdel fehmtek. Dan jeħtieġ minnek li titkellem b’konvinzjoni meta tiċħad l-​offerta. Meta rreżista l-​avanzi immorali taʼ mart Potifar, Ġużeppi qal b’mod sod: “Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” Meta baqgħet tippersisti, hu ħarab mid-​dar.—Ġen. 39:9, 12.

Kif Tintwera l-​Konvinzjoni. Il-​kliem li tuża jistaʼ juri ħafna l-​konvinzjoni tiegħek. F’diversi okkażjonijiet, qabel ma għamel stqarrija importanti, Ġesù qal: “Tassew, tassew, ngħidlek.” (Ġw. 3:3, 5, 11; 5:19, 24, 25) Il-​konvinzjoni taʼ Pawlu kienet tidher f’espressjonijiet bħal “Jien konvint,” “Jien naf u nħossni persważ fil-​Mulej Ġesù,” u “Qed ngħid il-​verità, m’iniex nigdeb.” (Rum. 8:38; 14:14; 1 Tim. 2:7) Dwar it-​twettiq tal-​kelma tiegħu, Ġeħova xi drabi ispira lill-​profeti tiegħu biex jagħmlu stqarrijiet enfatiċi, bħal, “Se sseħħ żgur.” (Ħab. 2:3) Meta tirreferi għal dawn il-​profeziji, tistaʼ tuża kliem simili. Jekk tpoġġi l-​fiduċja tiegħek f’Ġeħova minflok fik innifsek u jekk tkellem lil oħrajn bir-​rispett, espressjonijiet li jirriflettu konvinzjoni simili juru li għandek fidi qawwija.

Il-​konvinzjoni tistaʼ wkoll tintwera mill-​ħeġġa u l-​intensità li turi meta tesprimi ruħek. L-​espressjonijiet taʼ wiċċek, il-​ġesti tiegħek, u l-​mod kif iġġib ruħek kollha jikkontribwixxu għal dan, għalkemm jistgħu jkunu kemxejn differenti minn persuna għal oħra. Anki jekk int minnek tistħi jew għandek leħen ġentili, meta tkun persważ għalkollox li dak li qed tgħid hu l-​verità u li l-​oħrajn għandhom bżonn jisimgħuh, il-​konvinzjoni tiegħek se tkun tidher.

M’għandniex xi ngħidu, kwalunkwe espressjoni taʼ konvinzjoni li nagħmlu trid tkun ġenwina. Jekk in-​nies iħossu li qed nippretendu minflok ma nitkellmu minn qalbna, huma x’aktarx li jikkonkludu li l-​messaġġ tagħna hu bla sugu. Għalhekk, fuq kollox, kun naturali. Skont id-​daqs tal-​udjenza tiegħek, jistaʼ jkollok titkellem b’leħen iktar għoli mis-​soltu u b’iktar intensità. Imma l-​mira għandha tkun li tesprimi ruħek sinċerament u b’mod naturali.

Għajnuniet Biex Tesprimi Konvinzjoni. Ladarba l-​konvinzjoni tiegħek tinvolvi s-​sentimenti tiegħek dwar il-​materjal, huwa fundamentali li tipprepara sew. Mhuwiex biżżejjed li sempliċement tikkopja l-​materjal minn pubblikazzjoni u mbagħad tgħidu bl-​amment. Trid tifhem il-​materjal b’mod ċar u trid tkun tistaʼ tesprimih fi kliemek. Għandek tkun konvint għalkollox li hu minnu u li dak li qed tgħid hu taʼ valur għal dawk fl-​udjenza tiegħek. Dan ifisser li meta tipprepara l-​preżentazzjoni tiegħek, trid tikkunsidra ċ-​ċirkustanzi tagħhom kif ukoll dak li forsi jafu diġà dwar is-​suġġett jew kif forsi jħossuhom dwaru.

Huwa iktar faċli għal oħrajn li jħossu l-​konvinzjoni tagħna jekk inkunu fluwenti fil-​mod kif nagħtu t-​taħdita tagħna. Għalhekk, minbarra li tipprepara materjal tajjeb, aħdem iebes fuq kif se tagħti t-​taħdita tiegħek. Agħti attenzjoni speċjali għall-​porzjonijiet tal-​materjal tiegħek li jitolbu iktar ħeġġa ħalli tkun tistaʼ tagħti t-​taħdita mingħajr ma tkun marbut man-​noti tiegħek. Ukoll, tinsiex titlob lil Ġeħova biex ibierek l-​isforzi tiegħek. B’dan il-​mod, se ‘tagħmel il-​qalb permezz t’Alla tagħna’ biex titkellem b’tali mod li jirrifletti l-​konvinzjoni tiegħek dwar il-​verità u l-​importanza tal-​messaġġ tiegħek.—1 Tess. 2:2.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Tkellem b’sentiment li hu xieraq għas-​suġġett tiegħek.

  • Uża kliem u espressjonijiet li jirriflettu l-​konvinzjoni tiegħek.

  • Studja l-​materjal tiegħek sakemm tifhmu b’mod ċar u tkun tistaʼ tesprimih fi kliemek. Trid tkun konvint għalkollox li hu minnu u li hu taʼ valur għall-​udjenza tiegħek.

TAĦRIĠ: Studja r-​rakkonti Bibliċi li ġejjin: Eżodu 14:10-​14; it-​2 Slaten 5:1-​3; Danjel 3:13-​18; Atti 2:22-​36. Fl-​okkażjonijiet deskritti, il-​qaddejja taʼ Alla kif esprimew il-​konvinzjoni tagħhom? X’kienet il-​bażi għall-​konvinzjoni tagħhom? Kif tistaʼ turi konvinzjoni simili llum?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja