Ieqfu Sħaħ b’Konvinzjoni Soda
“[Hu] dejjem jistinka għan-nom tagħkom fit-talb tiegħu, biex intom tistgħu fl-aħħarnett tieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.”—KOLOSSIN 4:12, NW.
1, 2. (a) Uħud li ma kinux taʼ l-istess twemmin x’innotaw dwar il-Kristjani bikrin? (b) Il-ktieb tal-Kolossin kif jirrifletti interess b’imħabba?
IS-SEGWAĊI taʼ Ġesù kienu interessati ferm fi sħabhom fit-twemmin. Tertuljanu (kittieb tat-tieni u t-tielet seklu E.K.) tkellem dwar il-qalb tajba li wrew maʼ l-orfni, il-foqra, u dawk imdaħħlin fiż-żmien. Din l-imħabba murija ċar bl-azzjoni tant impressjonat lil dawk li ma kinux jemmnu li xi wħud minnhom qalu dwar il-Kristjani, ‘Ara kemm iħobbu lil xulxin.’
2 Il-ktieb tal-Kolossin jirrifletti dan it-tip taʼ interess b’imħabba li l-appostlu Pawlu u sieħbu Epafra wrew għall-aħwa f’Kolossi. Pawlu kitbilhom: Epafra “dejjem jistinka għan-nom tagħkom fit-talb tiegħu, biex intom tistgħu fl-aħħarnett tieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” Matul is-sena 2001, ix-Xhieda taʼ Jehovah se jkollhom dan il-kliem taʼ Kolossin 4:12 (NW) bħala l-iskrittura għas-sena: ‘Ieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’
3. Epafra talab għal liema żewġ affarijiet?
3 Innota li t-talb t’Epafra għall-maħbubin tiegħu kellu żewġ aspetti: (1) li huma ‘fl-aħħarnett jieqfu sħaħ’ u (2) li jieqfu “b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” Dan it-tagħrif kien inkluż fl-Iskrittura għall-benefiċċju tagħna. Għalhekk staqsi lilek innifsek, ‘X’irrid nagħmel personalment biex fl-aħħarnett nieqaf sħiħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla? U meta nagħmel hekk, x’se jkun ir-riżultat?’ Ejja naraw.
Stinka biex ‘Tieqaf Sħiħ’
4. Il-Kolossin f’liema sens riedu jkunu “sħaħ”?
4 Epafra xtaq minn qalbu li ħutu spiritwali f’Kolossi ‘fl-aħħarnett jieqfu sħaħ.’ It-terminu wżat minn Pawlu, tradott hawnhekk bħala “sħaħ,” jistaʼ jfisser perfett, kiber għalkollox, jew matur. (Mattew 19:21; Lhud 5:14; Ġakbu 1:4, 25) X’aktarx li int taf li għalkemm tkun Xhud mgħammed taʼ Jehovah ma jfissirx bilfors li int kbirt għalkollox bħala Kristjan. Pawlu kiteb lill-Efesin, li kienu jgħixu lejn il-punent taʼ Kolossi, li r-rgħajja u l-għalliema jipprovaw jgħinu lil kulħadd “biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien taʼ l-Iben taʼ Alla; nsiru raġel magħmul, fl-aħjar taʼ żmienu. U hekk isseħħ il-milja taʼ Kristu.” Xi mkien ieħor Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex isiru ‘rġiel magħmula fi ħsibijiethom.’—Korsiv tagħna; Efesin 4:8-13; 1 Korintin 14:20.
5. Kif nistgħu nagħmlu l-maturità bħala l-mira ewlenija tagħna?
5 Għal dawk f’Kolossi li kienu għadhom ma kibrux għalkollox spiritwalment, jew li kienu għadhom ma sarux maturi, din kellha tkun il-mira tagħhom. M’għandux dan japplika għal-lum ukoll? Sew jekk konna mgħammdin għaxriet taʼ snin ilu jew reċentement, nistgħu aħna naraw biċ-ċar kemm għamilna progress fl-abbiltà tagħna taʼ kif nirraġunaw kif ukoll fl-opinjonijiet tagħna? Nagħtu kas tal-prinċipji Bibliċi qabel ma nieħdu xi deċiżjoni? Għandhom il-kwistjonijiet marbutin maʼ l-interessi t’Alla u tal-kongregazzjoni parti dejjem iktar importanti f’ħajjitna, jew inkella niħduhom kif jiġu? F’dan l-artiklu ma nistgħux nagħtu eżempju taʼ kull mod li bih aħna nistgħu nuru li kbirna għalkollox u sirna sħaħ, imma kkunsidra żewġ eżempji.
6. Wieħed f’liema aspett jistaʼ jagħmel progress biex ikun perfett, bħalma hu Jehovah?
6 Ejja nieħdu l-ewwel eżempju. Nagħtu kas li trabbejna f’ambjent li fih iddominaw il-preġudizzju jew il-mibegħda lejn nies li ġejjin minn xi razza, nazzjonalità, jew reġjun differenti. Issa nafu li Alla m’huwiex parzjali u allura lanqas aħna ma rridu nkunu. (Atti 10:14, 15, 34, 35) Fil-kongregazzjoni jew fis-circuit tagħna, hemm xi individwi li ġejjin minn dak l-isfond, u għalhekk nitħalltu magħhom. Madankollu, għad għandna sentimenti negattivi jew suspetti f’qalbna għal nies taʼ dak l-isfond? Għandna tant għalihom li mill-ewwel naqbdu naħsbu ħażin jekk xi ħadd li ġej minn dak l-isfond jiżbalja jew jonqosna f’xi ħaġa żgħira? Staqsi lilek innifsek, ‘Għandi bżonn nagħmel iktar progress biex ikolli l-istess ħarsa imparzjali bħal dik t’Alla?’
7. Li nsiru sħaħ bħala Kristjani x’jistaʼ jinvolvi fil-mod taʼ kif inħarsu lejn oħrajn?
7 Ejja ngħaddu għat-tieni eżempju. Skond Filippin 2:3, aħna m’għandna ‘nagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma nkunu umli u kull wieħed minna jqis lill-ieħor aħjar minnu.’ Kif sejrin f’dan l-aspett? Kulħadd għandu d-dgħjufijiet u l-kwalitajiet tajbin tiegħu. Jekk fil-passat konna ħfief biex naraw id-dgħjufijiet taʼ ħaddieħor, kemm għamilna progress, biex b’hekk ma nistennewx il-‘perfezzjoni’ mingħandhom? (Ġakbu 3:2) Issa, iktar minn qatt qabel, kapaċi naraw jew saħansitra nfittxu modi li jagħmlu lil oħrajn aħjar minna? ‘Irrid nammetti li t-tali oħt hi aħjar minni f’dik li hi paċenzja.’ ‘Dak juri fidi iktar pożittiva.’ ‘Biex ngħid is-sew, dak jaf jgħallem aħjar minni.’ ‘Dik aħjar minni biex iżżomm kalma.’ Forsi xi Kolossin kellhom bżonn jagħmlu progress f’dan ir-rigward. Aħna wkoll?
8, 9. (a) Epafra f’liema sens talab għall-Kolossin biex ‘jieqfu’ sħaħ? (b) ‘Li jieqfu sħaħ’ x’kien ifisser għall-futur?
8 Epafra talab li l-Kolossin ‘jieqfu sħaħ.’ Jidher ċar li Epafra kien qed jitlob ’l Alla biex skond kemm il-Kolossin ikunu sħaħ, maturi, u kibru għalkollox bħala Kristjani, huma ‘jieqfu,’ jew inkella jibqgħu hekk.
9 Mhux bilfors li kulmin isir Kristjan, anki jekk ikun wieħed matur, se jibqaʼ Kristjan. Ġesù qal li wieħed mill-ulied anġeliċi t’Alla “qatt ma żamm mal-verità.” (Ġwann 8:44) U Pawlu fakkar lill-Korintin dwar xi wħud fil-passat li għamlu xi żmien jaqdu lil Jehovah imma mbagħad ma baqgħux. Hu wissa lill-aħwa midlukin bl-ispirtu: “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:12) Dan ikompli jagħti qawwa lit-talba biex il-Kolossin ‘fl-aħħarnett jieqfu sħaħ.’ Ladarba huma jsiru sħaħ, jew jikbru għalkollox, iridu jkomplu, ma jaqtgħux qalbhom, jgħejjew, jew imajnaw. (Lhud 2:1; 3:12, 6:6; 10:39; 12:25) B’hekk, huma jkunu “sħaħ” fil-jum meta jiġu spezzjonati u approvati għall-aħħar darba.—2 Korintin 5:10; 1 Pietru 2:12.
10, 11. (a) Epafra liema mudell tana rigward it-talb? (b) Fi qbil maʼ dak li għamel Epafra, x’riżoluzzjoni tixtieq tagħmel?
10 Diġà ddiskutejna kemm hu importanti li titlob għal oħrajn b’isimhom, li tkun speċifiku meta titlob lil Jehovah biex jgħinhom, ifarraġhom, iberikhom, u jagħtihom l-ispirtu qaddis. It-talb t’Epafra għall-Kolossin kien taʼ dan it-tip. F’dan il-kliem nistgħu, u fil-fatt hekk għandna nagħmlu, insibu suġġerimenti siewja dwar dak li nistgħu nitolbu lil Jehovah għalina nfusna. Mingħajr dubju, għandna nitolbuh jgħinna biex individwalment nibqgħu ‘weqfin sħaħ’ sa l-aħħar. Tagħmel hekk int?
11 Għala ma ssemmix is-sitwazzjoni tiegħek fit-talb? Għid lil Alla kemm tkun għamilt progress biex issir ‘sħiħ,’ matur, wieħed li kiber għalkollox. Itolbu bil-ħniena biex jgħinek tagħraf fejn għad għandek bżonn tikber spiritwalment. (Salm 17:3; 139:23, 24) Żgur li għandek fejn taħdem. Allura, flok tħossok skuraġġit minħabba f’hekk, itlob minn qalbek u b’mod ċar lil Alla biex jgħinek tagħmel progress. Agħmel dan iktar minn darba. Fil-fatt, għala ma tagħmilx riżoluzzjoni li fil-ġimgħa li ġejja titlob għal xi ħin sabiex ‘fl-aħħarnett tieqaf sħiħ’? U hekk kif tikkunsidra l-iskrittura għas-sena ppjana biex tagħmel dan iktar minn darba. Meta tkun qed titlob, iffoka fuq it-tendenzi li jistgħu jġagħluk taqtaʼ qalbek, tegħja, jew titbiegħed milli taqdi ’l Alla u kif tistaʼ tevita li tagħmel dan.—Efesin 6:11, 13, 14, 18.
Itlob għal Konvinzjoni Soda
12. Il-Kolossin għala kellhom bżonn b’mod speċjali li jkollhom “konvinzjoni soda”?
12 Epafra talab ukoll għal xi ħaġa oħra li kienet vitali jekk il-Kolossin riedu li fl-aħħarnett jinstabu weqfin u aċċettati minn Alla. U din għandha l-istess importanza għalina. X’kienet? Hu talab biex huma jieqfu “b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” Huma kienu mdawrin bl-ereżija u b’filosofiji qerrieda, li xi ftit minnhom ħadu d-dehra qarrieqa taʼ qima vera. Per eżempju, huma kienu taħt pressjoni biex josservaw ġranet speċjali billi jsumu jew jiffesteġġaw, bħalma kien meħtieġ darba mill-qima Lhudija. Xi għalliema foloz iffokaw fuq l-anġli, dawk l-ispirti qawwija li ntużaw biex iwasslu l-Liġi lil Mosè. Immaġina kif stajt tħossok taħt pressjoni bħal din, b’għadd taʼ ideat differenti li jmorru kontra xulxin!—Galatin 3:19; Kolossin 2:8, 16-18.
13. Il-fatt li jirrikonoxxu liema fattur setaʼ jgħin lill-Kolossin, u dan kif jistaʼ jgħin lilna?
13 Pawlu rribatta billi enfasizza l-irwol taʼ Ġesù Kristu. “Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu; niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu.” Iva, bħall-Kolossin, għandna bżonn li jkollna konvinzjoni sħiħa dwar l-irwol taʼ Kristu fl-iskop t’Alla u f’ħajjitna. Pawlu spjega: “Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem; u intom, magħqudin kif intom miegħu, għandkom sehem mill-milja tiegħu, hu li hu r-ras tal-Prinċipati u tas-Setgħat kollha.”—Kolossin 2:6-10.
14. It-tama għala kienet xi ħaġa reali għal dawk f’Kolossi?
14 Il-Kolossin kienu Kristjani midlukin bl-ispirtu. Huma kellhom it-tama ċara taʼ ħajja fis-sema, u kellhom kull raġun biex iżommu din it-tama ħajja. (Kolossin 1:5) Kienet ‘ir-rieda t’Alla’ li huma jkollhom konvinzjoni soda dwar iċ-ċertezza tat-tama tagħhom. Kellu għalfejn xi ħadd minnhom ikollu dubju dwarha? Lanqas xejn! Għandu għalfejn ikun differenti llum għal dawk kollha li għandhom il-prospett mingħand Alla li jgħixu f’ġenna taʼ l-art? Le, tabilħaqq! Jidher ċar li din it-tama valida hija parti mir-‘rieda t’Alla.’ Issa kkunsidra dawn il-mistoqsijiet: Jekk qed tħabrek biex tkun wieħed mill-“kotra kbira” li se tgħaddi mit-tribulazzjoni l-kbira u tibqaʼ ħaj, kemm hi reali t-tama tiegħek? (Apokalissi 7:9, 14) Hija parti mill-‘konvinzjoni soda tiegħek fir-rieda kollha t’Alla’?
15. Pawlu ta liema serje taʼ punti li inkludiet it-tama?
15 Meta ngħidu “tama” ma rridux infissru sempliċi xewqa vojta jew ħolma. Dan nistgħu narawh mis-serje taʼ punti li Pawlu kien ta lir-Rumani. F’din is-serje, kull ħaġa li tissemma twassal għal dik taʼ warajha jew hija marbuta magħha. Innota fejn ipoġġiha Pawlu t-“tama” fir-raġunar tiegħu: “Niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar . . . [‘iġib kundizzjoni approvata; il-kundizzjoni approvata ġġib,’ NW] t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba taʼ Alla ssawwbet fi qlubna permezz taʼ l-Ispirtu s-Santu.”—Rumani 5:3-5.
16. X’tama ksibt, hekk kif tgħallimt il-verità Biblika?
16 Għandu mnejn li meta x-Xhieda taʼ Jehovah tawk għall-ewwel darba l-messaġġ tas-Saltna, kien hemm xi verità partikulari li laqtitek, bħalma hi l-kundizzjoni tal-mejtin jew l-irxoxt. Għal ħafna, l-iktar ħaġa ġdida u importanti li għarfu kienet il-possibbiltà bbażata fuq il-Bibbja taʼ ħajja f’ġenna taʼ l-art. Ftakar meta smajt għall-ewwel darba dwar dan it-tagħlim. X’tama meraviljuża—il-mard u x-xjuħija se jispiċċaw, int tistaʼ tibqaʼ tgħix biex tgawdi l-frott tal-ħidma tiegħek, u se jkun hemm il-paċi maʼ l-annimali! (Koħèlet 9:5, 10; Isaija 65:17-25; Ġwann 5:28, 29; Apokalissi 21:3, 4) Int ksibt tama mill-isbaħ!
17, 18. (a) Is-serje li Pawlu ta lir-Rumani kif wasslet għat-tama? (b) Rumani 5:4, 5 għal liema tip taʼ tama qed jirreferi, u għandek int tama bħal din?
17 Maż-żmien, x’aktarx li kellek tħabbat wiċċek maʼ xi oppożizzjoni jew persekuzzjoni. (Mattew 10:34-39; 24:9) Saħansitra f’dawn l-aħħar snin, ix-Xhieda f’diversi pajjiżi spiċċaw biex kellhom id-djar tagħhom misruqin jew ġew imġagħlin isiru refuġjati. Xi wħud ġew attakkati fiżikament, kellhom il-letteratura bbażata fuq il-Bibbja konfiskata, jew sfaw vittmi taʼ rapporti giddibin fuq il-mezzi tax-xandir. Kienet x’kienet it-tip taʼ persekuzzjoni li forsi kellek iġġarrab, int stajt tifraħ bis-sofferenza bħalma jgħid Rumani 5:3, u din ġabitlek riżultat mill-aqwa. Saħansitra bħalma kiteb Pawlu, is-sofferenza pproduċiet fik is-sabar. Imbagħad is-sabar wassal għal kundizzjoni approvata. Int kont taf li qed tagħmel dak li hu tajjeb, li qed tagħmel ir-rieda t’Alla, u għalhekk kont ċert li kellek l-approvazzjoni tiegħu. Fi kliem Pawlu, int ħassejt li kont qiegħed f’“kundizzjoni approvata.” Pawlu kompla jikteb li din mill-banda l-oħra ġġib it-tama. Din il-ħaġa forsi tinstemaʼ kemxejn stramba. Pawlu għala dam daqshekk ma semmieha t-“tama” f’din is-serje? M’hijiex it-tama xi ħaġa li kellek diġà, meta smajt għall-ewwel darba bl-aħbar tajba?
18 Jidher ċar li Pawlu hawnhekk mhux qed jirreferi għat-tama taʼ ħajja perfetta li kellna fil-bidu. Dak li qed jirreferi għalih hawnhekk huwa xi ħaġa iktar; iktar profonda, li tqanqlek iżjed. Il-fatt li aħna nissaportu lealment, u b’hekk nirrealizzaw li għandna l-approvazzjoni t’Alla, iħalli effett profond fuq it-tama li kellna fil-bidu billi jkabbarha u jsaħħaħha. Din it-tama li kellna issa ssir ferm iktar reali, iktar solida, u iktar persunali. Din it-tama profonda tiddi ferm iktar. Tiddominalna ħajjitna u l-personalità tagħna. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba taʼ Alla ssawwbet fi qlubna permezz taʼ l-Ispirtu s-Santu.”
19. It-tama tiegħek kif għandha tkun parti mit-talb regulari tiegħek?
19 Epafra talab bil-ħeġġa biex ħutu f’Kolossi jibqgħu mqanqlin u konvinti b’dak li kien hemm jistenniehom, billi jkollhom “konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” Ejja lkoll kemm aħna nitkellmu b’dan il-mod u regolarment m’Alla dwar it-tama tagħna. Fit-talb privat tiegħek, inkludi t-tama li għandek rigward id-dinja l-ġdida. Esprimi maʼ Jehovah kemm tixxennaq għaliha, b’konvinzjoni sħiħa li ġejja. Itolbu minn qalbek biex jgħinek tkabbar u ssaħħaħ il-konvinzjoni tiegħek. Agħmel bħal Epafra li talab biex il-Kolossin ikollhom “konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” Agħmel dan taʼ spiss.
20. Jekk ikun hemm xi ftit li jitbegħdu mit-triq Kristjana, għala m’għandniex għalfejn inħossuna skuraġġiti?
20 M’għandekx tkun aljenat jew skuraġġit bil-fatt li mhux kulħadd jieqaf sħiħ u għandu konvinzjoni soda. Xi wħud jistaʼ ma jirnexxilhomx jagħmlu dan, jew sempliċement jaqtgħu qalbhom u jċedu. Dan ġara fost dawk li kienu l-iktar qrib taʼ Ġesù, l-appostli tiegħu. Iżda meta Ġuda sar traditur, l-appostli l-oħra battew jew ħallew kollox warajhom? Dażgur li le! Pietru applika Salm 109:8 biex juri li xi ħaddieħor kellu jieħu post Ġuda. Intgħażel ieħor, u dawk li baqgħu leali lejn Alla komplew b’mod attiv fl-inkarigu tagħhom taʼ l-ippridkar. (Atti 1:15-26) Huma kienu determinati li jieqfu sħaħ b’konvinzjoni soda.
21, 22. Il-fatt li tieqaf sħiħ u b’konvinzjoni soda f’liema sens se jiġi nnotat?
21 Tistaʼ tibqaʼ ċert mija fil-mija li jekk tieqaf sħiħ u jkollok konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla, dan mhux se jiġi injorat. Se jiġi nnotat u apprezzat. Minn min?
22 Żgur li ħutek li jafuk u jħobbuk se jindunaw. Anki jekk ħafna ma jurux dan bil-kliem, l-effett ikun simili għal dak li naqraw fl-1 Tessalonikin 1:2-6: “Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna. . . . Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’[konvinzjoni] sħiħa . . . Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej.” Il-Kristjani leali taʼ madwarek se jħossu l-istess hekk kif jinnotaw li int qed ‘tieqaf sħiħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’—Kolossin 1:23.
23. Matul din is-sena, x’għandha tkun id-determinazzjoni tiegħek?
23 Mingħajr ebda dubju Missierek tas-sema se jinnota u se jieħu pjaċir. Jistaʼ jkollok fiduċja f’dan. Għala? Għaliex int wieqaf sħiħ u b’konvinzjoni soda “fir-rieda kollha t’Alla.” Pawlu kiteb biex jinkuraġġixxi lill-Kolossin talli kienu qed ‘jimxu sewwa kif jixraq lill-Mulej u jogħġbuh f’kollox.’ (Kolossin 1:10) Iva, huwa possibbli li bnedmin imperfetti jogħġbu lil Alla f’kollox. Hekk għamlu ħutek f’Kolossi. Il-Kristjani li hawn madwarek bħalissa qed jagħmlu l-istess. Int ukoll tistaʼ tagħmel dan! Għaldaqstant, matul din is-sena li ġejja, ħalli t-talb taʼ kuljum tiegħek kif ukoll l-azzjonijiet regulari tiegħek juru li int determinat biex ‘fl-aħħarnett tieqaf sħiħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’
Tistaʼ Tiftakar?
• X’inhu involut f’li ‘tieqaf sħiħ’?
• Liema affarijiet dwarek innifsek għandek tinkludi fit-talb tiegħek?
• Bħalma jissuġġerixxi Rumani 5:4, 5, liema tip taʼ tama jrid ikollok?
• L-istudju tagħna liema mira qanqlek biex tagħmel matul din is-sena?
[Stampa f’paġna 20]
Epafra talab biex ħutu jieqfu sħaħ, b’konvinzjoni soda dwar Kristu u t-tama tagħhom
[Stampi f’paġna 23]
Hemm miljuni li għandhom tama ċerta u konvinzjoni soda bħal tiegħek