Ieqfu Sħaħ U b’Konvinzjoni Soda
Għajnuna liż-Żgħażagħ Permezz taʼ Istruzzjoni f’Waqtha
EPAFRA kien Kristjan taʼ l-ewwel seklu li telaq lejn Ruma. Madankollu, kellu raġuni tajba biex jibqaʼ jiftakar f’Kolossi, belt fl-Asja Minuri. Hemmhekk kien ippriedka l-aħbar tajba u bla dubju kien għen lil xi Kolossin isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Kolossin 1:7) Epafra kien interessat ħafna fi sħabu fit-twemmin f’Kolossi. Fil-fatt minn Ruma l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Epafra . . . jibagħtilkom it-tislijiet tiegħu, dejjem jistinka għan-nom tagħkom fit-talb tiegħu, biex intom tistgħu fl-aħħarnett tieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.”—Kolossin 4:12, NW.
Bl-istess mod, il-missirijiet u l-ommijiet Kristjani taʼ llum jitolbu bi ħrara kbira biex it-tfal tagħhom ikunu b’saħħithom spiritwalment. Dawn il-ġenituri jistinkaw biex jiżirgħu f’qalb iċ-ċkejknin tagħhom imħabba għal Alla sabiex b’hekk isiru sodi fil-fidi.
Ħafna żgħażagħ Kristjani talbu għall-għajnuna biex jegħlbu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-iskola u postijiet oħrajn. Tfajla taʼ 15-il sena qalet: “Il-problemi tagħna sejrin mill-ħażin għall-agħar. Il-ħajja hija verament tal-biżaʼ. Għandna bżonn min jgħinna!” Intlaqaʼ t-talb taʼ dawn iż-żgħażagħ u taʼ dawn il-ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla? Iva! Istruzzjoni bbażata fuq il-Bibbja ġiet provduta permezz taʼ “l-ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW) Dan l-artiklu jsemmi xi letteratura li għenet lil mijiet t’eluf taʼ żgħażagħ biex ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda.’ Ejja nikkunsidraw xi ftit minn dawn il-pubblikazzjonijiet.
“Ara . . . 15,000 Xhud Ġdid!”
F’Awissu taʼ l-1941, madwar 115,000 inġabru f’St. Louis, il-Missouri, l-Istati Uniti taʼ l-Amerika, għall-akbar konvenzjoni li qatt kellhom ix-Xhieda taʼ Jehovah sa dak iż-żmien. Fl-aħħar ġurnata tal-konvenzjoni—“Il-Ġurnata tat-Tfal”—xi 15,000 tifel u tifla li kienu bil-qiegħda viċin il-platform semgħu b’attenzjoni kbira hekk kif Joseph F. Rutherford tkellem dwar is-suġġett “Tfal tas-Sultan.” Lejn it-tmiem tat-taħdita tiegħu, Rutherford, li kellu 71 sena, qal hekk b’ton taʼ missier:
“Intom it-tfal kollha . . . li aċċettajtu . . . li tobdu lil Alla u lis-Sultan tiegħu, jekk jogħġobkom qumu bil-wieqfa.” It-tfal qamu kollha f’daqqa. “Ara,” esklama Ħuna Rutherford, “iktar minn 15,000 xhud ġdid tas-Saltna!” Kulħadd infexx f’ċapċipa kbira. Il-kelliemi kompla: “Intom kollha li se tagħmlu dak kollu li tistgħu biex tgħidu lil oħrajn dwar is-saltna t’Alla . . . , jekk jogħġobkom għidu Iva.” It-tfal wieġbu b’għajta qawwija, “Iva!” Imbagħad hu wera l-ktieb il-ġdid Children (Tfal), li ntlaqaʼ b’ċapċipa twila.
Wara din it-taħdita li tqanqal, sarbut twil taʼ tfal u żgħażagħ telgħu fuq il-platform fejn Ħuna Rutherford tahom kopja tal-ktieb il-ġdid bħala rigal. L-udjenza tant tqanqlet b’din ix-xena li qabżilha d-dmugħ minn għajnejha. Wieħed li kien preżenti qal: “Ried ikollok qalb tal-ġebel biex ma titqanqalx meta tara ż-żgħażagħ [juru] fiduċja u fidi sħiħa f’Alla tagħhom, Jehovah.”
F’dik l-assemblea memorabbli tgħammdu 1,300 żagħżugħ u żagħżugħa b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. Ħafna minnhom baqgħu sodi fil-verità sa llum. Huma jgħinu fil-kongregazzjonijiet lokali, jaqdu bħala volontieri f’Betel, jew inkella bħala missjunarji f’pajjiżi barranin. Tabilħaqq, “Il-Ġurnata tat-Tfal” u l-ktieb Children ħallew effett dejjiemi fil-qlub taʼ ħafna minn dawk iż-żgħażagħ!
“Donnhom Jiġu Eżatt Meta Jkollok Bżonnhom”
Matul is-snin 70 tas-seklu għoxrin, ix-Xhieda taʼ Jehovah ppubblikaw tliet kotba oħra li laqtu l-qlub taʼ mijiet t’eluf taʼ żgħażagħ. Dawn kienu Listening to the Great Teacher (Nisimgħu mill-Għalliem il-Kbir), Your Youth—Getting the Best out of It (Iż-Żgħożija—Kif Tgawdiha bl-Aħjar Mod), u Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. Fl-1982, fir-rivista Stenbaħ! bdiet tidher is-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” Dawn l-artikli qajmu entużjażmu kbir fil-qlub kemm taż-żgħar kif ukoll tal-kbar. “Kull fil-għaxija nirringrazzja lil Alla talli qed jiġu pubblikati,” qal żagħżugħ taʼ 14-il sena. “Inħobbhom dawn l-artikli,” tgħid żagħżugħa taʼ 13-il sena, “donnhom jiġu eżatt meta jkollok bżonnhom.” Il-ġenituri u l-anzjani Kristjani maħturin jaqblu li dawn l-artikli kienu f’waqthom u taʼ benefiċċju.
Sa l-1989 kienu dehru xi 200 artiklu mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” fi Stenbaħ! Fil-Konvenzjoni Distrettwali “Devozzjoni Lejn Alla” li saret dik is-sena, ħareġ il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom. Għenhom dan il-ktieb liż-żgħażagħ biex jibqgħu sodi fil-fidi? Tliet żgħażagħ kitbu: “Dan il-ktieb kien taʼ siwi kbir għalina biex nifhmu l-problemi tagħna u nkunu nafu kif nittrattawhom. Grazzi taʼ l-interess tagħkom fis-saħħa spiritwali tagħna.” Għadd taʼ qarrejja żgħażagħ madwar id-dinja kollha jaqblu maʼ dan.
“Jimliena b’Mod Spiritwali”
Fl-1999, ix-Xhieda taʼ Jehovah ħarġu b’għamla oħra taʼ istruzzjoni f’waqtha għaż-żgħażagħ, il-vidjo Young People Ask—How Can I Make Real Friends? (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Kif Jistaʼ Jkolli Ħbieb Veri?) Dan qanqal reazzjoni entużjastika. “Dan il-vidjo mill-ewwel laqatni profondament,” qalet żagħżugħa taʼ 14-il sena. “Il-vidjo se jkun parti regulari mill-ikel spiritwali tagħna,” stqarret waħda omm mingħajr raġel. “Kemm hu taʼ ferħ li tkun taf li l-akbar Ħabib tagħna, Jehovah, iħobbhom u jieħu ħsiebhom verament liż-żgħażagħ fl-organizzazzjoni tiegħu madwar id-dinja,” qalet waħda żagħżugħa miżżewġa.
X’wettaq il-vidjo? Iż-żgħażagħ jgħidu: “Għenni noqgħod attent maʼ min nagħmilha, nassoċja iktar mal-kongregazzjoni, u nagħmel lil Jehovah l-ħabib tiegħi.” “Il-vidjo għenni niffaċċja bi qlubija lil dawk taʼ mpari.” “Ġagħalni nsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħi li naqdi lil Jehovah mill-aħjar li nistaʼ.” U koppja miżżewġa kitbet: “Grazzi minn qalbna talli tipprovdulna ‘ikel’ bħal dan. Jimliena b’mod spiritwali.”
“L-ilsir leali u diskret” midluk, b’lealtà lejn l-inkarigu tiegħu mogħti minn Alla, ipprovda ikel spiritwali f’waqtu għal kulmin jaċċettah. U x’ferħ meta tara kif din l-istruzzjoni Skritturali qed tgħin liż-żgħażagħ illum biex ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla’!