Għin lil Oħrajn Jgħixu Sewwa Kif Jixraq lil Jehovah
“Aħna . . . ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li . . . tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u togħġbuh f’kollox bil-frott taʼ kull opra tajba.”—KOLOSSIN 1:9, 10.
1, 2. X’jistaʼ b’mod partikulari jġibilna ferħ u sodisfazzjon?
“Aħna ngħixu ġo karavan f’razzett. Billi nżommu ħajjitna sempliċi, għandna iktar ħin biex nilħqu n-nies bl-aħbar tajba. Taʼ dan ġejna mberkin ħafna, billi kellna l-privileġġ li ngħinu lil ħafna nies jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah.”—Koppja miżżewġa, ministri full-time fl-Afrika t’Isfel.
2 Ma taqbilx li meta tgħin lil oħrajn tkun ferħan? Xi wħud jipprovaw regolarment jgħinu lill-morda, lil dawk fil-bżonn, jew lil oħrajn li jħossuhom waħedhom. Dan iġibilhom sodisfazzjon. Il-veri Kristjani huma ċerti li l-akbar għajnuna li jistgħu jagħtu lil oħrajn hija li jaqsmu magħhom l-għarfien dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Dan biss jistaʼ jwassal lil oħrajn biex jaċċettaw il-fidwa taʼ Ġesù, jiżviluppaw relazzjoni tajba m’Alla, u mbagħad jikkwalifikaw għal ħajja eterna.—Atti 3:19-21; 13:48.
3. Liema tip t’għajnuna jixirqilha l-attenzjoni tagħna?
3 Madankollu, xi ngħidu dwar li ngħinu lil uħud li diġà qed jaqdu lil Alla u huma mexjin fit-“Triq”? (Atti 19:9) Bla dubju, int dejjem għandek interess kbir fihom, imma forsi ma tafx x’tistaʼ tagħmel iktar jew kif tistaʼ tagħtihom għajnuna kontinwa. Jew għandu mnejn li s-sitwazzjoni tiegħek ma tħallikx tgħinhom kemm tixtieq, u b’hekk is-sodisfazzjon li tistaʼ tikseb huwa wieħed limitat. (Atti 20:35) Dwar dawn iż-żewġ aspetti nistgħu nitgħallmu ħafna mill-ktieb tal-Kolossin.
4. (a) Pawlu taħt liema ċirkustanzi kiteb lill-Kolossin? (b) Epafra kif kien involut?
4 Meta l-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Kolossi, hu kien qiegħed Ruma arrestat f’daru. Madankollu, xorta waħda setgħu jmorru jżuruh. Bħalma tistaʼ timmaġina, Pawlu uża l-ftit libertà li kellu biex jippriedka dwar is-Saltna t’Alla. (Atti 28:16-31) Sħabu l-Kristjani setgħu jmorru jarawh. Saħansitra xi drabi, xi wħud minnhom setgħu nżammu arrestati wkoll miegħu. (Kolossin 1:7, 8; 4:10) Wieħed minn dawn kien Epafra, evanġelizzatur żeluż mill-belt taʼ Kolossi. Din il-belt kienet tinsab fil-parti wâtja u għolja tal-Friġja, fil-lvant taʼ Efesu fl-Asja Minuri (illum it-Turkija). Epafra kien utli ferm biex titwaqqaf il-kongregazzjoni f’Kolossi, u kien jaħdem iebes għall-kongregazzjonijiet taʼ Laodiċija u Ġerapoli li kienu fil-viċin. (Kolossin 4:12, 13) Epafra għala qagħad jivvjaġġa biex jara lil Pawlu f’Ruma, u x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif wieġeb Pawlu?
Għajnuna Effettiva lill-Kolossin
5. Pawlu għala kiteb dak li kiteb lill-Kolossin?
5 Epafra għamel il-vjaġġ diffiċli lejn Ruma sabiex ikun jistaʼ jiddiskuti maʼ Pawlu dwar is-sitwazzjoni li kien hemm fil-kongregazzjoni taʼ Kolossi. Hu tkellem miegħu dwar il-fidi u l-imħabba taʼ dawn il-Kristjani, kif ukoll dwar l-isforzi li kienu qed jagħmlu fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar. (Kolossin 1:4-8) Madankollu, x’aktarx li qallu wkoll bit-tħassib tiegħu dwar l-influwenzi negattivi li kienu qed jheddu l-ispiritwalità tal-Kolossin. Pawlu wieġeb b’ittra ispirata li rribattiet xi ftit mill-ideat li kienu qed ixerrdu l-għalliema foloz. B’mod partikulari, hu ġibed l-attenzjoni lejn l-irwol ċentrali li għandu jkollu Ġesù Kristu.a Iżda Pawlu għenhom biss billi enfasizza l-veritajiet prinċipali tal-Bibbja? Kif setaʼ jgħinhom iktar lill-Kolossin, u x’lezzjonijiet nistgħu nisiltu aħna dwar kif ngħinu lil oħrajn?
6. Pawlu x’enfasizza fl-ittra tiegħu lill-Kolossin?
6 Fil-bidu taʼ l-ittra tiegħu Pawlu jfehemna dwar ċertu tip t’għajnuna li għandna mnejn ninjorawh. Dan kien mod kif wieħed setaʼ jagħti għajnuna effettiva mill-bogħod, ladarba Pawlu u Epafra kienu ’l bogħod mhux ħażin minn Kolossi. Pawlu ddikjara: “Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier taʼ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbu [“dejjem,” Karm Żammit] għalikom.” Iva, dan kien talb speċifiku għall-Kristjani f’Kolossi. Pawlu żied: “Għalhekk aħna wkoll, mindu smajna bikom, ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-rieda taʼ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali.”—Kolossin 1:3, 9.
7, 8. Taʼ spiss, liema suġġett ikollu t-talb persunali tagħna u dak tal-kongregazzjoni?
7 Aħna nafu li Jehovah hu Semmiegħ it-talb, u għalhekk nistgħu nibqgħu ċerti li hu dejjem ikun lest li jismaʼ t-talb tagħna dment li dan ikun fi qbil mar-rieda tiegħu. (Salm 65:3 [65:2, NW]; 86:6; Proverbji 15:8, 29; 1 Ġwann 5:14) Iżda, xi ngħidu għat-talb tagħna meta nitolbu għal oħrajn?
8 Forsi taʼ sikwit naħsbu u nitolbu dwar ħutna kollha madwar id-dinja. (1 Pietru 5:9) Inkella għandna mnejn nitolbu lil Jehovah dwar xi Kristjani u oħrajn li jkunu joqogħdu f’xi reġjun li jkun intlaqat minn xi diżastru jew traġedja. Meta d-dixxipli taʼ l-ewwel seklu, li kienu joqogħdu xi mkien ieħor, semgħu bil-ġuħ li kien waqaʼ fil-Lhudija, huma żgur li talbu fuq li talbu għal ħuthom f’dik iż-żona saħansitra qabel ma bagħtu l-għajnuna. (Atti 11:27-30) Illum, it-talb għall-aħwa kollha jew għal xi grupp kbir minn ħutna huwa komuni fil-laqgħat Kristjani. Dan irid ikun talb li jinftiehem biex imbagħad dawk li jisimgħuh ikunu jistgħu jgħidu “Amen.”—1 Korintin 14:16.
Kun Speċifiku fit-Talb
9, 10. (a) Liema eżempji juru li huwa xieraq li nitolbu għal individwi partikulari? (b) Pawlu kif kien is-suġġett taʼ talb speċifiku?
9 Madankollu, fil-Bibbja nsibu diversi każi fejn uħud talbu għal oħrajn b’mod iktar speċifiku u individwali. Aħseb ftit dwar dak li qal Ġesù f’Luqa 22:31, 32. Hemmhekk, Ġesù kien imdawwar bi 11-il appostlu. Ilkoll kemm huma kienu leali u kellhom bżonn l-appoġġ t’Alla biex jiffaċċjaw iż-żminijiet diffiċli li kellhom quddiemhom. Għalhekk, Ġesù talab għalihom. (Ġwann 17:9-14) Xorta waħda, mill-appostli kollha Ġesù għażel lil Pietru u offra talba minn qalbu speċifikament għal dan id-dixxiplu. Eżempji oħrajn: Eliżew talab lil Alla biex jgħin lil wieħed raġel partikulari, il-qaddej tiegħu. (2 Slaten 6:15-17) L-appostlu Ġwanni talab biex Gaju jkompli jkun tajjeb fiżikament u spiritwalment. (3 Ġwann 1, 2) U nsibu talb ieħor li ffoka fuq gruppi speċifiċi.—Ġob 42:7, 8; Luqa 6:28; Atti 7:60; 1 Timotju 2:1, 2.
10 L-ittri taʼ Pawlu jenfasizzaw l-importanza taʼ li t-talb ikun mill-iktar speċifiku. Hu staqsa biex jitolbu għalih persunali, jew għalih u għal dawk li kienu miegħu. F’Kolossin 4:2, 3 naqraw: “Żommu sħiħ fit-talb, ishru fih b’radd taʼ ħajr lil Alla. Itolbu wkoll għalina, biex Alla jiftħilna l-bieb għall-kelma u nxandru l-misteru taʼ Kristu, li minħabba fih jien marbut bil-ktajjen.” Ikkunsidra wkoll dawn l-eżempji: Rumani 15:30; l-1 Tessalonikin 5:25; it-2 Tessalonikin 3:1; Lhud 13:18.
11. Meta Epafra kien Ruma, għal min kien qed jitlob?
11 L-istess kien japplika għal sieħeb Pawlu f’Ruma. “Isellmilkom Epafra, wieħed minnkom, . . . dejjem iħabrek għalikom fit-talb.” (Kolossin 4:12) Il-kelma tradotta “jħabrek” tistaʼ tissuġġerixxi li wieħed jissielet, bħal ġinnasta fil-logħob tal-qedem. It-talb mimli ħeġġa t’Epafra kien sempliċement għall-aħwa kollha madwar id-dinja? Jew kien qed jitlob biss għall-adoraturi veri fl-Asja Minuri? Pawlu indika li Epafra kien qed jitlob speċifikament għal dawk f’Kolossi. Epafra kien jaf x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom. Aħna ma nafuhomx kollha b’isimhom, u lanqas ma nafu liema problemi kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom, imma nistgħu nimmaġinaw x’setgħu kienu xi wħud minnhom. Forsi ż-żagħżugħ Linu kien qed jitqabad maʼ l-influwenzi tal-filosofiji li kienu fl-aqwa tagħhom dak iż-żmien. Rufu setaʼ kellu bżonn min iqawwieh biex ma jerġax jaqaʼ għall-prattiċi li kellu qabel fil-Ġudaiżmu. Persi, li r-raġel tagħha ma kienx taʼ l-istess twemmin, ma kellhiex bżonn tas-sabar u l-għerf biex trabbi lit-tfal tagħha fil-Mulej? U xi ngħidu għal Asinkretu? Ma kienx dan jeħtieġ iktar faraġ mis-soltu minħabba l-marda fatali tiegħu? Iva, Epafra kien jafhom lil dawk tal-kongregazzjoni tiegħu, u talab għalihom minn qalbu għaliex kemm hu kif ukoll Pawlu riedu li dawn l-uħud devoti jgħixu sewwa kif jixraq lil Jehovah.
12. Kif nistgħu nkunu iktar speċifiċi fit-talb privat tagħna?
12 Tistaʼ tifhem kif aħna bl-istess mod nistgħu ngħinu lil oħrajn? Bħalma rajna diġà, it-talb pubbliku fil-laqgħat Kristjani m’huwiex dejjem speċifiku minħabba li l-udjenza tistaʼ tkun waħda mħallta. Imma fit-talb persunali tagħna jew mal-familja nistgħu nkunu speċifiċi għalkollox. Meta xi drabi nkunu qed nitolbu lil Alla biex jiggwida u jbierek lill-indokraturi kollha li jivvjaġġaw jew lir-rgħajja spiritwali, ma nistgħux kultant inkunu iktar preċiżi? Per eżempju, meta titlob, għala ma ssemmihx b’ismu lill-indokratur tas-circuit li qed iżur il-kongregazzjoni tiegħek jew lill-ħu li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni tiegħek? Kemm Filippin 2:25-28 kif ukoll l-1 Timotju 5:23 juru li Pawlu kellu interess persunali fis-saħħa taʼ Timotju u Epafroditu. Nistgħu aħna bl-istess mod nuru interess simili f’uħud morda li nafuhom b’isimhom?
13. Liema tip taʼ sitwazzjonijiet huwa xieraq li ninkludu fit-talb persunali tagħna?
13 Huwa minnu li rridu nevitaw li ndeffsu mneħirna fil-kwistjonijiet privati taʼ ħaddieħor, imma huwa xieraq li t-talb tagħna juri interess sinċier f’dawk li nafu u nħobbu. (1 Timotju 5:13; 1 Pietru 4:15) Jistaʼ jkun li xi ħu tilef l-impjieg, u ma jkunx possibbli għalina li nsibulu ieħor. Madankollu, fit-talb persunali tagħna nistgħu nsemmuh b’ismu u nsemmu wkoll id-diffikultà tiegħu. (Salm 37:25; Proverbji 10:3) Konxji aħna jekk xi oħt kibret fl-età u baqgħet mingħajr raġel u tfal għaliex hija determinata li tiżżewweġ “basta fil-Mulej”? (1 Korintin 7:39) Fit-talb persunali tiegħek, għala ma tistaqsix lil Jehovah biex iberikha u jgħinha tkompli tkun leali fis-servizz tagħha? Jew inkella, jistaʼ jkun hemm żewġ anzjani li jkunu taw parir lil xi ħu li żbalja. Ma jkunx xieraq li t-tnejn li huma jsemmuh b’ismu fit-talb privat tagħhom minn żmien għal żmien?
14. Li titlob b’mod speċifiku kif għandu x’jaqsam maʼ li tgħin lil oħrajn?
14 Għandek ħafna opportunitajiet biex tinkludi fit-talb persunali tiegħek individwi li tafhom u li jeħtieġu mingħand Jehovah l-appoġġ, il-faraġ, l-għerf, u l-ispirtu qaddis jew xi waħda mill-frottiet tiegħu. Forsi d-distanza jew xi ċirkustanzi oħrajn jistgħu jagħmluk tħossok li ma tistax tagħti għajnuna materjali jew diretta daqskemm tkun trid. Imma tinsiex titlob għal ħutek. Int taf li huma jixtiequ jgħixu sewwa kif jixraq lil Jehovah, iżda forsi biex jagħmlu dan b’mod dejjiemi huma verament jeħtieġu l-għajnuna. It-talb tiegħek huwa t’għajnuna kbira ferm.—Salm 18:3 [18:2, NW]; 20:2, 3 [20:1, 2, NW]; 34:16 [34:15, NW]; 46:2 [46:1, NW]; 121:1-3.
Aħdem biex Issaħħaħ lil Oħrajn
15. Għalfejn għandna nkunu interessati f’din l-aħħar parti tal-ktieb tal-Kolossin?
15 M’għandniex xi ngħidu, li nitolbu b’ħeġġa kbira u b’mod speċifiku għal oħrajn m’hijiex l-unika għajnuna li nistgħu nagħtuhom, speċjalment lil dawk li huma qrib tagħna u għeżież għalina. Dan il-punt jintgħamel ċar fil-ktieb tal-Kolossin. Ħafna studjużi jsostnu li wara li Pawlu ta gwida duttrinali u pariri prattiċi, hu kemm kompla żied xi tislijiet persunali. (Kolossin 4:7-18) Għall-kuntrarju, aħna diġà rajna li din l-aħħar parti tal-ktieb fiha pariri taʼ min jagħti kashom sew, u nistgħu nitgħallmu ħafna iktar minnha.
16, 17. X’nistgħu ngħidu dwar l-aħwa msemmijin f’Kolossin 4:10, 11?
16 Pawlu kiteb: “Isellmilkom Aristarku, fil-ħabs miegħi, u Marku, il-kuġin taʼ Barnaba – ġa għandkom l-ordnijiet dwaru; jekk jiġi għandkom ilqgħuh tajjeb – u Ġożwè, li jgħidulu Ġustu. Dawn biss mil-Lhud li qegħdin jaħdmu miegħi għas-Saltna taʼ Alla, u huma taʼ faraġ kbir [“għajnuna li ssaħħaħ,” NW] għalija.”—Kolossin 4:10, 11.
17 Pawlu hawnhekk identifika ċerti aħwa li kien jixirqilhom attenzjoni speċjali. Hu qal li kienu fost dawk ċirkonċiżi, taʼ sfond Lhudi. F’Ruma kien hemm ħafna Lhud ċirkonċiżi, u issa xi wħud minnhom kienu saru Kristjani. Xorta waħda, dawk li semma Pawlu kienu għenuh. X’aktarx huma ma qagħdux jaħsbuha darbtejn biex jassoċjaw maʼ Kristjani li kienu ġejjin minn fost il-Ġentili. Għalhekk, huma kienu ferħanin li jingħaqdu maʼ Pawlu biex jippridkaw lill-Ġentili.—Rumani 11:13; Galatin 1:16; 2:11-14.
18. Pawlu kif faħħarhom lil xi wħud li kienu miegħu?
18 Innota l-kumment taʼ Pawlu: Saru “għajnuna li ssaħħaħ għalija.” Pawlu hawnhekk uża kelma Griega li tidher f’dan il-vers biss fil-Bibbja. Ħafna traduzzjonijiet jittraduċuha “faraġ.” Madankollu, hemm kelma oħra Griega (pa·ra·ka·le’o) li tintuża iktar taʼ spiss għal “faraġ.” Fil-fatt, Pawlu uża din il-kelma f’postijiet oħrajn f’din l-istess ittra imma mhux f’Kolossin 4:11.—Mattew 5:4; Atti 4:36; 9:31; 2 Korintin 1:4; Kolossin 2:2; 4:8.
19, 20. (a) X’inhu s-sens taʼ l-espressjoni li uża Pawlu biex jirreferi għall-aħwa li għenuh f’Ruma? (b) Dawn l-aħwa kif setgħu għenuh lil Pawlu?
19 Dawk li semma Pawlu bilfors li għamlu iktar milli sempliċement taw faraġ bil-kliem. It-terminu Grieg tradott “għajnuna li ssaħħaħ” f’Kolossin 4:11 xi drabi ntuża f’kitba sekulari biex jirreferi għal mediċina li kienet ittaffi t-tbatija. Għaldaqstant ċerti traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċu din il-frażi bħala: “Kemm kienu t’għajnuna għalija!” u “Kienu t’għajnuna kbira għalija.” Kif setgħu għenuh lil Pawlu dawn l-aħwa Kristjani li kienu joqogħdu viċin tiegħu?
20 Pawlu setaʼ jkollu lil min imur jarah, imma kien hemm ħafna affarijiet li ma setax jagħmel, bħal per eżempju li jmur jixtri l-bżonnijiet bażiċi tiegħu—l-ikel u l-ilbies għax-xitwa. Kif setaʼ jakkwista l-iskrolli biex jistudja jew jixtri biex jikteb? (2 Timotju 4:13) Ma tistax timmaġinahom lil dawn l-aħwa jgħinu lil Pawlu fil-bżonnijiet tiegħu, billi jagħmlu affarijiet bażiċi bħal li jmorru jixtrulu, jew jagħmlulu xi qadja? Hu forsi kien ikun irid jaf kif sejrin l-affarijiet f’ċerta kongregazzjoni biex ikun jistaʼ jinkuraġġiha. Ladarba hu kien arrestat, ma setax jagħmlu dan, u għalhekk dawn l-aħwa kienu forsi jmorru minfloku, jiħdulu l-messaġġi tiegħu u mbagħad jagħmlulu rapport. X’għajnuna li ssaħħaħ tabilħaqq!
21, 22. (a) Għala għandu jinteressana l-kliem f’Kolossin 4:11? (b) X’inhuma xi modi kif aħna nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ dawk li kienu maʼ Pawlu?
21 Dak li kiteb Pawlu fuq li wieħed ikun “għajnuna li ssaħħaħ” jagħtina dehen fuq kif aħna nistgħu nkunu t’għajnuna għal oħrajn. Huma jistgħu jkunu qed jgħixu sewwa kif jixraq lil Jehovah fejn għandhom x’jaqsmu l-livelli morali, l-attendenza għal-laqgħat Kristjani, u l-parteċipazzjoni fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Għal dan huma jixirqilhom l-apprezzament tagħna. Iżda, nistgħu aħna nagħmlu iktar biex inkunu “għajnuna li ssaħħaħ” bħalma kienu dawk l-uħud maʼ Pawlu?
22 Forsi taf b’xi oħt li b’mod għaqli żammet il-prinċipju taʼ l-1 Korintin 7:37 imma li issa spiċċat m’għandhiex familja tagħha fil-qrib. Tistaʼ int tinkludiha f’xi attività tal-familja, forsi billi tistidinha għall-ikel jew biex tassoċja magħkom u maʼ xi ħbieb jew qraba? Jew forsi tistaʼ int tistidinha biex tiġi magħkom għall-konvenzjoni jew għal xi btala, inkella biex kultant tmorru tixtru flimkien f’ħin konvenjenti? Dan jistaʼ jingħad ukoll għar-romol, jew anki għal dawk li issa ma jistgħux isuqu iktar il-karozza. Għandek mnejn issibu taʼ benefiċċju li toqgħod tismaʼ l-esperjenzi tagħhom jew tara x’tistaʼ titgħallem mingħandhom fuq affarijiet taʼ kuljum bħal, per eżempju, kif tixtri frott sabiħ jew kif tagħżel il-ħwejjeġ għat-tfal. (Levitiku 19:32; Proverbji 16:31) Dan taʼ spiss iwassal biex issiru iktar ħbieb, u b’hekk għalihom ikun iktar faċli li jfittxu l-għajnuna tiegħek jekk ikollhom bżonn xi mediċina mingħand l-ispiżjar, jew xi qadja oħra. L-aħwa li kienu maʼ Pawlu f’Ruma taw għajnuna prattika li ssaħħaħ, l-istess bħalma tistaʼ tagħti int. Illum, bħal f’dak iż-żmien, dan jistaʼ jġibilna barka oħra, rabta taʼ mħabba iktar soda u determinazzjoni akbar biex naqdu lil Jehovah flimkien lealment.
23. Kull wieħed u waħda minna x’ikun tajjeb li jagħmel fil-ħin tiegħu?
23 Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jirrifletti fuq is-sitwazzjonijiet li semmejna f’dan l-artiklu. Dawn huma sempliċement eżempji, imma li jistgħu jġibulna f’moħħna sitwazzjonijiet reali fil-ħajja li fihom nistgħu nagħtu iktar “għajnuna li ssaħħaħ” lil ħutna. Il-punt m’huwiex li aħna nimitaw l-attitudni taʼ l-umanitarji. Din ma kinitx il-mira taʼ l-aħwa li ssemmew f’Kolossin 4:10, 11. Huma kienu ħaddiema sħab “għas-Saltna taʼ Alla.” L-effett li jsaħħaħ kien marbut direttament maʼ dan. Jalla tkun l-istess ħaġa fil-każ tagħna.
24. X’inhu l-punt prinċipali taʼ li aħna nitolbu u nistinkaw biex insaħħu lil oħrajn?
24 Aħna nsemmu lil oħrajn b’isimhom fit-talb privat tagħna u nagħmlu sforz biex insaħħuhom minħabba dan: Aħna nemmnu li ħutna jridu ‘jgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u jogħġbuh f’kollox.’ (Kolossin 1:10) Dan il-fatt huwa marbut maʼ xi ħaġa oħra li semma Pawlu meta kiteb dwar it-talb t’Epafra għall-Kolossin. Dan kien li huma jkunu jistgħu ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’ (Kolossin 4:12, NW) Kif nistgħu nagħmluh dan personalment? Ejja naraw.
[Nota taʼ taħt]
a Ara Insight on the Scriptures, l-Ewwel Volum, paġni 490-1, u “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” paġni 226-8, pubblikati mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
X’Innotajt?
• Kif nistgħu nkunu taʼ iktar għajnuna fit-talb privat tagħna?
• Xi Kristjani f’liema sens kienu “għajnuna li ssaħħaħ” għal Pawlu?
• F’liema tipi taʼ sitwazzjonijiet nistgħu nkunu “għajnuna li ssaħħaħ”?
• X’mira rridu nilħqu billi nitolbu u nistinkaw biex insaħħu lil ħutna?
[Stampa f’paġna 18]
Tistaʼ tinkludi lil xi Kristjan ieħor fil-ħarġiet tal-familja tiegħek?
[Sors taʼ l-istampa]
Bil-korteżija taʼ Green Chimney’s Farm