Int Għala Taqdih ’l Alla?
Ċertu sultan li kellu l-biżaʼ t’Alla darba minnhom ta dan il-parir lil ibnu: “Agħraf ’l Alla taʼ missierek u aqdih b’qalbek sħiħa u b’rieda soda.” (1 Kronaki 28:9) Jidher ċar li Jehovah jrid li l-qaddejja tiegħu jaqduh b’qalb mimlija gratitudni u apprezzament.
BĦALA Xhieda taʼ Jehovah rridu nammettu li malli sirna nafu bil-wegħdi Bibliċi, qlubna mill-ewwel faru bil-gratitudni. Maʼ kull ġurnata li għaddiet, tgħallimna xi ħaġa ġdida dwar l-iskopijiet t’Alla. Iktar ma komplejna nitgħallmu dwar Jehovah, ix-xewqa li naqduh ‘b’qalb sħiħa u b’rieda soda’ saret iktar qawwija.
Ħafna minn dawk li jsiru Xhieda taʼ Jehovah jkomplu jaqduh b’ferħ bla qjies matul ħajjithom kollha. Madankollu, xi Kristjani, għalkemm ikunu bdew tajjeb, jistgħu maż-żmien jinsew ir-raġunijiet li jġagħluna nitqanqlu biex naqdu ’l Alla. Hekk ġralek int? Jekk iva, taqtax qalbek. Tistaʼ tikseb lura l-ferħ li tlift. Kif?
Għodd il-Barkiet li Għandek
L-ewwelnett, immedita daqsxejn fuq il-barkiet li tirċievi kuljum mingħand Alla. Aħseb dwar ir-rigali mill-aħjar li tana Jehovah. Għandna l-ħolqien imżewwaq tiegħu li huwa disponibbli għal kulħadd minkejja l-pożizzjoni soċjali jew ekonomika taʼ dak li jkun. Għandna wkoll il-provvedimenti naturali tiegħu għall-ikel u x-xorb, is-saħħa li tgawdi, l-għarfien li għandek dwar il-verità tal-Bibbja, u l-iktar importanti, l-għotja taʼ Ibnu. Il-mewt tiegħu wittiet it-triq biex int tkun tistaʼ taqdi lil Alla b’kuxjenza nadifa. (Ġwann 3:16; Ġakbu 1:17) Iktar ma timmedita fuq it-tjubija t’Alla, iktar se jikber l-apprezzament tiegħek lejh. Imbagħad, qalbek tant se tkun mimlija bi gratitudni għal dak kollu li għamel, li se tqanqlek biex taqdih. Mingħajr l-ebda dubju se terġaʼ tibda tħossok bħalma ħassu s-salmista li kiteb: “Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; taʼ l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek . . . iżda huma ħafna biex insemmihom.”—Salm 40:6 [40:5, NW].
Dan il-kliem inkiteb minn David, raġel li ħajtu żgur ma kinitx ħielsa mill-inkwiet. David qattaʼ l-biċċa l-kbira minn żgħożitu maħrub, hekk kif is-sultan mill-agħar Sawl u s-suldati tiegħu bdew ifittxuh biex joqtluh. (1 Samwel 23:7, 8, 19-23) David kellu wkoll taqbida mad-dgħjufijiet persunali tiegħu. Hu ammetta dan f’Salm 40: “Għax għalquni minn kull naħa ħsarat li ma jingħaddux; ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara; huma aktar mix-xagħar taʼ rasi; għandi qalbi maqtugħa.” (Salm 40:13 [40:12, NW]) Iva, għalkemm David kellu ħafna inkwiet, hu ma ħalliex dan l-inkwiet jiddominah għalkollox. Hu ffoka fuq kif Jehovah kien qed ibierku minkejja l-problemi kollha tiegħu, u ra li dawn il-barkiet kienu jisbqu n-niket tiegħu.
Meta tħossok mgħaddas fil-problemi persunali jew taħseb li m’int tajjeb għal xejn, ikun tajjeb li tieqaf u tgħodd il-barkiet li għandek, bħalma għamel David. Bla dubju, bħalma l-apprezzament għal dawn il-barkiet qanqlek biex tiddedika lilek innifsek lil Jehovah, hekk ukoll ħsibijiet bħal dawn se jgħinuk terġaʼ tkebbes ġewwa fik il-ferħ li tlift u jgħinuk taqdi lil Jehovah b’qalb mimlija apprezzament.
Il-Laqgħat tal-Kongregazzjoni Jistgħu Jgħinuk
Barra milli nimmeditaw fil-privat dwar it-tjubija taʼ Jehovah, irridu wkoll nassoċjaw maʼ sħabna l-Kristjani. Il-fatt li niltaqgħu regolarment maʼ rġiel, nisa, u żgħażagħ li jħobbu ’l Alla u li huma determinati li jaqduh jinkuraġġina ferm. L-eżempju tagħhom jistaʼ jqanqalna biex nintefgħu b’ruħna u b’ġisimna fis-servizz taʼ Jehovah. Mill-banda l-oħra, il-preżenza tagħna fis-Sala tas-Saltna tistaʼ tinkuraġġihom ukoll.
Irridu nammettu li wara t-taħbit taʼ ġurnata xogħol jew meta nħossuna skuraġġiti minħabba xi problema jew dgħjufija, ma jkunx daqshekk faċli li naħsbu biex immorru għal-laqgħa fis-Sala tas-Saltna. F’mumenti bħal dawn irridu nkunu sodi magħna nfusna, bħallikieku ‘ngħakksu bl-aħrax lil ġisimna,’ biex b’hekk nobdu l-kmand li niltaqgħu maʼ sħabna l-Kristjani.—1 Korintin 9:26, 27; Lhud 10:23-25.
Jekk ikollna nagħmlu dan, allura għandna nikkonkludu li aħna ma nħobbuhx verament lil Jehovah? Lanqas xejn. Anki l-Kristjani maturi tal-passat, li bla dubju kellhom imħabba kbira għal Alla, riedu jagħmlu sforz kbir biex jagħmlu r-rieda tiegħu. (Luqa 13:24) L-appostlu Pawlu kien wieħed minn dawn il-Kristjani. Hu ddeskriva s-sentimenti tiegħu bil-miftuħ billi qal: “Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb m’hux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażen li ma rridx.” (Rumani 7:18, 19) U hu qal lill-Korintin: “Jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. . . . Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f’idejja.”—1 Korintin 9:16, 17.
Bħal ħafna minna, Pawlu kellu tendenzi ħżiena li kienu jfixkluh milli jagħmel it-tajjeb, bħalma tant kien jixtieq. Madankollu, hu ssielet bl-aħrax kontra dawn it-tendenzi, u fil-biċċa l-kbira tal-każi rnexxielu jegħlibhom. M’għandniex xi ngħidu, Pawlu m’għamilx dan bis-saħħa tiegħu stess. Hu kiteb: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.” (Filippin 4:13) Jehovah, il-wieħed li ta l-qawwa lil Pawlu, jistaʼ jsaħħaħ lilek ukoll biex tagħmel it-tajjeb, jekk int min-naħa tiegħek titolbu jgħinek. (Filippin 4:6, 7) Għalhekk, ‘issielet għall-fidi,’ u Jehovah jbierkek.—Ġuda 3, Saydon.
M’għandekx għalfejn tiġġieled din il-ġlieda waħdek. Fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, anzjani Kristjani maturi, li huma nfushom qed iżommu sod fil-ġlieda tagħhom għall-fidi, huma lesti li jgħinuk. Jekk tavviċina anzjan għall-għajnuna, hu se jistinka biex ‘jagħmillek il-qalb.’ (1 Tessalonikin 5:14) Il-mira tiegħu tkun li “jkun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta.”—Isaija 32:2.
“Alla hu mħabba,” u jrid li l-qaddejja tiegħu jaqduh għax iħobbuh. (1 Ġwann 4:8) Jekk l-imħabba tiegħek lejn Alla għandha bżonn titkebbes mill-ġdid, ħu l-passi neċessarji biex tagħmel hekk, bħalma spjegajna hawn fuq. Se tithenna li tkun għamilt dan.