Waqt li Għadek Żagħżugħ, Agħżel li Taqdi lil Ġeħova
“Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu.”—2 TIM. 3:14.
IS-SERVIZZ sagru taż-żgħażagħ tant huwa importanti għal Ġeħova li hu nebbaħ profezija dwarhom. “Il-poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad f’jum il-qawwa tiegħek,” kanta s-salmista. “Fuq l-iġbla mqaddsa; minn ġuf is-sebħ lejk [jiġu] bħan-nida ż-żgħażagħ tiegħek.” (Salm 110:3, Saydon) Iva, għal Ġeħova ż-żgħażagħ li jaqduh minn rajhom huma prezzjużi ferm.
2. Iż-żgħażagħ illum jiffaċċjaw liema influwenzi sekulari rigward il-futur tagħhom?
2 Intom, żgħażagħ fil-kongregazzjoni Kristjana, iddedikajtu lilkom infuskom lil Ġeħova? Ħafna jħossuha diffiċli biex jagħżlu li jaqdu lill-Alla l-veru. Xi negozjanti, edukaturi, u kultant membri tal-familja u ħbieb jinkuraġġixxu liż-żgħażagħ biex ikollhom miri materjalistiċi. Meta ż-żgħażagħ ifittxu miri spiritwali, id-dinja ħafna drabi tikkritikahom. Imma l-fatt hu li jekk tagħżlu li taqdu lill-Alla l-veru tkunu qed tagħżlu l-aqwa mod taʼ ħajja. (Salm 27:4) Fi qbil maʼ dan, ikkunsidraw tliet mistoqsijiet: Għala għandkom taqdu lil Alla? Kif jistaʼ jirnexxilkom tgħixu ħajja dedikata lil Alla minkejja dak li oħrajn jgħidu jew jagħmlu? Liema opportunitajiet meraviljużi taʼ servizz sagru hemm disponibbli għalikom?
Dak li Għandek Tagħmel Hu li Taqdi lil Ġeħova
3 Għala għandek taqdi lill-Alla l-ħaj u l-veru? Rivelazzjoni 4:11 jgħid x’inhi r-raġuni prinċipali: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” Ġeħova huwa l-Ħallieq meraviljuż taʼ dak kollu li jeżisti. Kemm hi sabiħa l-art! Is-siġar, il-fjuri, l-annimali, l-oċeani, il-muntanji, u l-kaskati—Ġeħova għamel dan kollu. “Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek,” jgħid Salm 104:24. Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Ġeħova bi mħabba tana ġisem u moħħ li jippermettulna ngawdu l-art u l-affarijiet tajbin li hemm fuqha! M’għandux l-apprezzament mill-qalb għall-ħolqien meraviljuż iġegħelna nkunu rridu naqduh?
4, 5. Liema atti divini ġiegħlu lil Ġożwè jersaq eqreb lejn Ġeħova?
4 Raġuni oħra għala għandek taqdi lil Ġeħova tinsab fil-kliem tal-mexxej Iżraeli Ġożwè. Lejn l-aħħar taʼ ħajtu, Ġożwè qal lill-poplu t’Alla: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom.” Ġożwè għala setaʼ jgħid dan?—Ġoż. 23:14.
5 Waqt li kien qed jitrabba fl-Eġittu, Ġożwè bilfors li sar jaf bil-wegħda li Ġeħova kien se jagħti art lill-Iżraelin biex tkun tagħhom. (Ġen. 12:7; 50:24, 25; Eżo. 3:8) Imbagħad Ġożwè osserva hekk kif Ġeħova beda jwettaq din il-wegħda billi ġab l-Għaxar Kastigi fuq l-Eġittu u ġiegħel lill-Fargħun stinat iħalli lil ulied Iżrael jitilqu. Ġożwè kien fost dawk li nħelsu mill-Baħar l-Aħmar, u mbagħad ra b’għajnejh stess il-baħar jiblaʼ lill-Fargħun u l-armata tiegħu. Matul il-vjaġġ twil fid-Deżert tas-Sinaj, li kien ‘deżert kbir u tal-waħx,’ Ġożwè ra kif Ġeħova pprovda dak kollu li kellhom bżonn l-Iżraelin. Lanqas persuna waħda ma mietet bl-għatx jew bil-ġuħ. (Dt. 8:3-5, 14-16; Ġoż. 24:5-7) Meta wasal iż-żmien biex l-Iżraelin jegħlbu l-ġnus setgħanin taʼ Kangħan u jieħdu f’idejhom l-Art Imwiegħda, Ġożwè ra kif l-Alla li kienu jqimu hu u l-Iżraelin l-oħrajn appoġġahom f’dan ix-xogħol.—Ġoż. 10:14, 42.
6. X’se jgħinek tikkultiva x-xewqa li taqdi lil Alla?
6 Ġożwè kien jaf li Ġeħova żamm il-wegħdi Tiegħu. Għalhekk, Ġożwè ddikjara: “Imma jien u dari naqdu l-Mulej.” (Ġoż. 24:15) U xi ngħidu dwarek? Meta taħseb fil-wegħdi li l-Alla l-veru diġà wettaq u dawk li għad irid iwettaq, ma tixtieqx int taqdih bħalma għamel Ġożwè?
7. Il-magħmudija bl-ilma għala hija pass vitali li għandek tieħu?
7 Meta timmedita fuq ix-xogħol kreattiv taʼ Ġeħova u tirrifletti fuq il-wegħdi meraviljużi tiegħu u li huma assolutament taʼ min jafdahom għandek tiġi mqanqal mhux biss biex tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova imma wkoll tissimbolizza dik id-dedikazzjoni permezz tat-tgħaddis fl-ilma. Il-magħmudija hija pass vitali li għandhom jieħdu dawk li jridu jaqdu lil Alla. Dan urieh biċ-ċar ix-Xempju tagħna Ġesù. Eżatt qabel ma beda x-xogħol tiegħu bħala l-Messija, hu ppreżenta lilu nnifsu għand Ġwanni l-Għammied għall-magħmudija. Ġesù għala ħa dan il-pass? “Jien ma nżiltx mis-sema biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġw. 6:38) Sabiex juri li kien qed jippreżenta lilu nnifsu biex jagħmel ir-rieda taʼ Missieru, Ġesù tgħammed.—Mt. 3:13-17.
8. Timotju għala għażel li jaqdi lil Alla, u x’jistaʼ jkollok bżonn tagħmel?
8 Ikkunsidra wkoll il-każ taʼ Timotju, Kristjan żagħżugħ li Ġeħova eventwalment tah ħafna xogħol u privileġġi. Timotju għala ddeċieda li jqim lill-Alla l-veru? Il-Bibbja tgħidilna li hu ‘tgħallem u emmen għax sar konvint li [dak li tgħallem] kien minnu.’ (2 Tim. 3:14) Jekk studjajt il-Kelma t’Alla u emmint għax sirt konvint li t-tagħlim li fiha huwa minnu, int tinsab fl-istess sitwazzjoni taʼ Timotju. Issa hemm bżonn li tieħu deċiżjoni. Għala ma titkellimx mal-ġenituri tiegħek dwar dak li tixtieq tagħmel? Kemm huma u kemm l-anzjani tal-kongregazzjoni jistgħu jgħinuk tifhem il-ħtiġijiet Skritturali biex tkun tistaʼ titgħammed.—Aqra Atti 8:12.
9. Oħrajn kif jistgħu jiġu effettwati meta titgħammed?
9 Jekk titgħammed se jkollok bidu mill-aqwa f’li taqdi lill-Alla l-veru. B’dan il-pass tkun qed tidħol f’tellieqa twila li l-premjijiet tagħha huma l-ħajja taʼ dejjem u l-ferħ li tħoss minn issa għax tkun qed tagħmel ir-rieda t’Alla. (Ebr. 12:2, 3) Ukoll, se tferraħ lill-membri tal-familja tiegħek li diġà qegħdin f’din it-tellieqa u lill-ħbieb tiegħek fil-kongregazzjoni Kristjana. Fuq kollox, int se tferraħ qalb Ġeħova. (Aqra Proverbji 23:15.) Veru, oħrajn forsi ma jifhmux għala għażilt li taqdi lil Ġeħova, u għandhom mnejn jiddubitaw jekk ħadtx deċiżjoni tajba. Għandhom mnejn saħansitra jopponuk. Imma int tistaʼ tegħleb dawn l-isfidi b’suċċess.
Meta Oħrajn Jistaqsuk jew Jopponuk
10, 11. (a) Liema mistoqsijiet għandhom mnejn jistaqsuk oħrajn dwar id-deċiżjoni tiegħek li taqdi lil Alla? (b) X’tistaʼ titgħallem mill-mod kif Ġesù wieġeb il-mistoqsijiet dwar il-qima vera?
10 Jekk tiddeċiedi li taqdi lil Ġeħova, sħabek taʼ l-iskola, il-ġirien, u l-qraba għandhom mnejn iħossuhom imħawdin. Huma forsi jistaqsuk għala għażilt din it-triq u jistaqsuk dwar dak li temmen. Kif għandek twieġeb? M’għandniex xi ngħidu, għandek bżonn tanalizza l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħek sabiex tkun tistaʼ tispjega għala għamilt dik l-għażla. U biex twieġeb mistoqsijiet dwar it-twemmin tiegħek, l-eżempju taʼ Ġesù huwa l-aqwa eżempju li tistaʼ ssegwi.
11 Meta l-mexxejja reliġjużi Lhud staqsew lil Ġesù dwar l-irxoxt, hu ġibed l-attenzjoni tagħhom lejn skrittura li huma ma kinux ikkunsidraw. (Eżo. 3:6; Mt. 22:23, 31-33) Meta skriba staqsieh liema kien l-akbar kmandament, Ġesù kkwotalu versi xierqa mill-Bibbja. Dan ir-raġel kien grat għat-tweġiba li tah Ġesù. (Lev. 19:18; Dt. 6:5; Mk. 12:28-34) Il-fatt li Ġesù uża l-Iskrittura u l-mod kif tkellem ġabu “firda fost il-folla minħabba fih,” u l-opponenti tiegħu ma setgħux jagħmlulu ħsara. (Ġw. 7:32-46) Meta twieġeb xi mistoqsijiet dwar il-fidi tiegħek, uża l-Bibbja u wieġeb “bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pt. 3:15) Jekk ma tkunx taf it-tweġiba għal xi mistoqsija, għidilhom li ma tafhiex u offri li tagħmel riċerka. Iktar tard, fittex dwar is-suġġett billi tuża l-Watch Tower Publications Index jew il-Watchtower Library fuq is-CD-ROM jekk din hija disponibbli b’xi lingwa li tifhem int. Bi preparazzjoni tajba, int se ‘tkun taf kif għandek twieġeb.’—Kol. 4:6.
12. Għala m’għandekx tħalli l-persekuzzjoni tiskuraġġik?
12 Għandek mnejn ma tiffaċċjax biss mistoqsijiet dwar id-deċiżjoni li taqdi lil Alla u dwar it-twemmin tiegħek. Wara kollox, l-għadu t’Alla, Satana x-Xitan, jikkontrolla d-dinja. (Aqra l-1 Ġwanni 5:19.) Ma jkunx realistiku li tistenna li kulħadd ifaħħrek jew japprovak, u għandek mnejn tiffaċċja oppożizzjoni. Xi wħud forsi ‘jibdew jgħajruk,’ u għandhom mnejn jibqgħu jagħmlu hekk. (1 Pt. 4:4) Imma ftakar, m’intix waħdek. Ġesù Kristu wkoll ġie persegwitat. Anki l-appostlu Pietru ġie persegwitat, u hu kiteb: “Maħbubin, titħawdux minħabba n-nar [tas-sofferenza] li qed jaqbad fostkom u li qed isirilkom bħala prova, bħallikieku qed tiġrilkom xi ħaġa stramba. Għall-kuntrarju, ibqgħu thennew għax qed tieħdu sehem fis-sofferenzi tal-Kristu.”—1 Pt. 4:12, 13.
13. Il-Kristjani għala jistgħu jifirħu meta jiġu persegwitati?
13 Jekk tissaporti persekuzzjoni jew oppożizzjoni minħabba li int Kristjan għandek għalxiex tifraħ. Għala? Għax jekk ikollok l-approvazzjoni tad-dinja jkun ifisser li tkun qed tgħix skond il-livelli taʼ Satana, mhux t’Alla. Ġesù wissa: “Gwaj, kulmeta n-nies kollha jitkellmu tajjeb dwarkom, għax hekk għamlu missirijiethom lill-profeti foloz.” (Lq. 6:26) Il-persekuzzjoni tindika li Satana u d-dinja tiegħu huma rrabjati għalik minħabba li taqdi lil Ġeħova. (Aqra Mattew 5:11, 12.) U jekk ‘tiġi mgħajjar minħabba isem Kristu’ għandek għalxiex tifraħ.—1 Pt. 4:14.
14. Liema ġid joħroġ meta individwu jibqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja l-persekuzzjoni?
14 Meta tibqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja l-oppożizzjoni jkun hemm minn taʼ l-inqas erbaʼ riżultati pożittivi. Tkun qed tagħti xiehda dwar Alla u Ibnu. Is-sabar leali tiegħek jinkuraġġixxi lil ħutek il-Kristjani. Xi wħud li jkunu qed josservawk u li ma jkunux jafu lil Ġeħova għandhom mnejn jiġu mqanqlin biex ifittxuh. (Aqra Filippin 1:12-14.) U hekk kif tesperjenza kif Ġeħova jipprovdi s-saħħa biex tissaporti l-provi, l-imħabba tiegħek għalih tikber.
“Bieb Kbir” Hu Miftuħ Għalik
15. Liema “bieb kbir” infetaħlu l-appostlu Pawlu?
15 Rigward il-ministeru tiegħu f’Efesu, l-appostlu Pawlu kiteb: “Infetaħli bieb kbir għax-xogħol.” (1 Kor. 16:8, 9) Dan kien il-bieb li jwassal għall-attività kbira fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba u biex isiru dixxipli f’dik il-belt. Minħabba li għadda minn dan il-bieb, Pawlu għen lil ħafna jitgħallmu dwar Ġeħova u Jqimuh.
16. Il-fdal midluk kif għadda mill-‘bieb miftuħ’ fl-1919?
16 Fl-1919, Ġesù Kristu glorifikat ‘fetaħ bieb’ quddiem il-fdal tal-Kristjani midlukin. (Riv. 3:8) Huma għaddew minn dan il-bieb u bdew jippridkaw l-aħbar tajba billi bdew jgħallmu l-verità tal-Bibbja b’iktar ħeġġa minn qatt qabel. X’kien ir-riżultat tal-ministeru tagħhom? L-aħbar tajba issa laħqet sa truf l-art, u madwar sebaʼ miljun ruħ għandhom it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla.
17. Kif tistaʼ tgħaddi mill-“bieb kbir għax-xogħol”?
17 “Bieb kbir għax-xogħol” għadu miftuħ beraħ għall-qaddejja kollha taʼ Ġeħova. Dawk li jgħaddu minnu jsibu ferħ u sodisfazzjon hekk kif ikollhom sehem akbar fix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Intom qaddejja żgħażagħ taʼ Ġeħova, kemm tqisuh importanti l-privileġġ uniku li tgħinu lil oħrajn biex ikollhom “fidi fl-aħbar tajba”? (Mk. 1:14, 15) Qatt ħsibt biex taqdi bħala pijunier regulari jew bħala pijunier awżiljarju? Opportunitajiet oħrajn li jistgħu jkunu disponibbli għal ħafna minnkom huma li tgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna, is-servizz f’Betel, u x-xogħol missjunarju. Ladarba d-dinja ħażina taʼ Satana ma tantx fadlilha żmien, il-parteċipazzjoni f’dawn l-oqsma taʼ servizz tas-Saltna qed issir iktar urġenti maʼ kull ġurnata li tgħaddi. Se tgħaddi int mill-“bieb kbir” sakemm għad fadal iż-żmien?
“Ippruvaw u Taraw Kemm Hu Tajjeb” Ġeħova
18, 19. (a) X’għen lil David ikollu xewqa kbira li jaqdi lil Ġeħova? (b) X’juri li David qatt ma ddispjaċieh li qeda lil Alla?
18 Is-salmista li kien ispirat stieden lil oħrajn biex ‘jippruvaw u jaraw kemm hu tajjeb’ Ġeħova. (Salm 34:9 [34:8, NW]) Meta s-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kien ragħaj żagħżugħ, Ġeħova salvah mill-attakki taʼ bhejjem salvaġġi. Alla appoġġah fil-ġlieda li kellu maʼ Gulija u salvah minn ħafna gwajijiet oħrajn. (1 Sam. 17:32-51; Salm 18:1 [18, sopraskrizzjoni, NW]) Minħabba l-qalb tajba bl-imħabba kbira li wera Alla, David ġie mqanqal jikteb: “Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; taʼ l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek!”—Salm 40:6 (40:5, NW).
19 David sar iħobbu ħafna lil Ġeħova u ried ifaħħru b’qalbu u b’moħħu kollu. (Aqra Salm 40:9-11 [40:8-10, NW].) Hekk kif gerbu s-snin, David qatt ma ddispjaċieh talli qattaʼ ħajtu jqim lill-Alla l-veru. Ħajja b’devozzjoni lejn Alla kienet l-akbar teżor—sors taʼ ferħ li ma jitqabbel maʼ xejn. Fi xjuħitu David qal: “Inti, Sidi, it-tama tiegħi; Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti. Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla.” (Salm 71:5, 18) Il-fiduċja taʼ David f’Ġeħova u l-ħbiberija Miegħu saru iktar b’saħħithom, avolja s-saħħa fiżika tiegħu kienet battiet.
20. Li taqdi lil Alla għala huwa l-aqwa mod kif tuża ħajtek?
20 Il-ħajjiet taʼ Ġożwè, David, u Timotju jagħtu iktar prova li l-aqwa mod kif tuża ħajtek huwa billi taqdi lil Ġeħova. Il-vantaġġi materjali li jiġu minn karriera f’din id-dinja huma għal żmien qasir u ma jistgħux jitqabblu mal-benefiċċji dejjiema li jiġu meta ‘taqdi [lil Ġeħova] b’qalbek u b’ruħek kollha.’ (Ġoż. 22:5) Jekk għadek ma ddedikajtx lilek innifsek lil Ġeħova bit-talb, staqsi lilek innifsek, ‘X’qed iżommni milli nsir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova?’ Jekk int diġà qaddej mgħammed taʼ Ġeħova, tixtieq iżżid il-ferħ tiegħek fil-ħajja? Mela ħu sehem akbar fil-ministeru, u ibqaʼ agħmel progress spiritwali. L-artiklu li jmiss se jurik kif tistaʼ tikber spiritwalment billi ssegwi l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu.
Int Kif Twieġeb?
• Agħti żewġ raġunijiet għala għandna naqdu lil Alla.
• X’għen lil Timotju jiddeċiedi li jaqdi lil Alla?
• Għala għandek tibqaʼ sod meta tiffaċċja l-persekuzzjoni?
• Liema opportunitajiet taʼ servizz huma disponibbli għalik?
1. Ġeħova kif iqisu s-servizz tax-Xhieda żgħażagħ tiegħu?
3. Il-ħolqien taʼ Ġeħova kif għandu jeffettwana?
[Stampa f’paġna 18]
L-aqwa mod kif tuża ħajtek huwa billi taqdi lil Ġeħova
[Stampa f’paġna 19]
Tistaʼ twieġeb mistoqsijiet dwar il-fidi tiegħek?