LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 11/1 pp. 22-26
  • Il-Kelma taʼ Ġeħova Qatt ma Tonqos milli Sseħħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kelma taʼ Ġeħova Qatt ma Tonqos milli Sseħħ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeħova Jeħles lill-​Poplu Tiegħu
  • Ġeħova Jipproteġi lill-​Poplu Tiegħu
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb il-​Poplu Tiegħu
  • Il-​Ħelsien fi Żmienna
  • Il-​Protezzjoni taʼ Ġeħova fi Żmienna
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb il-​Poplu Tiegħu Llum
  • Dak li Ftakar Ġożwè
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġożwè
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġeħova għażel lil Ġożwè
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 11/1 pp. 22-26

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Qatt ma Tonqos milli Sseħħ

“Ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom.”—ĠOŻWÈ 23:14.

1. Min kien Ġożwè, u x’għamel lejn l-​aħħar taʼ ħajtu?

KIEN kmandant militari mimli enerġija u qalbieni, raġel taʼ fidi u integrità. Hu mexa maʼ Mosè u ġie magħżul bil-​għaqal minn Ġeħova biex imexxi lill-​ġens taʼ Iżrael ’il barra minn xagħri li jqanqal il-​biżaʼ lejn art li tnixxi ħalib u għasel. Lejn l-​aħħar taʼ ħajtu, dan ir-​raġel tassew rispettat, Ġożwè, għamel diskors kommoventi taʼ l-​aħħar quddiem ix-​xjuħ taʼ Iżrael. Żgur li din it-​taħdita saħħet il-​fidi taʼ dawk li semgħuh. Din tistaʼ tagħmel l-​istess ħaġa għalik.

2, 3. Meta Ġożwè kellem lix-​xjuħ taʼ Iżrael, f’liema sitwazzjoni kien Iżrael, u Ġożwè x’qal?

2 Immaġina s-​sitwazzjoni kif inhi deskritta fil-​Bibbja: “Ġara li kien għadda ħafna żmien minn mindu l-​Mulej kien ta l-​mistrieħ lil Iżrael mill-​għedewwa kollha tagħhom taʼ madwarhom, u Ġożwè kien xiħ u mdaħħal fiż-​żmien meta sejjaħ lil Iżrael kollu, lix-​xjuħ tiegħu, u ’l-kapijiet u lill-​imħallfin u ’l-uffiċjali tiegħu u qalilhom: ‘Arawni, jien xiħ imdaħħal fiż-​żmien.’”—Ġożwè 23:​1, 2.

3 Ġożwè dalwaqt kien se jagħlaq il-​110 snin, u hu għex matul wieħed mill-​iktar perijodi drammatiċi fl-​istorja tal-​poplu t’Alla. Hu ra b’għajnejh stess l-​għemejjel setgħanin t’Alla, u hu kien ra t-​twettiq taʼ ħafna mill-​wegħdi taʼ Ġeħova. Għalhekk, minħabba l-​esperjenza persunali tiegħu hu setaʼ jgħid b’mod kunfidenti: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!”—Ġożwè 23:14.

4. Ġeħova liema wegħdi għamel lill-​Iżraelin?

4 Liema kliem taʼ Ġeħova kien seħħ matul il-​ħajja taʼ Ġożwè? Se nikkunsidraw tliet wegħdi li Ġeħova għamel lill-​Iżraelin. L-​ewwel, Alla kien se jeħlishom mill-​jasar. It-​tieni, kien se jipproteġihom. It-​tielet, kien se jieħu ħsiebhom. Ġeħova għamel wegħdi simili lill-​poplu tiegħu taʼ llum, u aħna rajniehom iseħħu matul ħajjitna. Però, qabel ma niddiskutu x’għamel Ġeħova fi żmienna, ejja nikkunsidraw l-​attività tiegħu fi żmien Ġożwè.

Ġeħova Jeħles lill-​Poplu Tiegħu

5, 6. Ġeħova kif ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu, u dan x’wera?

5 Meta l-​Iżraelin sejħu lil Alla minħabba l-​jasar tagħhom fl-​Eġittu, Ġeħova ta kashom. (Eżodu 2:​23-25) Ħdejn l-​għollieq jaqbad, Ġeħova qal lil Mosè: “Inżilt biex neħlishom [lill-poplu tiegħi] minn idejn l-​Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-​art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:8) Min jaf kemm kienet xi ħaġa meraviljuża li tara lil Ġeħova jagħmel dan! Meta l-​Fargħun irrifjuta li jħalli lill-​Iżraelin jitilqu mill-​Eġittu, Mosè informah li Alla kien se jibdel l-​ilma tax-​Xmara Nil f’demm. Il-​kelma taʼ Ġeħova ma naqsitx milli sseħħ. L-​ilma tax-​Xmara Nil inbidel f’demm. Il-​ħut miet, u l-​ilma tax-​xmara ma kienx tajjeb għax-​xorb. (Eżodu 7:​14-21) Il-​Fargħun kompla jwebbes rasu, u Ġeħova ġab disaʼ kastigi oħrajn, waqt li ddeskriva minn qabel kif se jkun kull wieħed minnhom. (Eżodu, kapitli 8-12) Wara li l-​għaxar kastig qatel l-​ewwel imweldin taʼ l-​Eġittu, il-​Fargħun ordna li l-​Iżraelin jitilqu—u hekk għamlu!—Eżodu 12:​29-32.

6 Dan il-​ħelsien fetaħ it-​triq biex Ġeħova jadotta lil Iżrael bħala l-​ġens magħżul tiegħu. Dan faħħar bil-​kbir lil Ġeħova bħala l-​Wieħed li jwettaq il-​wegħdi, il-​wieħed li l-​kelma tiegħu qatt ma tonqos milli sseħħ. Wera wkoll kemm Ġeħova huwa superjuri għall-​allat tal-​ġnus. Meta naqraw dwar dan il-​ħelsien, il-​fidi tagħna tissaħħaħ. Immaġina kif ħassewhom dawk li esperjenzaw dawn l-​affarijiet! Ġożwè ra li Ġeħova bla dubju kien “l-​Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:19 (83:​18, NW).

Ġeħova Jipproteġi lill-​Poplu Tiegħu

7. Ġeħova kif ipproteġa lill-​Iżraelin mill-​armata tal-​Fargħun?

7 Xi ngħidu dwar it-​tieni wegħda—li Ġeħova kien se jipproteġi lill-​poplu tiegħu? Din kienet mifhuma sew fil-​wegħda taʼ Ġeħova li hu kien se jeħlishom mill-​Eġittu u jħallihom jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Ftakar li l-​Fargħun irrabjat ġera wara l-​Iżraelin bl-​armata qawwija tiegħu, armat sa snienu b’mijiet taʼ karrijiet. Min jaf kemm kien kunfidenti dan ir-​raġel arroganti, speċjalment meta kien donnu li l-​Iżraelin jinsabu maqbudin bejn il-​muntanji u l-​baħar! Issa Alla ndaħal biex jipproteġi lill-​poplu tiegħu billi poġġa sħaba bejn iż-​żewġ kampijiet. Fuq in-​naħa taʼ l-​Eġizzjani kien hemm id-​dlam; fuq in-​naħa taʼ l-​Iżraelin kien hemm id-​dawl. Waqt li s-​sħaba kienet qed ittellef lill-​Eġizzjani milli jilħquhom, Mosè għolla l-​bastun tiegħu u l-​ilmijiet tal-​Baħar l-​Aħmar infirdu, u b’hekk ipprovda passaġġ biex l-​Iżraelin jaħarbu u pprovda wkoll nasba għall-​Eġizzjani. Ġeħova qered għalkollox lill-​armata qawwija tal-​Fargħun, u pproteġa lill-​poplu Tiegħu minn telfa ċerta.—Eżodu 14:​19-28.

8. L-​Iżraelin liema protezzjoni gawdew (a) fix-xagħri u (b) meta daħlu fl-​Art Imwiegħda?

8 Wara li qasmu l-​Baħar l-​Aħmar, l-​Iżraelin ivvjaġġaw f’art deskritta bħala “deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla ilma xejn.” (Dewteronomju 8:15) Ġeħova pproteġa lill-​poplu tiegħu f’dan il-​post ukoll. U xi ngħidu dwar id-​dħul tagħhom fl-​Art Imwiegħda? L-​armati qawwijin tal-​Kangħanin opponewhom. Imma Ġeħova qal lil Ġożwè: “Qum u aqsam dan il-​Ġordan, int u dan il-​poplu kollu taʼ Iżrael, lejn l-​art li jien se nagħtikom. Ħadd ma jiqaflek kemm iddum ħaj. Bħalma kont maʼ Mosè hekk inkun miegħek; ma nħallikx, ma nitilqekx.” (Ġożwè 1:​2, 5) Dan il-​kliem li qal Ġeħova qatt ma naqas milli jseħħ. F’madwar sitt snin, Ġożwè għeleb 31 sultan u kiseb il-​kontroll fuq partijiet kbar taʼ l-​Art Imwiegħda. (Ġożwè 12:​7-24) Din il-​konkwista kienet tkun impossibbli li kieku Ġeħova ma ħax ħsiebhom billi pproteġiehom.

Ġeħova Jieħu Ħsieb il-​Poplu Tiegħu

9, 10. Ġeħova kif ħa ħsieb il-​poplu tiegħu fix-​xagħri?

9 Issa kkunsidra t-​tielet wegħda—Ġeħova kien se jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu. Ftit wara li nħelsu mill-​Eġittu, Alla wiegħed lill-​Iżraelin: “Se nibagħtilkom xita taʼ ħobż mis-​sema. Il-​poplu kollu joħroġ u jiġbor minn jum għal ieħor kemm ikun jinħtieġ għall-​ġurnata.” U bħalma qal li kien se jagħmel, Alla pprovda dak il-​“ħobż mis-​sema.” “Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: ‘Man-​hu?,’” jew x’inhu? Din kienet il-​manna, il-​ħobż li Ġeħova kien wegħedhom.—Eżodu 16:​4, 13-15.

10 Matul l-​40 sena fix-​xagħri, Ġeħova ħa ħsieb l-​Iżraelin, billi pprovdielhom ikel u xorb. Hu saħansitra ra li l-​imnatar tagħhom ma jitmermrux u li saqajhom ma jintefħulhomx. (Dewteronomju 8:​3, 4) Ġożwè xehed għal dan kollu. Ġeħova ħeles, ipproteġa, u ħa ħsieb il-​poplu tiegħu, sewwasew bħalma kien wegħedhom.

Il-​Ħelsien fi Żmienna

11. X’seħħ fi Brooklyn, New York, fl-​1914, u għal xiex kien wasal iż-​żmien?

11 Xi ngħidu għal żmienna? Kien il-​Ġimgħa fil-​għodu, it-​2 t’Ottubru, 1914, meta Charles Taze Russell, li dak iż-​żmien kien qed jieħu t-​tmexxija fost l-​Istudenti tal-​Bibbja, daħal fil-​kamra taʼ l-​ikel taʼ Betel fi Brooklyn, New York. “Bonġu lil kulħadd,” qal hu b’entużjażmu. Imbagħad, qabel ma poġġa bil-​qiegħda, hu bil-​ferħ ħabbar: “Żminijiet il-​Ġentili spiċċaw; is-​slaten tagħhom waslu fi tmiemhom.” Għal darb’oħra, iż-​żmien kien wasal għal Ġeħova, is-​Sovran taʼ l-​univers, biex jaġixxi għan-​nom tal-​poplu tiegħu. U hu aġixxa tabilħaqq!

12. Liema ħelsien seħħ fl-​1919, u dan għal xiex fetaħ it-​triq?

12 Ħames snin biss wara dan, Ġeħova ħeles lill-​poplu tiegħu minn “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji u qawwi tar-​reliġjon falza. (Rivelazzjoni 18:2) Ftit minna għandna età biżżejjed biex stajna nixhdu għal dan il-​ħelsien eċċitanti. Madankollu, aħna naraw ir-​riżultati ċar u tond. Ġeħova reġaʼ stabbilixxa l-​qima pura u għaqqad flimkien lil dawk li kienu jixxennqu biex jadurawh. Dan kien ġie mbassar mill-​profeta Isaija: “Għad jiġri fl-​aħħar jiem li l-​għolja tad-​dar tal-​Mulej togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-​għoljiet, lejha għad jiġru l-​ġnus kollha.”—Isaija 2:2.

13. Liema żjieda rajt int fost il-​poplu taʼ Ġeħova?

13 Kliem Isaija ma naqasx milli jseħħ. Fl-​1919, bil-​qlubija l-​fdal midluk beda kampanja t’għoti taʼ xiehda madwar id-​dinja li onorat bil-​kbir il-​qima taʼ l-​Alla l-​veru. Fis-​snin 30, sar evidenti li n-​“nagħaġ oħrajn” kienu qed jinġabru. (Ġwanni 10:16) L-​ewwel bdew ġejjin eluf, imbagħad mijiet t’eluf, u issa miljuni qed jappoġġaw il-​qima vera! F’viżjoni li ngħata l-​appostlu Ġwanni, huma deskritti bħala “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.” (Rivelazzjoni 7:9) X’rajt int matul ħajtek? Kemm kien hemm Xhieda taʼ Ġeħova fuq l-​art meta int sirt taf bil-​verità? Illum, dawk li jaqdu lil Ġeħova jammontaw għal iktar minn 6,700,000 persuna. Billi ħeles lill-​poplu tiegħu minn Babilonja l-​Kbira, Ġeħova fetaħ it-​triq għal żjieda taʼ l-​għaġeb li issa qed narawha fuq skala globali.

14. Liema ħelsien għad irid jiġi?

14 Għemil ieħor taʼ ħelsien għadu ġej—wieħed li se jinvolvi lil kulmin jinsab fuq wiċċ l-​art. F’wirja taʼ l-​għaġeb tal-​qawwa, Ġeħova se jeqred lil dawk kollha li jopponuh, u se jeħles lill-​poplu tiegħu għal ġo dinja ġdida fejn se tgħammar il-​ġustizzja. Kemm se jkun meraviljuż li naraw it-​tmiem tal-​ħażen u l-​bidu taʼ l-​iktar żmien glorjuż fl-​istorja umana kollha!—Rivelazzjoni 21:​1-4.

Il-​Protezzjoni taʼ Ġeħova fi Żmienna

15. Għala kien hemm bżonn tal-​protezzjoni taʼ Ġeħova fi żmienna?

15 Bħalma rajna, l-​Iżraelin taʼ żmien Ġożwè kellhom bżonn il-​protezzjoni taʼ Ġeħova. Il-​poplu taʼ Ġeħova għandu bżonn din il-​protezzjoni llum? Dażgur li iva! Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu: “Jagħtukom f’idejn min iġagħalkom issofru u joqtlukom, u tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mattew 24:9) Tul is-​snin, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’ħafna pajjiżi ssaportew oppożizzjoni ħarxa u persekuzzjoni kiefra. Però, Ġeħova wera li kien mal-​poplu tiegħu. (Rumani 8:31) Il-​Kelma tiegħu tiżgurana li xejn—‘ebda arma magħmula kontrina’—ma se twaqqaf ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim tas-​Saltna.—Isaija 54:17.

16. Liema evidenza rajt dwar li Ġeħova jipproteġi lill-​poplu tiegħu?

16 Minkejja l-​mibegħda tad-​dinja, il-​poplu taʼ Ġeħova kompla jiżdied. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova qed ikomplu jiżdiedu f’236 pajjiż—tabilħaqq, evidenza konvinċenti li Ġeħova hu magħna biex jipproteġina minn dawk li jixtiequ jeqirduna jew isikktuna. Tistaʼ tiftakar l-​ismijiet taʼ xi mexxejja politiċi jew reliġjużi setgħanin li matul ħajtek ħaqru bl-​ikrah lill-​poplu t’Alla? Xi ġralhom? Fejn jinsabu issa? Ħafna minnhom inġiebu fix-​xejn, eżatt bħall-​Fargħun fi żmien Mosè u Ġożwè. U xi ngħidu għall-​qaddejja t’Alla fi żmienna li mietu leali? Huma jinsabu protetti fil-​memorja taʼ Ġeħova. Ma jistgħux ikunu iktar fis-​sigurtà minn hekk. Jidher ċar li fejn tidħol il-​protezzjoni, il-​kliem taʼ Ġeħova wera li hu minnu.

Ġeħova Jieħu Ħsieb il-​Poplu Tiegħu Llum

17. Ġeħova x’wiegħed rigward l-​ikel spiritwali?

17 Ġeħova ħa ħsieb il-​poplu tiegħu fix-​xagħri u hu jieħu ħsiebhom illum. Aħna mitmugħin spiritwalment mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Aħna nirċievu l-​għarfien tal-​veritajiet spiritwali li kienu miżmumin sigrieti għal sekli sħaħ. L-​anġlu qal lil Danjel: “Agħlaq dan id-​diskors u ssiġilla l-​ktieb saż-​żmien taʼ l-​aħħar. Ħafna bnedmin għad jifluh sewwa u jikbru fl-​għaqal.”—Danjel 12:4.

18. Għala jistaʼ jingħad li l-​għarfien veru huwa abbundanti llum?

18 Aħna issa qed ngħixu fiż-​żmien taʼ l-​aħħar, u l-​għarfien veru huwa tassew abbundanti. Madwar id-​dinja, l-​ispirtu qaddis wassal lil dawk li jħobbu l-​verità għal għarfien eżatt taʼ l-​Alla l-​veru u l-​iskopijiet tiegħu. Il-​Bibbji huma abbundanti fuq l-​art illum, bħalma huma abbundanti l-​pubblikazzjonijiet li jgħinu lin-​nies jifhmu l-​veritajiet prezzjużi li fiha l-​Bibbja. Per eżempju, ikkunsidra l-​werrej fil-​pubblikazzjoni għall-​istudju Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? a Fost il-​kapitli hemm: “X’Inhi l-​Verità dwar Alla?,” “Fejn Huma l-​Mejtin?,” “X’Inhi s-​Saltna t’Alla?,” u “Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?” Il-​bnedmin ħasbu ħafna dwar mistoqsijiet bħal dawn għal eluf taʼ snin. Issa t-​tweġibiet huma disponibbli bla diffikultà. Anki wara sekli sħaħ li n-​nies ma kellhomx għarfien tal-​Bibbja u li l-​Kristjaneżmu għallem lin-​nies tagħlim apostata, il-​Kelma t’Alla għadha siewja, u qed issaħħaħ lil kulmin jixxennaq biex jaqdi lil Ġeħova.

19. Liema wegħdi rajt jitwettqu, u għal liema konklużjoni wasalt?

19 M’għandniex xi ngħidu, minn dak li rajna b’għajnejna stess, nistgħu ngħidu: “Ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!” (Ġożwè 23:14) Ġeħova jeħles, jipproteġi, u jieħu ħsieb il-​qaddejja tiegħu. Tistaʼ ssemmi xi wegħda li naqset milli sseħħ fiż-​żmien imwaqqat tiegħu? Dan m’huwiex possibbli. Aħna b’mod għaqli nafdaw fil-​Kelma t’Alla li hi taʼ min joqgħod fuqha.

20. Għala nistgħu nħarsu lejn il-​futur b’fiduċja?

20 Xi ngħidu dwar il-​futur? Ġeħova qalilna li ħafna minna nistgħu nittamaw li ngħixu fuq art mibdula f’ġenna pjaċevoli. Ftit minna għandna t-​tama li naħkmu maʼ Kristu fis-​sema. Hi x’inhi t-​tama tagħna, għandna kull raġuni biex nibqgħu leali bħalma għamel Ġożwè. Il-​jum se jasal meta t-​tama tagħna se sseħħ fir-​realtà. Imbagħad se nħarsu lura lejn il-​wegħdi kollha li għamel Ġeħova, u aħna wkoll se ngħidu: ‘Kollha seħħew.’

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tispjega?

• Ġożwè ra t-​twettiq taʼ liema wegħdi taʼ Ġeħova?

• Int liema wegħdi divini rajt jitwettqu?

• Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti rigward il-​kelma t’Alla?

[Stampa f’paġna 23]

Ġeħova ndaħal biex jeħles lill-​poplu tiegħu

[Stampa f’paġna 23]

Ġeħova kif ipproteġa lill-​poplu tiegħu ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar?

[Stampa f’paġna 24]

Ġeħova kif ħa ħsieb il-​poplu tiegħu fix-​xagħri?

[Stampi f’paġna 25]

Ġeħova jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja