LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 12/1 pp. 9-12
  • Dak li Ftakar Ġożwè

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dak li Ftakar Ġożwè
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minn Ilsir għal Kmandant
  • Bħala l-​Qaddej taʼ Mosè
  • Spija f’Kangħan
  • Inkarigat Bħala s-​Suċċessur taʼ Mosè
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġożwè
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova għażel lil Ġożwè
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Afda fil-Mexxej attiv tagħna—Il-Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Ix-Xemx Ma Tiċċaqlaqx
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 12/1 pp. 9-12

Dak li Ftakar Ġożwè

“MOSÈ, il-​qaddej tiegħi, miet,” qal Jehovah. “Issa qum u aqsam dan il-​Ġordan, int u dan il-​poplu kollu taʼ Iżrael, lejn l-​art li jien se nagħtihom.” (Ġożwè 1:2) X’għadma iebsa kellu quddiemu Ġożwè! Hu kien serva bħala l-​qaddej taʼ Mosè għal kważi 40 sena. Issa ntqallu biex jieħu l-​post taʼ sidu u jdaħħal fl-​Art Imwiegħda lil ulied Iżrael li spiss kienu wħud diffiċli.

Hekk kif Ġożwè mmedita dwar dak li kellu quddiemu, forsi bdew għaddejjin minn moħħu l-​provi li kien ħabbat wiċċu magħhom u għelibhom. Bla dubju, dak li ftakar Ġożwè kien t’għajnuna imprezzabbli għalih lura dak iż-​żmien, u jistaʼ jkun t’għajnuna wkoll għall-​Kristjani llum.

Minn Ilsir għal Kmandant

Parti minn dak li ftakar Ġożwè kienet is-​snin twal li qattaʼ bħala lsir. (Eżodu 1:​13, 14; 2:23) Peress li l-​Bibbja ma tagħtiniex id-​dettalji kollha, nistgħu biss nimmaġinawh dak li għadda minnu Ġożwè f’dak il-​perijodu. Jistaʼ jkun li Ġożwè tgħallem ikun organizzatur tajjeb matul is-​servizz tiegħu fl-​Eġittu, u jistaʼ jkun ukoll li għen fl-​organizzar tal-​ħarba tal-​Lhud u l-​“kotra kbira taʼ nies” minn dak il-​pajjiż.—Eżodu 12:38.

Ġożwè kien parti minn familja tat-​tribù t’Efrajm. Nannuh Elisama kien il-​prinċep tat-​tribù u milli jidher mexxa 108,000 raġel armat taʼ waħda mit-​taqsimiet bi tliet tribujiet taʼ Iżrael. (Numri 1:​4, 10, 16; 2:​18-24; 1 Kronaki 7:​20, 26, 27) Madankollu, meta l-​Għamalekin attakkaw lil Iżrael ftit wara li l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, Mosè talab lil Ġożwè biex jorganizza d-​difiża. (Eżodu 17:​8, 9a) Għala għażel lil Ġożwè u mhux, per eżempju, lil nannuh jew lil missieru? Suġġeriment wieħed jgħid: “Bħala prinċep tat-​tribù importanti t’Efrajm, u bħala wieħed diġà magħruf sew għas-​sengħa tiegħu fl-​organizzar, u wieħed fdat bis-​sħiħ min-​nies, lejn [Ġożwè] dar Mosè bħala l-​mexxej l-​iktar kwalifikat biex jagħżel u jorganizza l-​gwerriera.”

Hi x’inhi r-​raġuni, meta ntgħażel, Ġożwè għamel preċiż dak li kkmandah Mosè. Għalkemm l-​Iżraelin kienu bla esperjenza taʼ xejn f’dik li hi gwerra, Ġożwè kien konvint li se jgħinhom Alla. Għalhekk, meta Mosè qallu, “jien noqgħod wieqaf fuq il-​quċċata taʼ l-​għolja, bil-​ħatar taʼ Alla f’idi,” dan kien biżżejjed għalih. Ġożwè bilfors li ftakar li Jehovah kien għadu kif ġab fix-​xejn l-​aqwa potenza militari taʼ dak iż-​żmien. L-​għada, meta Mosè għolla idejh u żammhom mgħollijin sa nżul ix-​xemx, ebda għadu ma setaʼ jieqaf kontra l-​Iżraelin, u l-​Għamalekin għebu. Imbagħad Jehovah ikkmanda lil Mosè biex jikteb fi ktieb u ‘jaqra f’widnejn Ġożwè’ d-​digriet divin: “Jien neqred għalkollox it-​tifkira taʼ Għamalek minn taħt is-​sema.” (Eżodu 17:9b-14) Iva, Jehovah ċertament li se jesegwixxi din is-​sentenza.

Bħala l-​Qaddej taʼ Mosè

L-​episodju maʼ Għamalek bilfors li ħoloq relazzjoni saħansitra eqreb bejn Ġożwè u Mosè. Ġożwè kellu l-​unur li jkun il-​ministru, jew “qaddej,” persunali taʼ Mosè “minn ċkunitu” sa dakinhar li miet Mosè, perijodu taʼ xi 40 sena.—Numri 11:28.

Din il-​kariga kienet tfisser privileġġi u responsabbiltajiet. Per eżempju, meta Mosè, Aron, ulied Aron, u 70 mill-​irġiel ixjeħ taʼ Iżrael telgħu fuq il-​Muntanja Sinaj u raw viżjoni tal-​glorja taʼ Jehovah, Ġożwè x’aktarx li kien magħhom. Fl-​irwol tiegħu bħala qaddej, hu telaʼ iktar ’il fuq maʼ Mosè fuq il-​muntanja u milli jidher qagħad ftit ’il bogħod meta Mosè daħal fis-​sħaba li kienet tissimbolizza l-​preżenza taʼ Jehovah. B’mod rimarkevoli, donnu jidher li Ġożwè baqaʼ fuq il-​muntanja 40 jum u 40 lejl. Hu stenna lealment li jirritorna sidu, għax meta Mosè beda nieżel bit-​twavel tat-​Testimonjanza, Ġożwè kien hemmhekk biex jiltaqaʼ miegħu.—Eżodu 24:​1, 2, 9-18; 32:​15-17.

Wara l-​inċident taʼ l-​idolatrija taʼ l-​Iżraelin bl-​għoġol tad-​deheb, Ġożwè kompla jaqdi bħala l-​qaddej taʼ Mosè fit-​tinda tal-​laqgħa ’l barra mill-​kamp. Hemmhekk Jehovah kellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ. Imma meta Mosè mar lura lejn il-​kamp, Ġożwè “ma kienx joħroġ mit-​tinda.” Forsi l-​preżenza tiegħu hemmhekk kienet meħtieġa biex ma jħallix lill-​Iżraelin jidħlu fit-​tinda fl-​istat maħmuġ tagħhom. Kemm ħadha bis-​serjetà Ġożwè din ir-​responsabbiltà!—Eżodu 33:​7, 11.

Is-sħubija maʼ Mosè, li, skond Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-​istorja, kien 35 sena akbar minn Ġożwè, bilfors li saħħet immensament il-​fidi taʼ Ġożwè. Ir-​relazzjoni tagħhom issejħet “il-​kuntatt tal-​maturità maż-​żgħożija, taʼ l-​għalliem maʼ l-​istudent,” u minħabba f’hekk Ġożwè sar “raġel sod, taʼ min jafdah.” F’nofsna llum m’għandniex profeti bħal Mosè, imma l-​kongregazzjonijiet tal-​poplu taʼ Jehovah jinkludu rġiel ixjeħ li, minħabba l-​esperjenza u l-​ispiritwalità tagħhom, huma sors veru taʼ saħħa u inkuraġġiment. Tapprezzahom int? U qiegħed tibbenefika billi tissieħeb magħhom?

Spija f’Kangħan

Episodju kruċjali fil-​ħajja taʼ Ġożwè seħħ ftit wara li Iżrael irċieva l-​Liġi. Hu ntgħażel biex jirrappreżenta lit-​tribù tiegħu u jispija l-​Art Imwiegħda. L-​istorja hija magħrufa sew. It-​tnax-il spija kollha qablu li l-​art tabilħaqq li kienet “tnixxi ħalib u għasel,” sewwa sew bħalma kien wiegħed Jehovah. Madankollu, għaxra minnhom ma kellhomx fidi u beżgħu li Iżrael ma setax ikeċċihom lill-​abitanti taʼ din l-​art. Kienu biss Ġożwè u Kaleb li ħeġġew lin-​nies biex ma jirribellawx bil-​biżaʼ, għax Jehovah żgur li kien se jkun magħhom. Għal dan, il-​ġemgħa kollha pprotestat u bdiet titkellem biex tħaġġarhom it-​tnejn li huma. Forsi hekk kienu jagħmlu li kieku Jehovah ma ndaħalx b’manifestazzjoni tal-​glorja tiegħu. Minħabba n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom, Alla qatagħha li ħadd minn dawk li kienu reġistrati f’Iżrael minn 20 sena ’l fuq ma kien se jibqaʼ ħaj biex jidħol f’Kangħan. Minn dawn, Ġożwè, Kaleb, u l-​Leviti biss baqgħu ħajjin.—Numri 13:​1-16, 25-29; 14:​6-10, 26-30.

Mhux in-​nies kollha kienu rawhom l-​atti setgħana taʼ Jehovah fl-​Eġittu? X’kien, allura, li bis-​saħħa tiegħu Ġożwè setaʼ jkollu fidi fl-​għajnuna t’Alla waqt li l-​maġġuranza ddubitaw? Ġożwè bilfors li żamm ċar f’moħħu dak kollu li Jehovah kien wiegħed u għamel, u hu mmedita dwar dan. Snin wara, hu setaʼ jgħid li ‘ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamel il-​Mulej . . . [lil Iżrael] ma naqset. Kollha seħħulhom.’ (Ġożwè 23:14) Ġożwè b’hekk kellu l-​fidi li l-​wegħdi kollha li kien għamel Jehovah rigward il-​futur kienu wkoll ċerti li se jitwettqu. (Lhud 11:6) Dan għandu jqanqal lil dak li jkun biex jistaqsi: ‘Xi ngħid għalija? L-​isforz li ddedikajt biex nistudja l-​wegħdi taʼ Jehovah u nimmedita dwarhom ikkonvinċieni li dawn huma taʼ min jafdahom? Nemmen jien li Alla jistaʼ jipproteġini flimkien mal-​poplu tiegħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja?’

Ġożwè mhux biss eżerċita l-​fidi imma wkoll wera kuraġġ morali. Hu u Kaleb kienu waħedhom, u l-​ġemgħa kollha tkellmet biex tħaġġarhom. Kif kont tħossok int? Imbeżżaʼ? Imma, mhux Ġożwè. Hu u Kaleb qalu b’mod sod dak li kienu jemmnu. Il-​lealtà lejn Jehovah tistaʼ tirrikjedi li xi darba aħna nagħmlu l-​istess.

L-​istorja dwar l-​ispiji tgħidilna wkoll li isem Ġożwè nbidel. Maʼ l-​isem oriġinali tiegħu, Ħosegħa, li jfisser “Salvazzjoni,” Mosè żied is-​sillaba li tindika l-​isem t’Alla u semmieh Jeħoxuha, jew Ġożwè—“Jehovah Hu Salvazzjoni.” Is-​Settanta tittraduċi ismu bħala “Ġesù.” (Numri 13:​8, 16) Fi qbil maʼ dan l-​isem kbir, Ġożwè ddikjara bi qlubija li Jehovah hu salvazzjoni. Il-​bdil taʼ isem Ġożwè ma setax sar mingħajr intenzjoni. Dan irrifletta l-​istima li kellu Mosè lejn il-​karattru taʼ Ġożwè u kien jaqbel maʼ l-​irwol privileġġat li kien se jwettaq Ġożwè meta jdaħħal ġenerazzjoni ġdida fl-​Art Imwiegħda.

Hekk kif missirijiethom mietu wieħed wara l-​ieħor, l-​Iżraelin qagħdu jiġġerrew fid-​deżert għal 40 sena taʼ tbatija kbira. Ma nafu xejn dwar Ġożwè matul dan il-​perijodu. Madankollu, bilfors li dan għallmu ħafna. Hu x’aktarx li ra b’għajnejh stess il-​ħaqq t’Alla kontra r-​ribelli Koraħ, Datan, u Abiram u kontra s-​segwaċi tagħhom u dawk li ħadu sehem fil-​qima moqżieża taʼ Bagħal taʼ Pegħor. Bla dubju bi swied il-​qalb, Ġożwè sar jaf li minħabba li Mosè ma qaddisx lil Jehovah, f’konnessjoni maʼ l-​ilmijiet taʼ Meriba, Mosè wkoll kien se jiġi eskluż milli jidħol fl-​art imwiegħda.—Numri 16:1–17:15 [16:​1-50, NW]; 20:​9-13; 25:​1-9.

Inkarigat Bħala s-​Suċċessur taʼ Mosè

Meta kien qorob biex imut, Mosè talab lil Alla ħalli jaħtar is-​suċċessur tiegħu sabiex l-​Iżraelin ma jsirux “bħal merħla bla ragħaj.” Kif wieġeb Jehovah? Ġożwè, “bniedem taʼ spirtu,” kellu jiġi inkarigat quddiem il-​ġemgħa kollha. Kellhom jagħtuh widen. X’rakkomandazzjoni! Jehovah kien ra l-​fidi u l-​abbiltà taʼ Ġożwè. It-​tmexxija taʼ l-​Iżraelin ma setgħetx tiġi fdata f’idejn individwu iktar kwalifikat. (Numri 27:​15-20) Xorta waħda, Mosè kien jaf li Ġożwè kellu jiffaċċja sfidi enormi. Għalhekk, Mosè ħeġġeġ lis-​suċċessur tiegħu biex ‘jagħmel il-​ħila u jqawwi qalbu,’ għax Jehovah kien se jkompli miegħu.—Dewteronomju 31:​7, 8.

Alla nnifsu rripetielu l-​istess inkuraġġiment lil Ġożwè, u żied: “Qis li tagħmel il-​liġi kollha li ordnalek Mosè, il-​qaddej tiegħi; la tilwix minnha, la lejn il-​lemin u lanqas lejn ix-​xellug, biex ikollok ir-​riżq f’kull ma tagħmel. Ma jitbiegħed qatt il-​ktieb taʼ din il-​liġi minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f’għemilek u jkollok ir-​riżq. M’hux dan il-​kmand tiegħi? Agħmel il-​ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-​Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.”—Ġożwè 1:​7-9.

Kif setaʼ jkollu xi dubju Ġożwè, bil-​kliem taʼ Jehovah jidwi f’widnejh u bl-​esperjenza li kien kiseb diġà? Il-​konkwista tal-​pajjiż kienet assigurata. M’għandniex xi ngħidu, kienu se jqumu xi diffikultajiet. Waħda minnhom, li ma kinitx l-​inqas waħda, kienet l-​ewwel sfida, li jaqsam ix-​Xmara Ġordan meta tkun mimlija sax-​xifer. Madankollu, Jehovah innifsu kien ikkmanda: “Qum u aqsam dan il-​Ġordan.” Għalhekk, xi problema setaʼ jkun hemm?—Ġożwè 1:2.

Ġrajjiet suċċessivi li seħħew fil-​ħajja taʼ Ġożwè—il-​konkwista taʼ Ġeriko, it-​trażżin progressiv taʼ l-​għedewwa tagħhom, u t-​tqassim taʼ l-​art—jirrivelaw li hu qatt ma nsiehom il-​wegħdi t’Alla. Qrib it-​tmiem taʼ ħajtu, meta Jehovah kien serraħ lill-​Iżraelin mill-​għedewwa tagħhom, Ġożwè ġabar lin-​nies biex ifakkarhom dwar kif Alla ttratta magħhom u biex iħeġġiġhom jaqduH b’qalbhom kollha. Minħabba f’hekk, l-​Iżraelin ġeddew solennement il-​patt tagħhom maʼ Jehovah, u bla dubju ispirati mill-​eżempju tal-​mexxej tagħhom, “Iżrael qeda lill-​Mulej il-​jiem kollha taʼ Ġożwè.”—Ġożwè 24:​16, 31.

Ġożwè jipprovdilna eżempju eċċellenti. Il-​Kristjani llum jiffaċċjaw għadd taʼ testijiet taʼ fidi. Il-​fatt li ngħaddu minnhom b’suċċess huwa vitali biex inżommu l-​approvazzjoni taʼ Jehovah u finalment biex nirtu l-​wegħdi tiegħu. Is-​suċċess taʼ Ġożwè kien jiddependi mill-​fidi qawwija tiegħu. Huwa minnu li aħna ma rajniex l-​atti setgħana t’Alla bħalma ra Ġożwè, imma jekk ikun hawn xi ħadd li jiddubita, il-​ktieb Bibliku li jġorr l-​isem taʼ Ġożwè jipprovdi xiehda taʼ wieħed li ra b’għajnejh stess kemm hi taʼ min jafdaha l-​kelma taʼ Jehovah. Bħal Ġożwè, aħna niġu assigurati li jkollna l-​għerf u s-​suċċess jekk naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nieħdu ħsieb li nipprattikawha f’ħajjitna.

Tħossok kultant urtat mill-​kondotta taʼ sħabek il-​Kristjani? Ġib quddiem għajnejk is-​sabar taʼ Ġożwè matul l-​40 sena li kien obbligat, u mhux ħtija tiegħu, li jiġġerra fid-​deżert maʼ sħabu li ma kellhomx fidi. Issibha diffiċli int biex tiddefendi dak li temmen? Ftakar x’għamlu Ġożwè u Kaleb. Talli kellhom il-​fidi u obdew, irċivew premju mill-​isbaħ. Iva, Ġożwè verament kellu fidi li Jehovah kien se jwettaq dak kollu li wiegħed. Jalla aħna jkollna l-​istess fidi.—Ġożwè 23:14.

[Stampa f’paġna 10]

Is-​sħubija maʼ Mosè saħħet il-​fidi taʼ Ġożwè

[Stampa f’paġna 10]

Ġożwè u Kaleb kellhom fiduċja fil-​qawwa taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 10]

It-​tmexxija taʼ Ġożwè ispirat lin-​nies biex jibqgħu leali lejn Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja