LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 53 p. 268-p. 271 para. 1
  • Kif Tiġi Inkuraġġita u Msaħħa l-​Udjenza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tiġi Inkuraġġita u Msaħħa l-​Udjenza
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • “Ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Nimitaw lil Ġeħova—Alla li jagħti l-inkuraġġiment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Inkuraġġixxu lil xulxin “iktar u iktar”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Kompli uri mħabba li tibni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 53 p. 268-p. 271 para. 1

STUDJU 53

Kif Tiġi Inkuraġġita u Msaħħa l-​Udjenza

X’hemm bżonn tagħmel?

Agħti tama jew kuraġġ lil dawk fl-​udjenza tiegħek. Qawwihom u saħħaħhom.

Għala importanti?

In-​nies għandhom pressjoni kbira mid-​dinja. Ħafna jħossuhom skuraġġiti. Dak li jgħid kelliemi u kif jgħidu jistaʼ jeffettwa ħafna lill-​udjenza tiegħu.

MINKEJJA l-​problemi li jiffaċċjaw, il-​qaddejja taʼ Alla għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-​inkuraġġiment fil-​kongregazzjoni Kristjana. Għal din ir-​raġuni, l-​anzjani speċjalment għandhom ikunu ċerti li t-​taħditiet u l-​pariri tagħhom ikunu inkuraġġanti. L-​anzjani għandhom juru li huma “bħal post taʼ kenn mir-​riħ u lqugħ mill-​maltempata tax-​xita, bħal nixxigħat taʼ l-​ilma f’art bla ilma, bħad-​dell taʼ blata kbira f’art niexfa.”—Is. 32:2.

Jekk int anzjan, it-​taħditiet tiegħek jipprovdu serħan u faraġ? Iqawwu lil dawk li qed jistinkaw biex jaqdu lil Ġeħova lealment? Jagħtuhom is-​saħħa biex jibqgħu jistinkaw ħalli jagħmlu r-​rieda taʼ Alla minkejja l-​apatija jew l-​oppożizzjoni taʼ ħafna nies? Xi ngħidu jekk xi wħud fl-​udjenza tiegħek huma dipressi, qed ibatu mit-​toqol taʼ pressjonijiet ekonomiċi ebsin, jew qed jiġġieldu kontra mard serju li għalih m’hawn ebda kura magħrufa? Int tistaʼ ‘ssaħħaħ lil ħutek bi kliem fommok.’—Ġob 16:5.

Uża l-​opportunità li għandek bħala kelliemi biex tgħin lil ħutek jiksbu tama u saħħa minn Ġeħova u mill-​provvedimenti li jagħti.—Rum. 15:13; Efes. 6:10.

Fakkarhom X’Għamel Ġeħova. Mod importanti kif tagħti kuraġġ hu billi turi kif Ġeħova għen lin-​nies tiegħu jgħaddu minn diffikultajiet fil-​passat.—Rum. 15:4.

Ġeħova qal lil Mosè biex ‘jinkuraġġixxi’ u ‘jsaħħaħ’ lil Ġożwè qabel ma Israel daħal fl-​Art Imwiegħda, li f’dak iż-​żmien kienet okkupata mill-​ġnus għedewwa. Mosè kif għamel dan? Fil-​preżenza taʼ Ġożwè, hu fakkar lill-​ġens kollu dwar l-​affarijiet li Ġeħova kien għamel għalihom meta telqu mill-​Eġittu. (Dt. 3:28; 7:18) Mosè rrakkonta wkoll ir-​rebħiet li Ġeħova kien tahom kontra l-​Amurrin. Imbagħad, Mosè ħeġġeġ lil Ġożwè: “Kun kuraġġuż u agħmel il-​ħila.” (Dt. 31:1-​8) Meta tipprova tinkuraġġixxi lil ħutek, tgħinhom int jiksbu s-​saħħa billi tfakkarhom x’għamel diġà għalihom Ġeħova?

Kultant xi individwi tant ikunu mifnijin bil-​problemi tagħhom li jiddubitaw jekk qatt xi darba humiex se jesperjenzaw il-​barkiet tas-​Saltna. Fakkarhom kemm il-​wegħdi taʼ Ġeħova huma taʼ min joqgħod fuqhom.—Ġoż. 23:14.

F’xi pajjiżi, ħutna jiffaċċjaw digrieti tal-​gvern li jipprojbixxu l-​ippritkar tal-​aħbar tajba. F’każi bħal dawn, anzjani kollhom imħabba jistgħu jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin jissaħħu mill-​esperjenzi tal-​appostli taʼ Ġesù Kristu. (Atti 4:1–5:42) U jekk tenfasizza l-​mod kif Alla mexxa l-​ġrajjiet kif inhuma mniżżlin fil-​ktieb taʼ Ester, żgur li se tqanqal lill-​aħwa biex jagħmlu l-​qalb.

Kultant ikun hemm individwi li jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni imma ma jagħmlux iktar progress. Jistgħu jħossu li Alla qatt ma jistaʼ jaħfrilhom minħabba li l-​ħajja li kienu jgħixu qabel kienet tassew ħażina. Forsi tistaʼ tgħidilhom dwar kif Ġeħova ttratta mas-​Sultan Manasse. (2 Kron. 33:1-​16) Jew forsi tkellimhom dwar nies f’Korintu tal-​qedem li bidlu ħajjithom, saru Kristjani, u ġew dikjarati ġusti minn Alla.—1 Kor. 6:9-​11.

Hemm ċerti wħud li jħossu li l-​problemi li qed jesperjenzaw jindikaw li tilfu l-​favur taʼ Alla? Tistaʼ tfakkarhom dwar dak li esperjenza Ġob u kif ġie mbierek b’mod għani minħabba li żamm sod l-​integrità tiegħu lejn Ġeħova. (Ġob 1:1-​22; 10:1; 42:12, 13; Salm 34:19) Il-​farraġa foloz taʼ Ġob argumentaw b’mod żbaljat li Ġob żgur ikkommetta xi dnub. (Ġob 4:7, 8; 8:5, 6) B’kuntrast, meta Pawlu u Barnaba saħħew lid-​dixxipli u bdew “jinkuraġġuhom biex jibqgħu fil-​fidi,” huma qalu: “Jeħtieġ li fis-​saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.” (Atti 14:21, 22) B’mod simili llum, int tistaʼ ssaħħaħ lil dawk li qed jgħaddu minn provi billi ssemmilhom li s-​sabar fit-​tribulazzjoni huwa meħtieġ mill-​Kristjani kollha u hu taʼ valur kbir mill-​ħarsa taʼ Alla.—Prov. 27:11; Mt. 24:13; Rum. 5:3, 4; 2 Tim. 3:12.

Ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħek jaħsbu dwar modi kif Ġeħova wettaq il-​wegħdi tiegħu f’ħajjithom stess. Bi ftit tfakkiriet, forsi jaraw kif Ġeħova diġà aġixxa għalihom personalment, sewwasew bħalma wiegħed. F’​Salm 32:8 naqraw: “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” Billi tgħin lis-​semmiegħa tiegħek jiftakru kif Ġeħova ggwidahom jew saħħaħhom, int se tgħinhom jaraw b’mod tassew persunali li Ġeħova jimpurtah minnhom u li hu verament se jgħinhom fi kwalunkwe prova li jiffaċċjaw bħalissa.—Is. 41:10, 13; 1 Pt. 5:7.

Tgħaxxaq b’Dak li Qed Jagħmel Alla Issa. Meta tipprova tħeġġeġ lil ħutek, iġbed l-​attenzjoni lejn dak li qed jagħmel Ġeħova bħalissa. Jekk titkellem dwar dawn l-​affarijiet b’tali mod li turi li int titgħaxxaq bihom se tqanqal sentimenti simili f’qalb is-​semmiegħa tiegħek.

Ikkunsidra kif Ġeħova jgħinna nkampaw mal-​pressjonijiet tal-​ħajja. Hu jurina l-​aħjar mod kif ngħixu. (Is. 30:21) Hu jispjega r-​raġuni għall-​kriminalità, l-​inġustizzja, il-​faqar, il-​mard, u l-​mewt u jgħidilna kif se jtemmhom kollha kemm huma. Hu jdawwarna bi fratellanza kollha mħabba. Jagħtina r-​rigal prezzjuż tat-​talb. Jafdana bil-​privileġġ li nkunu x-​Xhieda tiegħu. Jiftħilna għajnejna biex naraw li Kristu diġà ħa t-​tron fis-​sema u li l-​aħħar jiem tas-​sistema l-​qadima resqin bil-​ħeffa lejn tmiemhom.—Riv. 12:1-​12.

Minbarra dawn il-​barkiet għandna wkoll il-​laqgħat Kristjani, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna. Meta titkellem dwar dawn il-​provvedimenti b’tali mod li turi apprezzament ġenwin għalihom, int se ssaħħaħ id-​determinazzjoni taʼ oħrajn biex ma jittraskurawx il-​laqgħat li jkollhom maʼ ħuthom.—Ebr. 10:23-​25.

Rapporti li jagħtu evidenza tal-​barka taʼ Ġeħova fuq l-​isforzi tagħna fil-​ministeru tal-​għalqa huma bl-​istess mod sors taʼ inkuraġġiment. Fl-​ewwel seklu, meta Pawlu u Barnaba kienu sejrin lejn Ġerusalemm, huma ġabu “ferħ kbir lill-​aħwa kollha” billi rrakkontawlhom fid-​dettall dwar il-​konverżjoni tan-​nies tal-​ġnus. (Atti 15:3) Int ukoll tistaʼ ġġib ferħ lill-​aħwa billi taqsam magħhom esperjenzi inkuraġġanti.

Se tinkuraġġixxi wkoll meta tgħin lil individwi jaraw il-​valur taʼ dak li qed jagħmlu. Faħħarhom għas-​sehem li qed ikollhom fil-​ministeru Kristjan. Faħħar lil dawk li l-​attività tagħhom hija limitata ħafna minħabba l-​età avanzata u l-​mard imma li qed jibqgħu jissaportu lealment. Fakkarhom li Ġeħova ma jinsiex l-​imħabba li wrew għal ismu. (Ebr. 6:10) Il-​fidi li tkun ġiet imġarrba mill-​provi hija imprezzabbli. (1 Pt. 1:6, 7) Ħutna jeħtieġu li jiġu mfakkrin dwar dan.

Tkellem Minn Qalbek Dwar it-​Tama li Għandna Quddiemna. Il-​wegħdi ispirati taʼ affarijiet li se jseħħu huma sors ewlieni taʼ inkuraġġiment għal dawk kollha li jħobbu ’l Alla. Forsi ħafna fl-​udjenza tiegħek semgħu dawn l-​espressjonijiet spiss. Imma permezz tal-​apprezzament li turi meta titkellem dwar dawn il-​wegħdi, int tistaʼ tagħmilhom reali, tqanqal fiduċja fit-​twettiq tagħhom, u ġġiegħel il-​qlub ifuru bil-​gratitudni. Tistaʼ tiġi megħjun tagħmel dan jekk tapplika dak li tgħallimt fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.

Ġeħova nnifsu hu s-​sors primarju tal-​inkuraġġiment u s-​saħħa għall-​poplu tiegħu. Madankollu, int tistaʼ tikkoopera miegħu fl-​għoti taʼ dawn il-​barkiet. Meta tkellem lill-​kongregazzjoni, uża tajjeb l-​opportunità biex tagħmel dan.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Meta tħejji taħdita, fakkar lilek innifsek dwar il-​problemi li jiffaċċjaw dawk fl-​udjenza tiegħek. Ikkunsidra b’attenzjoni kif tistaʼ tinkuraġġihom u ssaħħaħhom.

  • Uża sew il-​Kelma taʼ Alla. Uri kif dak li tgħid il-​Bibbja hu konness mas-​sitwazzjonijiet li niffaċċjaw.

  • Tkellem b’mod sinċier u mill-​qalb.

TAĦRIĠ: Meta tagħmel il-​qari tal-​Bibbja jew l-​istudju persunali tiegħek din il-​ġimgħa, agħżel porzjon li tħoss li tistaʼ tużah biex tinkuraġġixxi lil oħrajn. Aqsmu maʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja