LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 7 pp. 60-69
  • X’Jgħallimna l-Fatt li Alla Jippermetti l-Ħażen?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Jgħallimna l-Fatt li Alla Jippermetti l-Ħażen?
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minħabba l-​Kbir Ismu
  • ‘Kemm Hu Kbir l-​Għerf t’Alla!’
  • Opportunità biex Nuru d-​Devozzjoni Tagħna
  • Dak li Nitgħallmu mill-Fatt li Alla Jippermetti l-Ħażen
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Nistgħu Nibbenefikaw Billi Nissaportu t-Tbatija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 7 pp. 60-69

Kapitlu Sebgħa

X’Jgħallimna l-​Fatt li Alla Jippermetti l-​Ħażen?

1, 2. (a) Li kieku Jehovah qered minnufih lir-​ribelli fl-​Għeden, dan kif kien se jeffettwana? (b) Liema provvedimenti taʼ mħabba għamel disponibbli għalina Jehovah?

“FTIT u ħżiena kienu jiemi u snin ħajti,” qal il-​patrijarka Ġakobb. (Ġenesi 47:9) B’mod simili, Ġob stqarr li r-​raġel “għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Bħalhom, il-​biċċa l-​kbira minna esperjenzajna diffikultajiet, inġustizzji, u saħansitra traġedji. Madankollu, il-​fatt li twelidna ma kienx xi inġustizzja min-​naħa t’Alla. Veru, aħna m’għandniex il-​perfezzjoni tal-​moħħ u l-​ġisem u d-​dar Ġenna li Adam u Eva kellhom oriġinalment. Imma xi ngħidu li kieku Jehovah qeridhom minnufih meta rribellaw? Filwaqt li ma kien ikun hemm l-​ebda mard, niket, jew mewt, lanqas ma kien ikun hemm razza umana. Kieku ma twelidniex. Bi ħniena kbira, Alla ppermetta ż-​żmien lil Adam u Eva biex ikollhom it-​tfal, avolja dawn wirtu l-​imperfezzjoni. U permezz taʼ Kristu, Jehovah ipprovdielna mezz biex nieħdu lura dak li tilef Adam—ħajja taʼ dejjem f’ġenna taʼ l-​art.—Ġwann 10:10; Rumani 5:12.

2 Kemm huwa inkuraġġanti li nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida mdawrin b’Ġenna taʼ l-​art, fejn se nkunu meħlusin mill-​mard, in-​niket, l-​uġigħ, u l-​mewt, kif ukoll min-​nies il-​ħżiena! (Proverbji 2:​21, 22; Apokalissi 21:​4, 5) Imma mir-​rakkont Bibliku nitgħallmu li, għalkemm is-​salvazzjoni persunali tagħna hija tassew importanti għalina u għal Jehovah, hemm involuta xi ħaġa ferm iktar sinifikanti.

Minħabba l-​Kbir Ismu

3. X’inhu involut rigward it-​twettiq taʼ l-​iskop taʼ Jehovah għall-​art u l-​umanità?

3 L-​isem t’Alla huwa involut fit-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu rigward l-​art u l-​umanità. Dan l-​isem, Jehovah, ifisser “Hu Jikkaġuna li Jsir.” Għalhekk, ismu jinkludi r-​reputazzjoni tiegħu bħala s-​Sovran Universali, il-​Ħallieq Grandjuż li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu, u dak Alla tal-​verità. Minħabba l-​pożizzjoni taʼ Jehovah, il-​paċi u l-​benesseri taʼ l-​univers kollu jirrikjedu li ismu, u dak kollu li jinkludi, jingħata r-​rispett kollu li jixraqlu u li kulħadd ikun ubbidjenti lejh.

4. X’kien jinkludi l-​iskop taʼ Jehovah għall-​art?

4 Wara li ħalaq lil Adam u Eva, Jehovah tahom inkarigu xi jwettqu. Hu għamilha ċara li l-​iskop tiegħu ma kienx biss biex jikkultivaw l-​art kollha—u b’hekk jestendu l-​Ġenna maʼ kullimkien—imma wkoll biex jimlewha b’nisilhom. (Ġenesi 1:28) Kien se jfalli dan l-​iskop minħabba d-​dnub tagħhom? Xi tmaqdir kien ikun għall-​isem taʼ Jehovah li jistaʼ kollox li kieku ma setax iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art u l-​umanità!

5. (a) Meta kienu se jmutu l-​ewwel bnedmin jekk jieklu mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin? (b) Jehovah kif wettaq il-​kelma tiegħu f’Ġenesi 2:17 filwaqt li żamm maʼ l-​iskop tiegħu għall-​art?

5 Jehovah kien wissa lil Adam u Eva li jekk ma jobdux u jieklu mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, kienu se jmutu “dak in-​nhar” li jieklu minnha. (Ġenesi 2:​17, korsiv tagħna.) Fi qbil mal-​kelma tiegħu, Jehovah talab kont minnhom dak in-​nhar stess li dinbu u ħabbar is-​sentenza tal-​mewt. Mill-​ħarsa t’Alla, Adam u Eva mietu dak in-​nhar stess. Madankollu, biex iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art, Jehovah ippermetta li jkollhom familja qabel ma mietu fiżikament. Minkejja dan, ladarba Alla jistaʼ jqis 1,000 sena bħala jum wieħed, meta Adam miet taʼ 930 sena, kien bħallikieku fl-​istess “jum.” (2 Pietru 3:8; Ġenesi 5:​3-5) B’hekk, ġiet appoġġata l-​verità taʼ Jehovah rigward meta kellu jitwettaq il-​kastig, u l-​iskop tiegħu għall-​art ma ġiex imfixkel b’mewthom. Imma għal xi żmien tħallew jgħixu nies imperfetti, inkluż uħud ħżiena.

6, 7. (a) Skond Eżodu 9:​15, 16, Jehovah għala jippermetti li l-​ħażen ikompli għal xi żmien? (b) Fil-​każ tal-​Fargħun, kif ġiet murija l-​qawwa taʼ Jehovah, u kif sar magħruf Ismu? (ċ) X’se jkun ir-​riżultat meta tispiċċa s-​sistema preżenti mill-​agħar?

6 Dak li Jehovah qal lill-​ħakkiem taʼ l-​Eġittu fi żmien Mosè jindika iktar għala Alla ppermetta li l-​ħażen ikompli. Meta l-​Fargħun ipprojbixxa t-​tluq taʼ wlied Iżrael mill-​Eġittu, Jehovah ma qatlux minnufih. Intbagħtu Għaxar Kastigi fuq il-​pajjiż, li wrew il-​qawwa taʼ Jehovah b’modi taʼ l-​għaġeb. Meta wissa dwar is-​sebaʼ kastig, Jehovah qal lill-​Fargħun li Hu setaʼ faċilment qered lilu u lin-​nies tiegħu minn fuq wiċċ l-​art. “Imma għalhekk,” qal Jehovah, “jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-​qawwa tiegħi u ismi jixxandar maʼ l-​art kollha.”—Eżodu 9:​15, 16.

7 Meta Jehovah ħeles lill-​Iżraelin, ismu tabilħaqq sar magħruf maʼ kullimkien. (Ġożwè 2:​1, 9-11) Illum, kważi 3,500 sena wara, dak li għamel f’dak iż-​żmien ma ntesiex. Mhux biss ġie dikjarat l-​isem persunali taʼ Jehovah imma anki l-​verità dwar Dak li jġorr dan l-​isem. Dan stabbilixxa r-​reputazzjoni taʼ Jehovah bħala dak Alla li jżomm il-​wegħdi tiegħu u li jieħu azzjoni għan-​nom tal-​qaddejja tiegħu. (Ġożwè 23:14) Dan wera li minħabba l-​qawwa kbira tiegħu, xejn ma jistaʼ jfixkel l-​iskop tiegħu. (Isaija 14:​24, 27) Għalhekk nistgħu nkunu fiduċjużi li dalwaqt se jieħu azzjoni għan-​nom tal-​qaddejja leali tiegħu billi jeqred is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana kollha. Qatt ma se tintesa din it-​turija tal-​qawwa kbira taʼ Jehovah u l-​glorja li ġġib fuq ismu. Il-​benefiċċji qatt ma se jispiċċaw.—Eżekjel 38:23; Apokalissi 19:​1, 2.

‘Kemm Hu Kbir l-​Għerf t’Alla!’

8. Pawlu liema fatturi jħeġġiġna nikkunsidraw?

8 Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu qajjem il-​mistoqsija dwar jekk hemmx xi inġustizzja m’Alla. Hu jwieġeb b’enfasi: “Ma jkun qatt”! Imbagħad, jenfasizza l-​ħniena t’Alla u jirreferi għal dak li Jehovah qal dwar għala ppermetta lill-​Fargħun jgħix ftit iktar. Pawlu juri wkoll li aħna l-​bnedmin qisna tafal f’idejn il-​fuħħari. Hu mbagħad jistqarr: “Alla li jrid juri l-​korla tiegħu u jgħarraf il-​qawwa tiegħu, issaporta b’sabar kbir l-​oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda; biex imbagħad jgħarraf l-​għana tal-​glorja tiegħu għall-​oġġetti tal-​ħniena, li hu ħejja għall-​glorja minn qabel, jiġifieri, lilna li hu sejjaħ, mhux biss mil-​Lhud, imma wkoll mill-​Ġentili.”—Rumani 9:​14-24.

9. (a) Min huma l-​“oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda”? (b) Jehovah għala wera ħafna sabar maʼ dawk li jopponuh, u x’se jkun ir-​riżultat finali għall-​benefiċċju taʼ dawk li jħobbuh?

9 Minn mindu saret ir-​ribelljoni fl-​Għeden, dawk kollha li opponew lil Jehovah u l-​liġijiet tiegħu kienu “oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda.” Matul iż-​żmien minn dakinhar ’l hawn, Jehovah wera s-​sabar. In-​nies mill-​agħar waqqgħu għaċ-​ċajt dak kollu li għamel, ippersegwitaw lill-​qaddejja tiegħu, saħansitra qatlu lil Ibnu. Waqt li kkontrolla lilu nnifsu, Jehovah ippermetta żmien biżżejjed biex il-​ħlejjaq kollha jaraw bis-​sħiħ ir-​riżultati diżastrużi tar-​ribelljoni kontra Alla u tal-​ħakma umana indipendenti minnu. Fl-​istess ħin, il-​mewt taʼ Ġesù pprovdiet il-​mezz biex tinħeles l-​umanità ubbidjenti u ‘jinħatt kull ma għamel ix-​Xitan.’—1 Ġwann 3:8; Lhud 2:​14, 15.

10. Jehovah għala ttollera l-​ħżiena għal dawn l-​aħħar 1,900 sena?

10 Matul iktar minn 1,900 sena minn mindu Ġesù ġie rxoxtat, Jehovah ittollera iktar l-​“oġġetti tal-​korla,” billi żamm milli jeqridhom. Għala? L-​ewwelnett, għax kien qed jipprepara lil dawk li għandhom jissieħbu maʼ Ġesù Kristu fis-​Saltna tiegħu tas-​sema. Dawn jgħoddu 144,000, u huma l-​“oġġetti tal-​ħniena” li tkellem dwarhom l-​appostlu Pawlu. L-​ewwel ġew mistidnin individwi minn fost il-​Lhud biex jifformaw din il-​klassi tas-​sema. Iktar tard, Alla stieden nies mill-​ġnus tal-​Ġentili. Jehovah ma sforza lil ħadd minnhom biex jaqdih. Imma minn fost dawk li wieġbu bi gratitudni għall-​provvedimenti tiegħu kollha mħabba, lil xi wħud tahom il-​privileġġ li jkunu ħakkiema flimkien maʼ Ibnu fis-​Saltna tas-​sema. Il-​preparazzjoni taʼ din il-​klassi tas-​sema issa hija kważi lesta.—Luqa 22:29; Apokalissi 14:​1-4.

11. (a) Liema grupp issa qed jibbenefika mis-​sabar taʼ Jehovah? (b) Kif se jibbenefikaw il-​mejtin?

11 Imma xi ngħidu dwar l-​abitanti bit-​tama għall-​art? Is-​sabar taʼ Jehovah għamel ukoll possibbli l-​ġbir taʼ “kotra kbira” mill-​ġnus kollha. Issa huma jgħoddu bil-​miljuni. Jehovah wiegħed li din il-​klassi taʼ l-​art se ssalva fit-​tmiem taʼ din is-​sistema u se jkollha l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. (Apokalissi 7:​9, 10; Salm 37:29; Ġwann 10:16) Fiż-​żmien mistenni t’Alla, għadd kbir taʼ mejtin se jirxoxtaw u jingħataw l-​opportunità li jkunu sudditi tas-​Saltna tas-​sema li jgħixu fuq l-​art. Il-​Kelma t’Alla tipprofetizza f’Atti 24:15: “Kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-​imwiet.”—Ġwann 5:​28, 29.

12. (a) X’tgħallimna dwar Jehovah mill-​fatt li hu ttollera l-​ħażen? (b) Kif tħossok dwar il-​mod kif Jehovah ittratta dawn il-​kwistjonijiet?

12 Kien hemm xi inġustizzja f’dan kollu? Le, għax billi żamm milli jeqred lill-​ħżiena, jew l-​“oġġetti tal-​korla,” Alla qed juri ħniena lil oħrajn, fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu. Dan juri kemm hu mimli ħniena u mħabba. Ukoll, peress li stajna nosservaw kif żviluppa l-​iskop tiegħu, aħna nitgħallmu iktar dwar Jehovah innifsu. Nistagħġbu bl-​aspetti differenti tal-​personalità tiegħu li ġew rivelati—il-​ġustizzja, il-​ħniena, is-​sabar, u l-​għerf li juri f’ċirkustanzi differenti. Il-​mod għaqli kif Jehovah ittratta l-​kwistjoni tas-​sovranità universali—id-​dritt tiegħu li jaħkem—se jibqaʼ għal dejjem bħala xiehda tal-​fatt li l-​mod tiegħu kif jaħkem huwa l-​aqwa wieħed. Maʼ lappostlu Pawlu ngħidu: “Kemm huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal taʼ Alla! Kemm tassew ħadd ma jistaʼ jgħarbel il-​ġudizzju tiegħu u jifhem it-​triqat tiegħu!”—Rumani 11:33.

Opportunità biex Nuru d-​Devozzjoni Tagħna

13. Meta nesperjenzaw xi sofferenza persunali, liema opportunità jkollna quddiemna, u x’se jgħinna nwieġbu bil-​għaqal?

13 Ħafna mill-​qaddejja t’Alla huma f’sitwazzjonijiet li jinvolvu sofferenza persunali. Is-​sofferenza tagħhom tkompli għax Alla għadu ma qeridx lill-​ħżiena u ġab it-​tiġdid imbassar għall-​umanità. Għandu dan jiddiżappuntana? Jew se nqisu dawn is-​sitwazzjonijiet bħala opportunitajiet li permezz tagħhom aħna wkoll nagħtu prova li x-​Xitan huwa giddieb? Nistgħu nissaħħu biex nagħmlu dan jekk inżommu f’moħħna l-​appell: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Satana, dak li jżeblaħ lil Jehovah, akkuża li jekk in-​nies iġarrbu xi telf materjali jew uġigħ fiżiku, huma jwaħħlu f’Alla, saħansitra jisħtuh. (Ġob 1:​9-11; 2:​4, 5) Aħna nferrħu qalb Jehovah meta, bil-​lealtà tagħna lejh waqt li niffaċċjaw it-​tbatijiet, nuru li dan mhux veru fil-​każ tagħna.

14. Jekk nistrieħu fuq Jehovah meta ngħaddu minn xi provi, liema benefiċċji jistaʼ jkollna?

14 Jekk nistrieħu fuq Jehovah meta ngħaddu minn xi provi, nistgħu niżviluppaw kwalitajiet prezzjużi. Per eżempju, minħabba l-​affarijiet li sofra, Ġesù ‘tgħallem l-​ubbidjenza’ b’mod li qatt ma kien jaf qabel. Aħna wkoll nistgħu nitgħallmu mill-​provi tagħna billi nikkultivaw is-​sabar, il-​paċenzja, u l-​apprezzament profond għall-​mogħdijiet ġusti u sewwa taʼ Jehovah.—Lhud 5:​8, 9; 12:11; Ġakbu 1:​2-4.

15. Hekk kif nissaportu t-​tbatija bil-​paċenzja, oħrajn kif jistgħu jibbenefikaw?

15 Oħrajn se josservaw dak li nagħmlu. Minħabba dak li ngħaddu minnu għax inħobbu s-​sewwa, xi wħud maż-​żmien jistgħu jirrikonoxxu min illum huma l-​Kristjani veri. U jekk jingħaqdu magħna fil-​qima, huma jistgħu jirċievu l-​barkiet taʼ ħajja taʼ dejjem. (Mattew 25:​34-36, 40, 46) Jehovah u Ibnu jridu li n-​nies ikollhom din l-​opportunità.

16. Il-​ħarsa tagħna lejn it-​tbatija persunali kif għandha x’taqsam mal-​kwistjoni taʼ l-​unità?

16 Kemm hu taʼ min jirrikkmandah li nqisu saħansitra sitwazzjonijiet diffiċli bħala opportunitajiet biex nuru d-​devozzjoni tagħna lejn Jehovah kif ukoll biex nieħdu sehem fit-​twettiq tar-​rieda tiegħu! Meta nagħmlu dan nistgħu nagħtu evidenza li aħna tabilħaqq mexjin lejn l-​unità m’Alla u Kristu. Ġesù talab lil Jehovah f’isem il-​Kristjani veri kollha, meta qal: “M’iniex nitlob għal dawn [id-dixxipli li kienu miegħu] biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-​saħħa tal-​kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”—Ġwann 17:​20, 21.

17. Liema fiduċja jistaʼ jkollna jekk nibqgħu leali lejn Jehovah?

17 Jekk nibqgħu leali lejn Jehovah, hu se jippremjana b’mod ġeneruż. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej. Kunu afu li l-​ħidma tagħkom fil-​Mulej m’hijiex għalxejn.” (1 Korintin 15:58) Tgħid ukoll: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” (Lhud 6:10) Ġakbu 5:11 jinnota: “Dawk li żammew sħiħ sa l-​aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob, u tafu kif bl-​għajnuna tal-​Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-​Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-​bosta.” X’kien ir-​riżultat għal Ġob? “Il-​Mulej bierek il-​ħajja l-​ġdida taʼ Ġob aktar minn dik taʼ qabel.” (Ġob 42:​10-16) Iva, Jehovah “jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) U xi premju għandna lejn xiex inħarsu ’l quddiem—ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna!

18. X’se jiġrilhom bil-​mod il-​mod il-​memorji taʼ wġigħ li jistaʼ jkollna?

18 Il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla se tneħħi l-​ħsara kollha li ġarrbet il-​familja umana matul l-​eluf taʼ snin li għaddew. Il-​ferħ f’dak iż-​żmien se jkun ferm akbar minn kwalunkwe sofferenza li nesperjenzaw issa. Mhux se nkunu mdejqin minn xi memorji koroh tas-​sofferenza li kellna qabel. Ħsibijiet u attivitajiet li jibnu se jimlew il-​ħajja taʼ kuljum tan-​nies fid-​dinja l-​ġdida, u bil-​mod il-​mod dawn se jħassru l-​memorji taʼ wġigħ. Jehovah jiddikjara: “Se noħloq smewwiet ġodda [gvern ġdid tas-​Saltna mis-​sema fuq il-​bnedmin] u art ġdida [soċjetà taʼ bnedmin tajbin]. Ma jitfakkarx iżjed l-​imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi. Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-​ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien.” Iva, fid-​dinja l-​ġdida taʼ Jehovah, it-​twajbin se jkunu jistgħu jgħidu: “U issa li strieħet u kkwitat l-​art kollha, nfexxew f’għajat taʼ ferħ.”—Isaija 14:7; 65:​17, 18.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Waqt li ppermetta l-​ħażen, Jehovah kif wera bix-​xieraq rispett kbir għal ismu stess?

• It-​tolleranza t’Alla għall-​“oġġetti tal-​korla” kif ippermettiet li l-​ħniena tiegħu tasal għandna wkoll?

• X’għandna nipprovaw naraw f’sitwazzjonijiet li jinvolvu sofferenza persunali?

[Stampi f’paġna 67]

Jehovah “bierek il-​ħajja l-​ġdida taʼ Ġob aktar minn dik taʼ qabel”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja