Kapitlu Ħmistax
Agħti Widen għall-Pariri, Aċċetta d-Dixxiplina
1. (a) Għala lkoll kemm aħna għandna bżonn il-pariri u d-dixxiplina? (b) Liema mistoqsija għandna nikkunsidraw?
“AĦNA lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit,” tgħid il-Bibbja f’Ġakbu 3:2. Min jaf kemm-il darba nqasna milli nkunu x-xorta taʼ persuna li l-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex inkunu. Għalhekk, aħna nagħrfu li l-Bibbja għandha raġun meta tgħid: “Agħti widen għall-pariri u aċċetta d-dixxiplina.” (Proverbji 19:20, NW) Mingħajr ebda dubju diġà għamilna xi aġġustamenti f’ħajjitna biex inġibuha fi qbil mat-tagħlim Bibliku. Imma kif nirreaġixxu jekk Kristjan ieħor jagħtina parir dwar xi ħaġa speċifika?
2. X’għandna nagħmlu meta nirċievu xi parir persunali?
2 Xi wħud jirreaġixxu billi jipprovaw jiġġustifikaw lilhom infushom, inaqqsu mis-serjetà tas-sitwazzjoni, jew jitfgħu l-ħtija fuq oħrajn. Imma huwa aħjar li wieħed jismaʼ mill-parir u japplikah. (Lhud 12:11) M’għandniex xi ngħidu, ħadd m’għandu jistenna l-perfezzjoni minn oħrajn, lanqas m’għandna kontinwament nagħtu pariri dwar affarijiet żgħar jew sitwazzjonijiet li l-Bibbja tħallihom bħala għażla persunali. Ukoll, forsi dak li jkun qed jagħti l-parir ma kkunsidrax il-fatti kollha, u b’rispett tistaʼ tinġibed l-attenzjoni tiegħu lejhom. Imma fid-diskussjoni li ġejja, ejja nassumu li l-pariri jew id-dixxiplina li tingħata tkun xierqa, ibbażata fuq il-Bibbja. Wieħed kif għandu jirreaġixxi?
Eżempji għal Meta Niġu Mwiddbin
3, 4. (a) X’fiha l-Bibbja li tistaʼ tkun t’għajnuna għalina biex niżviluppaw il-ħarsa xierqa lejn il-pariri u d-dixxiplina? (b) Kif irreaġixxa s-Sultan Sawl għall-pariri li ngħata, u b’liema riżultat?
3 Il-Kelma t’Alla fiha esperjenzi veri taʼ individwi li rċivew pariri meħtieġa. Xi drabi, mal-pariri kienu jingħataw ukoll id-dixxiplina. Individwu minnhom kien is-Sultan Sawl taʼ Iżrael. Hu naqas li jobdi lil Jehovah rigward il-ġens t’Għamalek. L-Għamalekin kienu opponew lill-qaddejja t’Alla, u l-ġudizzju divin taʼ Jehovah kien li la l-Għamalekin u lanqas il-bhejjem tagħhom ma kellhom jeħilsuha. Imma s-Sultan Sawl ma qeridx lis-sultan u l-aħjar fost l-annimali tagħhom.—1 Samwel 15:1-11.
4 Jehovah bagħat lill-profeta Samwel biex iċanfar lil Sawl. Kif irreaġixxa Sawl? Hu argumenta li kien ikkonkwista lill-Għamalekin, imma sempliċement iddeċieda li ma jeqridx lis-sultan tagħhom. Madankollu, dan kien kontra l-kmand taʼ Jehovah. (1 Samwel 15:20) Sawl ipprova jitfaʼ l-ħtija fuq in-nies talli kien salva l-bhejjem, meta qal: “Bżajt mill-poplu u smajt minn kliemhom.” (1 Samwel 15:24) Kien jidher li jimpurtah iktar mill-kburija tiegħu, u saħansitra talab lil Samwel biex jonorah quddiem il-poplu. (1 Samwel 15:30) Maż-żmien Jehovah irrifjuta lil Sawl bħala sultan.—1 Samwel 16:1.
5. Xi ġralu s-Sultan Għużżija meta rrifjuta l-parir li ngħata?
5 Is-Sultan Għużżija taʼ Ġuda “dineb kontra l-Mulej, Alla tiegħu, u daħal fis-santwarju tal-Mulej biex jaħraq l-inċens.” (2 Kronaki 26:16) Imma skond il-liġi l-qassisin biss setgħu joffru l-inċens. Meta l-qassis il-kbir ipprova jwaqqaf lil Għużżija, is-sultan xegħel bil-korla. Imbagħad x’ġara? Il-Bibbja tgħid: “Tfaċċa l-ġdiem fuq ġbinu . . . għax il-Mulej kien darbu. U s-sultan Għużżija baqaʼ mġiddem sa ma miet.”—2 Kronaki 26:19-21.
6. (a) Għala Sawl u Għużżija rreżistew il-pariri li ngħataw? (b) Għala hija problema serja llum li wieħed jirreżisti l-pariri li jingħata?
6 Għala kien diffiċli għal Sawl u għal Għużżija biex jaċċettaw il-pariri li ngħataw? Il-problema bażika kienet il-kburija, it-tnejn li huma kienu minfuħin wisq bihom infushom. Ħafna jġibu n-niket fuqhom minħabba din il-karatteristika. Mid-dehra jħossuhom li jekk jaċċettaw il-pariri jkunu qed jagħtu wieħed x’jifhem li huma dgħajfa jew li b’dan se jħassru r-reputazzjoni tagħhom. Imma l-kburija hija dgħjufija. Il-kburija ċċajpar il-mentalità taʼ dak li jkun u ġġagħlu jipprova jirreżisti l-għajnuna provduta minn Jehovah permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu. B’hekk, Jehovah iwissi: “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.”—Proverbji 16:18; Rumani 12:3.
Għandna Naċċettaw il-Pariri
7. Liema lezzjonijiet li jibnu nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Mosè rreaġixxa għall-parir li ngħata?
7 L-Iskrittura fiha wkoll eżempji mill-aħjar taʼ dawk li aċċettaw il-pariri, u aħna nistgħu nitgħallmu minnhom. Ikkunsidra lil Mosè, li ħatnu kien tah il-parir dwar kif jimmaniġġa t-tagħbija tqila tiegħu tax-xogħol. Mosè semaʼ minnu u applika l-parir minnufih. (Eżodu 18:13-24) Għalkemm Mosè kellu awtorità kbira, għala kien lest li jaċċetta parir? Għax kien umli. “Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.” (Numri 12:3) Kemm hi importanti l-umiltà? Sofonija 2:3 juri li din tfisser il-ħajja tagħna.
8. (a) Liema dnubiet ikkommetta David? (b) X’kienet ir-reazzjoni taʼ David għat-twiddiba taʼ Natan? (ċ) X’kienu l-konsegwenzi tad-dnubiet taʼ David?
8 Is-Sultan David ikkommetta adulterju maʼ Batseba u pprova jgħattih billi ġiegħel li żewġha, Urija, jinqatel. Jehovah bagħat lill-profeta Natan biex iwiddeb lil David. Hu nidem u ammetta mill-ewwel: “Jiena dnibt kontra l-Mulej.” (2 Samwel 12:13) Filwaqt li Alla aċċetta l-indiema taʼ David, hu kellu jbati l-konsegwenzi tal-ħażen tiegħu. Jehovah qallu li “ma titwarrab qatt ix-xabla mill-familja [tiegħu],” li n-nisa tiegħu jingħataw lil “ħaddieħor,” u li l-iben li kellu jitwieled mill-adulterju tiegħu ‘żgur kien se jmut.’—2 Samwel 12:10, 11, 14.
9. X’inhu dak li m’għandniex ninsew jekk ningħataw parir jew niġu dixxiplinati?
9 Is-Sultan David kien jaf il-benefiċċji li jinkisbu meta tismaʼ minn parir tajjeb. Darba minnhom, hu rringrazzja lil Alla talli bagħatlu lil min jagħtih parir. (1 Samwel 25:32-35) Aħna hekk nagħmlu? Jekk iva, se niġu protetti milli ngħidu u nagħmlu ħafna affarijiet li jistaʼ jiddispjaċina minnhom. Imma xi ngħidu jekk insibu ruħna f’ċirkustanzi li jwassluna biex ningħataw pariri jew saħansitra dixxiplina? Jalla ma ninsewx li dan huwa evidenza taʼ l-imħabba taʼ Jehovah, u għall-ġid etern tagħna.—Proverbji 3:11, 12; 4:13.
Kwalitajiet Imprezzabbli li Għandna Nikkultivaw
10. Liema kwalità wera Ġesù li kienet neċessarja għal dawk li kienu se jidħlu fis-Saltna?
10 Biex ikollna relazzjoni tajba maʼ Jehovah u maʼ ħutna l-Kristjani, għandna bżonn nikkultivaw ċerti kwalitajiet. Ġesù semma waħda minnhom meta poġġa tifel f’nofs id-dixxipli tiegħu u qal: “Jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir.” (Mattew 18:3, 4) Id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom bżonn jikkultivaw l-umiltà, ladarba kienu argumentaw bejniethom dwar min hu l-akbar.—Luqa 22:24-27.
11. (a) Maʼ min irridu nkunu umlin, u għala? (b) Jekk aħna umlin, kif se nwieġbu għall-pariri li ningħataw?
11 L-appostlu Pietru kiteb: “Lkoll kemm intom, mbagħad, ilbsu l-umiltà maʼ xulxin għax ‘Alla jeqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja.’” (1 Pietru 5:5) Aħna nafu li rridu nkunu umlin quddiem Alla, imma din l-iskrittura turi li rridu nkunu umlin ukoll maʼ nies taʼ l-istess twemmin bħalna. Jekk inkunu umlin, m’aħniex se nieħdu fastidju jekk oħrajn joffrulna xi suġġerimenti xierqa, imma nitgħallmu minnhom.—Proverbji 12:15.
12. (a) Liema kwalità importanti hija marbuta mill-qrib maʼ l-umiltà? (b) Għala għandna nkunu interessati dwar kif il-kondotta tagħna teffettwa lil oħrajn?
12 L-interess għall-benesseri t’oħrajn huwa marbut mill-qrib maʼ l-umiltà. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor. . . . Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja taʼ Alla. Tkunux taʼ tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja taʼ Alla.” (1 Korintin 10:24-33) Pawlu ma qalx li rridu nwarrbu l-preferenzi persunali tagħna kollha, imma hu ħeġġiġna biex ma nagħmlu xejn li jistaʼ jħajjar lil xi ħadd jagħmel dak li l-kuxjenza tiegħu tgħidlu li hu ħażin.
13. Liema eżempju jistaʼ jindika jekk aħniex qed nipprattikaw il-pariri Skritturali?
13 Tpoġġi int il-benesseri taʼ nies oħra qabel il-preferenzi persunali tiegħek stess? Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmuh dan. Hemm ħafna modi kif dan jistaʼ jsir. Bħala eżempju, ikkunsidra l-ilbies u d-dehra persunali. Dawn huma affarijiet li jinvolvu gosti persunali fi qbil mal-gwida mill-Iskrittura rigward li wieħed ikun modest, pulit, u nadif. Imma jekk issir taf li minħabba l-isfond li ġejjin minnu n-nies fil-komunità tiegħek, il-mod kif tilbes jew id-dehra tiegħek tfixkel lil oħrajn milli jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna, se tagħmel xi aġġustamenti? Żgur, li tgħin lil persuna oħra tikseb il-ħajja taʼ dejjem huwa ferm iktar importanti milli li togħġob lilek innifsek.
14. Għala huwa importanti li nikkultivaw l-umiltà u nuru l-interess f’oħrajn?
14 Ġesù tana l-eżempju taʼ kif wieħed ikun umli u juri interess f’oħrajn, saħansitra ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. (Ġwann 13:12-15) Dwaru, il-Kelma t’Alla tgħid: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura taʼ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura taʼ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt.”—Filippin 2:5-8; Rumani 15:2, 3.
Tiċħadx id-Dixxiplina taʼ Jehovah
15. (a) Liema bidliet hemm bżonn li nagħmlu biex ikollna personalità li togħġob lil Alla? (b) B’liema mezzi Jehovah ipprovda pariri u dixxiplina għalina lkoll?
15 Peress li aħna lkoll midinbin, hemm bżonn li nagħmlu xi bidliet fl-attitudni u l-kondotta tagħna jekk irridu nirriflettu l-personalità t’Alla tagħna. Irridu nilbsu “l-bniedem il-ġdid.” (Kolossin 3:5-14) Il-pariri u d-dixxiplina jgħinuna nidentifikaw fejn hemm bżonn li nagħmlu xi aġġustamenti u mbagħad biex naraw kif nistgħu nagħmluhom. Is-sors bażiku taʼ l-istruzzjoni li għandna bżonn jinsab fil-Bibbja nfisha. (2 Timotju 3:16, 17) Il-letteratura Biblika u l-laqgħat provduti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah jgħinuna napplikaw il-Kelma t’Alla. Saħansitra jekk inkunu diġà smajna l-parir qabel, se nirrealizzaw kemm għandna bżonnu u nipprovaw nitjiebu?
16. Liema għajnuna jipprovdilna Jehovah bħala individwi?
16 B’interess kollu mħabba, Jehovah jgħinna meta jkollna l-problemi. Miljuni ġew megħjunin permezz taʼ studji tal-Bibbja fid-djar. Il-ġenituri jagħtu pariri u dixxiplina lil uliedhom sabiex jipproteġuhom minn kondotta li ġġib in-niket. (Proverbji 6:20-23) Ġewwa l-kongregazzjoni, xi wħud taʼ spiss jistaqsu lill-ministri taʼ l-esperjenza għall-pariri u suġġerimenti sabiex itejbu l-isforzi tagħhom fl-attività taʼ l-għalqa. Xi drabi, l-anzjani jistgħu jitolbu pariri mingħand xulxin jew mingħand oħrajn li għandhom l-esperjenza fil-ministeru. Dawk li għandhom kwalifiki spiritwali jużaw il-Bibbja biex jgħinu lil dawk fil-bżonn, u dan jagħmluh bi spirtu t’umiltà. Jekk tkun se tagħti xi parir, ftakar biex ‘toqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll.’ (Galatin 6:1, 2) Iva, ilkoll għandna bżonn il-pariri u d-dixxiplina biex inqimu lill-uniku Alla veru magħqudin flimkien.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Bl-imħabba, Jehovah kif jgħinna naraw fejn għandna bżonn personalment nagħmlu xi aġġustamenti?
• Għala ħafna jkollhom diffikultà biex jaċċettaw il-pariri meħtieġa, u kemm hu serju dan?
• Liema kwalitajiet imprezzabbli se jgħinuna nkunu lesti naċċettaw il-pariri li ningħataw, u Ġesù kif tana l-eżempju f’dan?
[Stampa f’paġna 142]
Għużżija rrifjuta l-parir li ngħata u ntlaqat bil-ġdiem
[Stampa f’paġna 142]
Mosè bbenefika meta aċċetta l-parir li ngħata minn Ġetro