Jaċċettawh il-Parir Tiegħek?
PARIR tajjeb mogħti kif jixraq dejjem ikollu riżultati mill-aħjar. Veru dan? Le m’hux veru! Anki parir eċċellenti mogħti minn uħud kapaċi taʼ spiss ma jingħatax widen jew jiġi rrifjutat.—Proverbji 29:19.
Hekk ġara meta Jehovah ta parir lil Kajjin, li kien żviluppa mibegħda għal ħuh, Abel. (Ġenesi 4:3-5) Billi kien jaf kemm dan kien taʼ periklu għal Kajjin, Alla qallu: “Għala sħant u għala għaddast rasek? Jaqaw m’hux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfaʼ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma inti tistaʼ trażżnu.”—Ġenesi 4:6, 7.
Għalhekk, Jehovah xebbah id-dnub m’annimal tal-priża waqt li jistenna biex jaqbeż fuq Kajjin jekk dan ippersista f’li jibqaʼ jżomm f’qalbu kontra ħuh. (Qabbel Ġakbu 1:14, 15.) Kien għad hemm ċans biex Kajjin ibiddel l-attitudni tiegħu, u ‘jagħmel it-tajjeb’ minflok ma jsegwi korsa li ġġib gwaj kbir. Sfortunatament, Kajjin ma tax kas. Hu rrifjuta l-parir taʼ Jehovah, b’konsegwenzi tal-biki.
Xi wħud iżommu f’qalbhom u jiċħdu kwalunkwe tip taʼ parir. (Proverbji 1:22-30) Jekk wieħed jirrifjuta l-parir, jistaʼ t-tort ikun taʼ min jagħtih? (Ġob 38:2) Int li tagħti l-parir tagħmilha diffiċli biex oħrajn jaċċettaw il-parir li tkun tajthom? Minħabba l-imperfezzjoni umana dan hu periklu reali. Imma int tistaʼ tnaqqas il-possibbiltà li jiġri dan billi ssegwi bir-reqqa l-prinċipji Bibliċi. Ejjew nikkunsidraw xi wħud minnhom.
‘Widdbu bi Spirtu taʼ Ħlewwa’
“Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu taʼ ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll.” (Galatin 6:1) B’hekk l-appostlu Pawlu wera li dawk li huma “spiritwali” għandhom jipprovaw iwiddbu lil Kristjan li “jinqabad f’xi ħtija.” Xi drabi jidher li dawk inqas ikkwalifikati li jagħmlu dan ikunu huma l-iktar inklinati li jagħtu parir. Għaldaqstant, tgħaġġilx iżżejjed biex tagħti parir lil oħrajn. (Proverbji 10:19; Ġakbu 1:19; 3:1) L-anzjani tal-kongregazzjoni huma primarjament dawk ikkwalifikati spiritwalment biex jagħmlu dan. M’għandniex xi ngħidu, kwalunkwe Kristjan matur għandu jwissi lil xi ħu jekk jarah dieħel f’xi periklu.
Jekk toffri xi twissija jew parir, kun żgur li tibbaża dak li tgħid fuq l-għarfien t’Alla, u mhux fuq teoriji u filosofiji umani. (Kolossin 2:8) Kun bħal dak il-kok għaqli li jkun żgur li kull ingredjent li juża huwa bnin u bla ebda periklu t’avvelenament. Kun żgur li l-parir tiegħek ikun ibbażat fis-sod fuq il-Kelma t’Alla u mhux sempliċement fuq opinjoni persunali. (2 Timotju 3:16, 17) Meta tagħmel hekk, tistaʼ tibqaʼ ċert li l-parir tiegħek m’hu se jkun taʼ ħsara għal ħadd.
L-objettiv tal-parir huwa biex ‘iwiddeb’ lil dak li żbalja, u mhux li jisforza bidla taʼ bilfors. Il-kelma Griega għal ‘iwiddeb’ hija rrelatata maʼ terminu li għandu x’jaqsam maʼ meta terġaʼ titpoġġa għadma żlogata f’postha sabiex tiġi evitata iktar ħsara. Skond il-lessikografu W. E. Vine, din tissuġġerixxi wkoll “in-neċessità taʼ paċenzja u perseveranza fil-proċess.” Immaġina l-ġentilezza u s-sengħa meħtieġa biex wieħed jevita li jikkaġuna wġigħ fiżiku bla bżonn. B’mod simili, dak li jagħti l-parir għandu bżonn joqgħod ferm attent biex jevita li jweġġaʼ lil dak li qed jingħatalu l-parir. Huwa diġà diffiċli meta xi ħadd jitlob il-parir hu stess. Meta l-parir tiegħek ma jintalabx, saħansitra jirrikjedi sengħa u tattika akbar.
Ċertament int mhux se ‘twiddeb’ lil ħadd jekk tgerrxu. Biex tevita li dan jiġri, żomm f’moħħok il-bżonn li turi “sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.” (Kolossin 3:12) Jekk tabib ma jkollux paċenzja u ma jkunx ġentili mal-pazjent, il-pazjent għandu mnejn jinjora l-parir tiegħu u qatt ma jerġaʼ jmur għandu għall-kura li jkollu bżonn.
Dan ma jfissirx li l-parir m’għandux ikun sod. Ġesù Kristu kien sod meta ta parir lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fid-distrett taʼ l-Asja. (Apokalissi 1:4; 3:1-22) Hu tahom ftit pariri tassew diretti li huma kellhom bżonn jisimgħu u japplikaw. Imma s-sodizza taʼ Ġesù dejjem kienet ibbilanċjata bi kwalitajiet bħal mogħdrija u qalb tajba, billi rrifletta l-ispirtu kollu mħabba taʼ Missieru tas-sema.—Salm 23:1-6; Ġwann 10:7-15.
Agħti Parir bil-Ħlewwa
“Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-melħ taʼ l-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Il-melħ jistaʼ jtejjeb it-togħma taʼ l-ikel, billi jagħmlu jħajrek. Jekk trid li l-parir tiegħek jingħoġob, dan għandu jiġi ppreżentat ‘bil-ħlewwa, mħawwar bil-melħ.’ Madankollu, anki bl-aqwa ingredjenti, l-ikel jistaʼ ma jkunx ippreparat sew jew ippreżentat fuq il-platt bla ebda gost. Dan ma jiftaħlekx l-aptit. Fil-fatt, jistaʼ jkun diffiċli biex tniżżel imqar naqra minnu jekk dan ma jkunx jogħġbok.
Meta tagħti parir, huwa importanti li tagħżel il-kliem xieraq. L-għaref Salamun qal: “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.” (Proverbji 25:11) Hu setaʼ tassew kellu f’moħħu reċipjent tal-fidda ddisinjat b’mod sabiħ b’tuffieħ tad-deheb imnaqqxin b’sengħa kbira. Kemm ikun sabiħ dan fl-għajnejn, u kemm kieku tapprezzah jekk taqilgħu bħala rigal! Bl-istess mod, kliem ħelu u magħżul sew jistaʼ jolqot ħafna lil dak il-wieħed li int qed tipprova tgħin.—Koħèlet 12:9, 10.
B’kuntrast, “kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Proverbji 15:1) Kliem mhux addattat jistaʼ jirriżulta f’uġigħ u rabja minflok fi gratitudni. Fil-fatt, mhux il-kliem biss imma anki t-ton ħażin tal-vuċi jistaʼ jkun kaġun li wieħed jiċħad parir li essenzjalment ikun tajjeb. Meta jingħata parir b’mod insensittiv u mingħajr ebda tattika, dan jistaʼ jkun taʼ ħsara daqs kemm kieku xi ħadd jiġi attakkat b’arma. “Min iqassas b’ilsienu [“jitkellem bla ma jaħsibha,” NW] jinfed bħal sejf,” jgħid Proverbji 12:18. Għala għandek titkellem mingħajr ma taħsibha u tagħmilha diffiċli li xi ħadd jagħti widen għall-parir?—Proverbji 12:15.
Bħalma qal Salamun, kelma taʼ parir għandha “tingħad f’waqtha.” Il-waqt huwa importanti jekk il-parir se jkun taʼ suċċess! Huwa ovvju li l-ikel mhux dejjem hu apprezzat minn xi ħadd li tilef l-aptit. Forsi jkun għadu kemm kiel xi ikla kbira, jew forsi ma jkunx jiflaħ. Li ġġiegħel lil xi ħadd jiekol taʼ bilfors m’hu la għaqli u lanqas aċċettabbli.
Agħti Parir bl-Umiltà
“Imlewni bil-ferħ! . . . Tagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu [“interess persunali,” “NW”], imma li jaqbel [“interess persunali,” “NW”] lil ħaddieħor.” (Filippin 2:2-4) Jekk int kapaċi tagħti pariri tajbin, se titqanqal minn “interess persunali” għall-benesseri taʼ l-oħrajn. Int ukoll se turi ‘l-umiltà’ meta tittratta maʼ l-aħwa spiritwali, billi tikkunsidra lil oħrajn bħala aqwa minnek. Dan x’ifisser?
L-umiltà se tgħinek tevita milli tadotta xi attitudni jew ton superjuri. Ħadd minna m’għandu għalfejn iħossu superjuri fuq kredenti sħabu. Kulħadd jonqos xi darba jew oħra. Ladarba ma tistax taqra l-qalb, huwa tassew importanti li ma tiġġudikax il-motivi tal-wieħed li qed tagħtih il-parir. Forsi m’għandu ebda motiv ħażin u mhux konxju taʼ xi attitudni jew azzjonijiet ħżiena. Anki jekk hu b’xi mod konxju li m’huwiex jaġixxi fi qbil maʼ dak li Alla jirrikjedi, mingħajr ebda dubju se jsibha iktar faċli li jaċċetta l-parir jekk dan jingħata bl-umiltà u b’interess ġenwin għall-ġid spiritwali tiegħu.
Immaġina kif tħossok kieku ġejt mistieden għal ikla imma dak li stiednek ma jittrattakx b’kordjalità u b’rispett! Ċertament int mhux se tieħu pjaċir tiekol. Tabilħaqq, “aħjar platt ħaxix mogħti bl-imħabba, minn gendus smin bil-mibegħda miegħu.” (Proverbji 15:17) Bl-istess mod, saħansitra l-aqwa parir jistaʼ jkun diffiċli biex wieħed jaċċettah jekk min jagħtih juri li m’għandux grazzja maʼ min jeħtieġ il-parir jew jekk iċekknu u jimbarazzah. Madankollu, l-imħabba, ir-rispett reċiproku, u l-fiduċja se jagħmluha iktar faċli għall-parir biex jingħata u jiġi aċċettat.—Kolossin 3:14.
Parir li Ngħata Widen
Il-profeta Natan wera l-umiltà meta ta l-parir lis-Sultan David. L-imħabba u r-rispett lejn David kienu evidenti f’dak li Natan qal u għamel. Natan beda b’tixbieha li analizzat id-diffikultà li x’aktarx David setaʼ kellu f’li jagħti widen għall-parir. (2 Samwel 12:1-4) Il-profeta appella għall-imħabba li David kellu għall-ġustizzja u t-tjieba, avolja ma tantx kienet evidenti fl-azzjonijiet tiegħu li kienu jinvolvu lil Batseba. (2 Samwel 11:2-27) Meta l-punt tat-tixbieha ġie enfasizzat, ir-reazzjoni mill-qalb taʼ David kienet: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!” (2 Samwel 12:7-13) Kontra Kajjin, li ma semax minn Jehovah, David aċċetta l-korrezzjoni bl-umiltà.
Mingħajr ebda dubju kien Jehovah li ggwidah lil Natan, billi kkunsidra l-imperfezzjoni taʼ David u l-probabbiltà li dan setaʼ jirreaġixxi b’mod ħażin. Natan issokta b’tattika kbira u ovvjament lil David qiesu bħala superjuri minħabba l-pożizzjoni li David kellu bħala s-sultan magħżul taʼ Jehovah. Jekk int f’pożizzjoni taʼ xi awtorità, għandek mnejn tagħti parir tajjeb, imma dan jistaʼ jkun diffiċli biex tingħata widen jekk int tonqos li turi l-umiltà.
Natan widdeb lil David bi spirtu taʼ ħlewwa. Il-kliem tal-profeta kien grazzjuż u ppreparat bir-reqqa sabiex David setaʼ jwieġeb b’mod li jkun fl-aħjar interessi tiegħu stess. Natan ma tqanqalx minn interess persunali, u lanqas ma pprova jassumi superjorità morali jew spiritwali fuq David. X’eżempju mill-aħjar taʼ li wieħed jgħid il-kliem xieraq b’mod tajjeb! Jekk turi spirtu bħal dan, x’aktarx li oħrajn iktar se jaċċettaw il-parir tiegħek.
[Stampa f’paġna 22]
Bħal ikel nutrijenti, il-parir tiegħek għandu jkun bnin
[Stampa f’paġna 23]
Il-parir tiegħek tagħtih b’mod li jħajjar bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda?
[Stampa f’paġna 24]
Il-profeta Natan appella bl-umiltà għall-imħabba li David kellu għall-ġustizzja u t-tjieba