Kapitlu Dsatax
Ibqaʼ Tkellem il-Kelma t’Alla bil-Qlubija
1. (a) Liema aħbar tajba xandru d-dixxipli taʼ Ġesù, imma kif irreaġixxew xi wħud mil-Lhud? (b) Liema mistoqsijiet għandna mnejn nistaqsu?
KWAŻI 2,000 sena ilu, l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, ġie midluk biex fil-futur ikun is-Sultan fuq l-art kollha. Ġesù ngħata l-mewt minħabba l-għawi taʼ l-għedewwa reliġjużi tiegħu, imma Jehovah qajmu mill-imwiet. Permezz taʼ Ġesù, issa saret possibbli l-ħajja taʼ dejjem. Madankollu, meta d-dixxipli taʼ Ġesù xandru pubblikament din l-aħbar tajba, faqqgħet il-persekuzzjoni. Xi wħud minnhom ġew mitfugħin il-ħabs, saħansitra msawtin u ordnati jieqfu milli jitkellmu dwar Ġesù. (Atti 4:1-3, 17; 5:17, 18, 40) X’kienu se jagħmlu? Kieku int x’kont tagħmel? Kont tibqaʼ tagħti xiehda bil-qlubija?
2. (a) Liema aħbar meraviljuża hemm bżonn tixxandar fi żmienna? (b) Min għandu r-responsabbiltà li jippriedka l-aħbar tajba?
2 Fl-1914 is-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù Kristu, ngħata t-tron fis-sema biex jaħkem ‘f’nofs l-għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:2) Imbagħad, Satana u d-demonji tiegħu ġew mixħutin lejn l-art. (Apokalissi 12:1-5, 7-12) Minn hemm bdew l-aħħar jiem tas-sistema preżenti mill-agħar. Meta dan il-perijodu taʼ żmien jintemm, Alla se jfarrak is-sistema t’affarijiet satanika kollha. (Danjel 2:44; Mattew 24:21) Dawk li jibqgħu ħajjin se jkollhom quddiemhom il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art li se ssir ġenna. Jekk int ħaddant din l-aħbar tajba, tkun trid taqsamha m’oħrajn. (Mattew 24:14) Imma liema reazzjoni tistaʼ tistenna?
3. (a) Kif jirreaġixxu n-nies għall-messaġġ tas-Saltna? (b) Liema mistoqsija rridu niffaċċjaw?
3 Meta xxandar l-aħbar tajba tas-Saltna, xi nies għandhom mnejn jaċċettawha, imma l-biċċa l-kbira se jkunu indifferenti. (Mattew 24:37-39) Xi wħud forsi jwaqqgħuk għaċ-ċajt jew jopponuk. Ġesù wissa li l-oppożizzjoni għandha mnejn tiġi minn qrabatek stess. (Luqa 21:16-19) Forsi ssibha wkoll fuq il-post tax-xogħol jew fl-iskola. F’xi partijiet tad-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma saħansitra projbiti mill-gvern. Meta tiffaċċja ċirkustanzi bħal dawn, se tibqaʼ titkellem il-kelma t’Alla bil-qlubija u żżomm “sħiħ fil-fidi”?—1 Korintin 16:13.
Ma Nistriħux Fuqna Nfusna
4. (a) X’inhu essenzjali biex nagħtu prova li aħna qaddejja leali t’Alla? (b) Għala huma daqshekk importanti l-laqgħat Kristjani?
4 Biex wieħed ikun qaddej leali taʼ Jehovah huwa essenzjali li jistrieħ fuq il-provvedimenti Tiegħu. Wieħed minnhom huwa l-laqgħat tal-kongregazzjoni. L-Iskrittura tħeġġiġna biex ma nittraskurawhomx. (Lhud 10:23-25) Dawk li baqgħu leali bħala Xhieda taʼ Jehovah għamlu ħilithom biex jattendu regolarment il-laqgħat maʼ l-aduraturi sħabhom. F’dawn il-laqgħat jiżdidilna l-għarfien taʼ l-Iskrittura. Ukoll, jikber l-apprezzament tagħna għall-veritajiet magħrufin sew, u iktar insiru konxji dwar kif nistgħu nużawhom. Se nersqu eqreb taʼ ħutna l-Kristjani peress li nkunu magħqudin flimkien fil-qima u nissaħħu biex nagħmlu r-rieda t’Alla. L-ispirtu taʼ Jehovah jipprovdi direzzjoni permezz tal-kongregazzjoni, u permezz taʼ dan l-ispirtu, Ġesù jinsab f’nofsna.—Mattew 18:20; Apokalissi 3:6.
5. Meta x-Xhieda taʼ Jehovah ikunu taħt projbizzjoni, xi jsir rigward il-laqgħat?
5 Tattendi int regolarment għal-laqgħat kollha, u tapplika personalment dak li tismaʼ? Xi drabi, meta x-Xhieda taʼ Jehovah ikunu taħt projbizzjoni, ikun hemm bżonn li l-laqgħat isiru fi gruppi żgħar fi djar privati. Il-post u l-ħin jistgħu jvarjaw u mhux dejjem jistgħu jkunu konvenjenti minħabba li xi laqgħat isiru tard fil-għaxija. Imma minkejja l-inkonvenjenza jew il-periklu persunali, aħwa leali jagħmlu sforz kbir biex ikunu preżenti għal kull laqgħa.
6. Kif nuru li qed nistrieħu fuq Jehovah, u dan kif jistaʼ jgħinna nkomplu nitkellmu bil-qlubija?
6 Aħna se nitgħallmu nistrieħu fuq Jehovah billi nduru regolarment lejh permezz taʼ talb mill-qalb, għax nirrealizzaw li għandna bżonn l-għajnuna t’Alla. Tagħmel hekk int? Ġesù talab ripetutament matul il-ministeru tiegħu fuq l-art. (Luqa 3:21; 6:12, 13; 22:39-44) U fil-lejla taʼ qabel ma tawh il-mewt, hu ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.” (Mark 14:38) Jekk niltaqgħu maʼ indifferenza għall-messaġġ tas-Saltna, nistgħu nitħajru nnaqqsu mill-ministeru tagħna. Jekk in-nies iwaqqgħuna għaċ-ċajt jew jippersegwitawna, forsi nħossuna mħajrin li nieqfu nippridkaw sabiex nevitaw il-problemi. Imma jekk nitolbu bil-ħeġġa kollha għall-ispirtu t’Alla biex jgħinna nkomplu nitkellmu bil-qlubija, se niġu mħarsin biex ma nċedux għal tentazzjonijiet bħal dawn.—Luqa 11:13; Efesin 6:18-20.
Ġrajjiet bil-Miktub taʼ Għoti taʼ Xiehda bil-Qlubija
7. (a) Għala l-ġrajjiet miktubin fil-ktieb taʼ l-Atti huma taʼ interess speċjali għalina? (b) Wieġeb il-mistoqsijiet provduti fl-aħħar taʼ dan il-paragrafu, waqt li tenfasizza kif nistgħu nibbenefikaw minn dan it-tagħrif.
7 Il-ġrajjiet miktubin fil-ktieb taʼ l-Atti huma taʼ interess speċjali għalina lkoll. Dawn jgħidulna kif l-appostli u dixxipli oħra tal-bidu—nies li kellhom l-istess sentimenti bħal tagħna—għelbu l-ostakli u taw prova li kienu xhieda taʼ Jehovah qalbiena u leali. Ejja neżaminaw porzjon minn dan il-ktieb bl-għajnuna tal-mistoqsijiet u l-iskritturi ċitati li ġejjin. Waqt li nagħmlu dan, ikkunsidra kif int tistaʼ tibbenefika personalment minn dak li tkun qed taqra.
Kienu l-appostli xi rġiel taʼ skola kbira? Kienu huma min-natura tagħhom nies li ma jibżgħu minn xejn, jiġri x’jiġri? (Ġwann 18:17, 25-27; 20:19; Atti 4:13)
X’għen lil Pietru jitkellem bil-qlubija quddiem il-qorti Lhudija li kienet kundannat lill-Iben t’Alla stess? (Mattew 10:19, 20; Atti 4:8)
X’kienu qed jagħmlu l-appostli matul il-ġimgħat taʼ qabel ma ttieħdu quddiem is-Sinedriju? (Atti 1:14; 2:1, 42)
Meta l-ħakkiema ordnaw lill-appostli biex ma jibqgħux jippridkaw fuq il-bażi taʼ isem Ġesù, kif wieġbu Pietru u Ġwanni? (Atti 4:19, 20)
Wara li ġew meħlusin, l-appostli għand min reġgħu marru għall-għajnuna? Talbu huma biex tieqaf il-persekuzzjoni, jew dwar xiex talbu? (Atti 4:24-31)
B’liema mezz Jehovah ipprovda l-għajnuna meta dawk li jopponu pprovaw iwaqqfu x-xogħol taʼ l-ippridkar? (Atti 5:17-20)
Kif urew l-appostli li kienu fehmu r-raġuni għala ġew meħlusin? (Atti 5:21, 41, 42)
Anki meta d-dixxipli xterdu minħabba l-persekuzzjoni, x’komplew jagħmlu? (Atti 8:3, 4; 11:19-21)
8. X’riżultati eċċitanti ħarġu mill-ministeru tad-dixxipli tal-bidu, u aħna kif ġejna involuti?
8 Ix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba ma kienx għalxejn. Tgħammdu madwar 3,000 dixxiplu f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. “L-għadd taʼ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor.” (Atti 2:41; 4:4; 5:14) Maż-żmien, saħansitra persekutur aħrax tan-nies t’Alla, Sawl taʼ Tarsu, sar Kristjan u beda jagħti xiehda dwar il-verità bil-qlubija. Hu sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu. (Galatin 1:22-24) Ix-xogħol li nbeda fl-ewwel seklu ma waqafx. Dan qabad ritmu mgħaġġel f’dawn l-aħħar jiem u laħaq il-partijiet kollha tad-dinja. Aħna għandna l-privileġġ li nieħdu sehem fih, u hekk kif nagħmlu dan, nistgħu nitgħallmu mill-eżempju li ħallewlna x-xhieda leali li qdew qabilna.
9. (a) Liema opportunitajiet uża Pawlu biex jagħti xiehda? (b) B’liema modi twassal int il-messaġġ tas-Saltna lil oħrajn?
9 Meta Pawlu sar jaf il-verità dwar Ġesù Kristu, x’għamel? “Malajr beda jxandar lil Ġesù . . . u jgħid li dan hu l-Iben taʼ Alla.” (Atti 9:20) Hu apprezza l-qalb tajba mhix mistħoqqa li Alla wera miegħu, u rrealizza li kulħadd kellu bżonn l-aħbar tajba li kien irċieva hu. Pawlu kien Lhudi, u skond id-drawwa taʼ dak iż-żmien, hu mar jagħti xiehda fis-sinagogi. Mar jippriedka wkoll minn dar għal dar u kien jirraġuna man-nies fis-suq. Hu kien lest li jmur f’territorji ġodda biex jippriedka l-aħbar tajba.—Atti 17:17; 20:20; Rumani 15:23, 24.
10. (a) Kif wera Pawlu li filwaqt li kien qalbieni kien ukoll għaqli fil-mod kif jagħti xiehda? (b) Kif nistgħu nimitaw il-kwalitajiet li wera Pawlu meta nagħtu xiehda lil qrabatna, lil sħabna tax-xogħol jew taʼ l-iskola?
10 Pawlu kien qalbieni imma kien għaqli wkoll, l-istess bħalma rridu nkunu aħna. Lil-Lhud kien jipprova jiġbidhom billi jkellimhom fuq il-bażi tal-wegħdi li Alla kien għamel lil missirijiethom. Lill-Griegi kellimhom fuq il-bażi taʼ l-affarijiet li kienu familjari magħhom. Xi drabi kien juża l-esperjenza tiegħu stess dwar kif sar jaf bil-verità bħala mezz biex jagħti xiehda. Hu qal: “Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu.”—1 Korintin 9:20-23; Atti 22:3-21.
11. (a) X’għamel Pawlu biex ma jaqlax inkwiet ripetutament maʼ nies li kienu jopponu? (b) Meta nistgħu b’għaqal nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu, u kif? (ċ) Minfejn tiġi l-qawwa biex inkomplu nitkellmu bil-qlubija?
11 Meta Pawlu ra li minħabba l-oppożizzjoni kien aħjar li jmur jippriedka xi mkien ieħor għal xi żmien, hu għamel dan minflok ma qalaʼ l-inkwiet ripetutament maʼ nies li kienu jopponuh. (Atti 14:5-7; 18:5-7; Rumani 12:18) Imma qatt ma staħa minħabba l-aħbar tajba. (Rumani 1:16) Għalkemm Pawlu ma kienx jogħġbu t-trattament insolenti—saħansitra vjolenti—minn dawk li kienu jopponuh, hu ‘għamel il-qalb f’Alla tagħna’ biex jibqaʼ jippriedka. Hu qal: “Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sa l-aħħar.” (1 Tessalonikin 2:2; 2 Timotju 4:17) Ġesù, il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, ikompli jipprovdi l-qawwa li għandna bżonn biex inwettqu x-xogħol li hu bassar għal żmienna.—Mark 13:10.
12. X’jagħti evidenza tal-qlubija Kristjana, u x’inhi l-bażi tagħha?
12 Għandna kull raġuni biex inkomplu nitkellmu l-kelma t’Alla bil-qlubija, sewwa sew bħalma Ġesù u qaddejja leali oħra t’Alla għamlu fl-ewwel seklu. Dan ma jfissirx li rridu nipprovaw bilfors nagħtu l-messaġġ lil dawk li ma jriduhx jew li ma nqisux il-mod kif iħossuhom. Imma aħna ma naqtgħux qalbna għax in-nies ikunu indifferenti; lanqas m’aħna se nisktu minħabba l-oppożizzjoni. Bħal Ġesù, aħna nippontaw lejn is-Saltna t’Alla bħala l-gvern li għandu d-dritt jaħkem fuq l-art kollha. Nitkellmu b’fiduċja għax nirrappreżentaw lil Jehovah, is-Sovran Universali, u għax il-messaġġ li nxandru ma jiġix mingħandna iżda mingħandu. U mħabbitna għal Jehovah għandha tkun l-aqwa motiv biex infaħħruh.—Filippin 1:27, 28; 1 Tessalonikin 2:13.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Għala huwa importanti li naqsmu l-messaġġ tas-Saltna maʼ kulmin nistgħu, imma liema reazzjonijiet nistgħu nistennew?
• Kif nistgħu nuru li aħna mhux qed nistrieħu fuqna nfusna biex naqdu lil Jehovah?
• Liema lezzjonijiet taʼ valur nitgħallmu mill-ktieb taʼ l-Atti?
[Stampi f’paġna 173]
Bħal fil-passat, il-qaddejja taʼ Jehovah illum jitkellmu l-kelma t’Alla bil-qlubija