KAPITLU 44
Il-Ħbieb Tagħna Għandhom Iħobbu lil Alla
IL-ĦBIEB huma nies li nieħdu pjaċir nitkellmu magħhom u nqattgħu ħin magħhom. Imma huwa importanti li jkollna ħbieb tajbin. Min taħseb li huwa l-aqwa ħabib li jistaʼ jkollna?— Iva, Alla Ġeħova.
Veru nistgħu nkunu l-ħbieb t’Alla?— Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li Abraham, raġel li għex żmien twil ilu, kien “il-ħabib taʼ Ġeħova.” (Ġakbu 2:23) Taf għala kien hekk?— Il-Bibbja twieġeb li Abraham obda lil Alla. Hu obda anki meta Alla talbu jagħmel xi ħaġa diffiċli. Mela biex inkunu ħbieb taʼ Ġeħova, irridu nagħmlu dak li jogħġob lilu, l-istess bħalma għamel Abraham u bħalma għamel dejjem l-Għalliem il-Kbir.—Ġenesi 22:1-14; Ġwanni 8:28, 29; Ebrej 11:8, 17-19.
Abraham għala kien “il-ħabib taʼ Ġeħova”?
Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.” (Ġwanni 15:14) Ladarba kulma Ġesù qal lin-nies kien ġej minn Ġeħova, Ġesù kien qed jgħid li l-ħbieb tiegħu kienu nies li kienu jagħmlu dak li qalilhom jagħmlu Alla. Iva, il-ħbieb kollha tiegħu kienu jħobbu lil Alla.
Xi wħud mill-iktar ħbieb tal-qalb taʼ l-Għalliem il-Kbir kienu l-appostli tiegħu, u dawn tistaʼ tarahom f’paġna 75 taʼ dan il-ktieb. Huma vvjaġġaw miegħu u għenuh fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Ġesù kien iqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħu maʼ dawn l-irġiel. Kienu jieklu flimkien, jitkellmu dwar Alla flimkien, u jagħmlu affarijiet oħra flimkien. Imma Ġesù kellu ħafna ħbieb oħra. Hu kien imur joqgħod għandhom u kienu jieħdu pjaċir jgħaddu ftit ħin flimkien.
Waħda mill-familji li Ġesù kien iħobb imur joqgħod għandha kienet toqgħod fil-belt żgħira taʼ Betanja, eżatt barra l-belt kbira taʼ Ġerusalemm. Tiftakar min kienu dawn?— Kienu Marija u Marta u ħuhom, Lazzru. Ġesù sejjaħ lil Lazzru l-ħabib tiegħu. (Ġwanni 11:1, 5, 11) Ir-raġuni għala Ġesù kien iħobb lil din il-familja u jieħu pjaċir joqgħod magħha kienet għax dawn in-nies kienu jħobbu lil Ġeħova u jaqduh.
Ġesù għala spiss kien joqgħod maʼ din il-familja meta kien imur Ġerusalemm? Taf x’jisimhom dawn in-nies?
Dan ma jfissirx li Ġesù ma kienx qalbu tajba man-nies li ma kinux jaqdu lil Alla. Kien qalbu tajba magħhom. Saħansitra kien imur fid-dar tagħhom u jiekol magħhom. Minħabba f’hekk, xi nies bdew jgħidu li Ġesù kien “ħabib tal-kolletturi tat-taxxi u tal-midinbin.” (Mattew 11:19) Il-fatt hu li Ġesù ma marx fid-dar taʼ dawn in-nies għax kien jaqbel mal-mod kif jgħixu. Kien imur jarahom biex ikellimhom dwar Ġeħova. Hu pprova jgħinhom jieqfu jagħmlu affarijiet ħżiena u jibdew jaqdu lil Alla.
Żakkew għala telaʼ fuq din is-siġra?
Dan ġara darba waħda fil-belt taʼ Ġeriko. Ġesù kien għaddej minn hemm biex imur Ġerusalemm. Kien hemm folla nies, u fil-folla kien hemm raġel jismu Żakkew. Dan ried jara lil Ġesù. Imma Żakkew kien qasir, u ma setax jara minħabba n-nies. Allura hu telaq jiġri qabel kulħadd u telaʼ fuq siġra biex jara lil Ġesù sewwa malli jkun għaddej.
Meta Ġesù wasal ħdejn dik is-siġra, hu ħares ’il fuq u qal: ‘Isa, inżel, għax illum se niġi d-dar tiegħek.’ Imma Żakkew kien raġel sinjur li kien għamel affarijiet ħżiena. Ġesù għala ried imur fid-dar taʼ raġel bħal dan?—
Ir-raġuni ma kinitx għax Ġesù kien jogħġbu l-mod kif kien jgħix dak ir-raġel. Hu mar hemm biex jitkellem maʼ Żakkew dwar Alla. Kien ra kif ir-raġel għamel ħiltu kollha biex jarah. Għalhekk kien jaf li Żakkew x’aktarx kien se jismaʼ. Din kienet opportunità tajba biex ikellmu dwar kif Alla jgħid li n-nies għandhom jgħixu.
Ġesù għala jinsab fid-dar taʼ Żakkew, u Żakkew x’qed iwiegħed li se jagħmel?
Allura, issa x’inhu jiġri?— Żakkew jieħu pjaċir bit-tagħlim taʼ Ġesù. Hu qed jiddispjaċih ħafna talli qarraq bin-nies, u qed iwiegħed li jagħti lura l-flus li ma kellux dritt jieħu. Imbagħad isir dixxiplu taʼ Ġesù. Wara li jagħmel hekk biss Ġesù u Żakkew isiru ħbieb.—Luqa 19:1-10.
Jekk nimxu fuq l-eżempju taʼ l-Għalliem il-Kbir, se mmorru xi darba nżuru lil nies li m’humiex il-ħbieb tagħna?— Iva. Imma m’aħniex se mmorru d-dar tagħhom għax jogħġobna l-mod kif jgħixu. U m’aħniex se nagħmlu affarijiet ħżiena magħhom. Se mmorru narawhom sabiex inkunu nistgħu nkellmuhom dwar Alla.
Imma l-ħbieb tagħna tal-qalb huma dawk li l-iktar nieħdu pjaċir inqattgħu ħin magħhom. Biex dawn ikunu ħbieb tajbin, Alla jrid ikun kuntent bihom. Xi wħud forsi lanqas biss jafu min hu Ġeħova. Imma jekk jixtiequ jitgħallmu dwaru, nistgħu ngħinuhom. U meta jasal iż-żmien li huma jibdew iħobbu lil Ġeħova bħalna, imbagħad inkunu nistgħu nsiru ħbieb tal-qalb.
Hemm mod ieħor kif tinduna jekk xi ħadd huwiex ħabib tajjeb jew le. Innota l-affarijiet li jagħmel. Jagħmel hu affarijiet kattivi lil nies oħra u mbagħad joqgħod jidħaq bihom? Dan mhux sewwa, hux hekk?— Huwa wieħed li dejjem jidħol fl-inkwiet? Aħna ma rridux nidħlu fl-inkwiet minħabba fih, hux veru?— Jew jagħmel hu affarijiet ħżiena apposta u mbagħad jaħseb li hu bravu għax ma jinqabadx? Anki jekk ma jinqabadx, Alla rah x’għamel, mhux hekk?— Taħseb li nies li jagħmlu affarijiet bħal dawn jistgħu jkunu ħbieb tajbin għalina?—
Tistaʼ ġġib il-Bibbja tiegħek jekk jogħġbok? Ejja naraw din x’tgħid dwar kif il-ħbieb jeffettwaw il-ħajja tagħna. L-iskrittura qiegħda fl-1 Korintin kapitlu 15, il-vers 33. Sibtha?— Din tgħid: “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” Dan ifisser li jekk noqogħdu maʼ nies ħżiena, nistgħu nsiru ħżiena. U huwa veru wkoll li ħbieb tajbin jistgħu jgħinuna niżviluppaw drawwiet tajbin.
Ejja qatt ma ninsew li Ġeħova huwa l-iktar Persuna importanti f’ħajjitna. Aħna ma rridux inħassru l-ħbiberija tagħna miegħu, hux hekk?— Mela rridu noqogħdu attenti u nagħmlu ħbieb biss maʼ dawk li jħobbu lil Alla.
L-importanza li jkollna ħbieb tajbin tintwera f’Salm 119:115; Proverbji 13:20; it-2 Timotju 2:22; u l-1 Ġwanni 2:15.